Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tas-XVII-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Raw lil Mosè bil-ġilda ta’ wiċċu tiddi u beżgħu jersqu lejh.
Eżodu 34, 29-35

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

Meta Mosè niżel minn fuq il-muntanja tas-Sinaj biż-żewġ twavel tax-xhieda f’idu, hu ma kienx jaf li l-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejh Alla.

U meta Aron, u l-ulied kollha ta’ Iżrael raw lil Mosè bil-ġilda ta’ wiċċu tiddi, beżgħu jersqu lejh. Iżda Mosè sejħilhom, u resqu lejh Aron u l-kbarat kollha tal-ġemgħa, u Mosè qagħad ikellimhom.

Imbagħad resqu wkoll l-ulied kollha ta’ Iżrael, u Mosè ordnalhom kulma kien qallu l-Mulej fuq il-muntanja tas-Sinaj. Meta Mosè temm jitkellem magħhom, għatta wiċċu b’velu. Imma meta kien jidħol quddiem il-Mulej biex jitkellem miegħu, Mosè kien ineħħi l-velu sa ma kien joħroġ. Meta mbagħad kien joħroġ, kien jgħid lil ulied Iżrael kulma kien ordnalu l-Mulej.

Meta wlied Iżrael kienu jħarsu lejn Mosè, kienu jarawlu l-ġilda ta’ wiċċu tiddi, u Mosè kien jerġa’ jqiegħed il-velu fuq wiċċu sa ma jerġa’ jidħol jitkellem mal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 98 (99), 5.6.7.9

R/. (ara 9ċ): Qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,
inxteħtu quddiem mirfes riġlejh,
għax hu qaddis! R/.

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu,
u Samwel fost dawk li jsejħu ismu,
kienu jsejħu l-Mulej, u hu jweġibhom. R/.

F’kolonna ta’ sħab kien jitkellem magħhom;
kienu jħarsu l-preċetti
u l-liġi li tahom. R/.

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,
u inxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;
għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 15, 15b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Sejjaħtilkom ħbieb, jgħid il-Mulej
għaliex kulma smajt mingħand Missieri
jiena għarrafthulkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Mt 13, 44-46

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa. Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kulma kellu u xtara lilha”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu