Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema 2009


Ittra Pastorali

Ittra Pastorali tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema 2009

Alla jagħmel ġustizzja mal-magħżulin tiegħu

Għeżież uliedi,

Biex nifhmu kemm ma nistgħux ngħaddu mingħajr Alla, Ġesù xebbah lilu nnifsu mal-ħobż. Għall-bniedem il-ħobż ifisser il-ħajja. Fis-silta tal-Vanġelu li għadha kif ixxandritilna, Ġesù jistqarr: “Jien hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema”, u f’ħajtu kemm-il darba taffa l-ġuħ tan-nies. Wieħed iżid li fl-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum, fuq il-mejda tal-ikel il-ħobż ma jaqax mis-sema, imma wieħed irid jaħdem għalih! U ħafna drabi l-ħobż jgħaġnu bl-għaraq ta’ ġbinu! Bħalma hija ġustizzja li l-bniedem ikollu x’jiekol, daqshekk ieħor huwa għandu jaqla’ ħobżu b’għemil ġust. Sfortunatament mhux dejjem huwa hekk. Xi drabi l-ħobż jintgħaġen b’dirgħajn imċappsa b’azzjonijiet inġusti.

B’għafsa ta’ qalb ninnota li fostna hemm diversi li jokorbu għax iħossuhom vittmi ta’ xi inġustizzja fis-sens wiesa’ tal-kelma. Dan ifisser li fostna hemm ukoll minn huwa responsabbli għal dawn l-għemejjel li jidorbu lill-bniedem.

Għemejjel ta’ inġustizzja

Jgħid sewwa l-Papa Benedittu XVI li l-ateiżmu ta’ żminijietna – meta l-bniedem qed ifassal ħajtu u l-ħajja soċjali daqs li kieku Alla ma jeżistix – wassal għal għamliet akbar ta’ moħqrija u ksur tal-ġustizzja. Soċjetà li jidhrilha li Alla huwa żejjed jew xkiel, hija konvinta li tista’ toħloq hija stess il-ġustizzja skont kif tħoss, jidhrilha u jaqblilha. Il-futur ta’ din ix-xorta ta’ soċjetà huwa tassew imċajpar għax, kif jgħid il-filosofu Pascal, “il-bniedem waħdu ma jistax ikun jaf x’inhi l-ġustizzja”.

Dan tikkonfermah l-esperjenza tagħna llum li qed insiru torox għal Alla! Infatti l-faxxa tal-inġustizzji qiegħda dejjem titwessa’:
 meta xi ħadd jew xi grupp jipprova jħammeġ l-isem jew il-memorja ta’ persuna billi jxerred qlajjiet bil-ħsieb li jdgħajfilha l-kredibilità jew ixekkilha fix-xogħol tagħha.
 Għandna familji li m’għadhomx familja minħabba l-mod inġust kif tqassam il-ġid tal-familja; aħwa li ma jitkellmux minħabba abbużi konnessi mal-wirt; familji li minħabba ndħil ta’ terzi sabu ruħhom misruqa, anke b’manipolazzjoni tal-liġi, mill-patrimonju tal-familja; familji vittmi tal-użura.
 Bħalma hemm familji li sofrew serq tal-ġid materjali, hemm familji oħra li ġew misruqa minn ġid ogħla: il-fedeltà fiż-żwieġ. L-infedeltà fiż-żwieġ tiġri meta raġel jitfa’ għajnejh fuq mara miżżewga jew mara titfa’ għajnejha fuq raġel miżżewweġ; dan iċaħħad lill-parti l-oħra fiż-żwieġ u lil uliedha minn persuna li tkun tagħhom. Din hija wkoll inġustizzja kontra l-istess istituzzjoni taż-żwieġ u l-familja.
 Fuq livell soċjali, insemmi l-kriżi finanzjarja li laqtet id-dinja. Kieku l-istituzzjonijiet finanzjarji mxew bi kriterji ġusti u amministraw b’mod korrett il-ġid li ħafna afdawlhom, kieku kien ikun evitat ħafna faqar soċjali ġdid.

Bir-raġun Ġesù jgħidilna biex infittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja t’Alla, u l-Missier jagħtina dak kollu li neħtieġu biex nieklu, nixorbu, nilbsu u aktar ukoll. Biex inaddaf is-soċjetà ta’ żmienu minn kull inġustizzja, Ġesù fittex dejjem li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru. Fuq l-eżempju tiegħu, aħna nistgħu nibnu belt sabiħa fejn tassew tgħammar il-ġustizzja, jekk nagħmlu dak li jrid Alla. L-azzjoni tagħna tkun ġusta jekk tkun fi qbil mar-rieda t’Alla. Il-ġustizzja hija don t’Alla li jissarraf f’impenn għalina l-bnedmin. Kull xorta ta’ inġustizzja hija dnub.

L-imħabba u l-ġustizzja

Ġesù jniggeż il-kuxjenza tagħna meta jgħidilna: “jekk il-ħajja ġusta tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-saltna tas-Smewwiet” . Dan il-kliem jikxef li hemm żewġ livelli ta’ ġustizzja: dik naturali u dik soprannaturali, li tissejjah “caritas”. L-imħabba hija ġustizzja aktar għolja. Għalkemm tisboq il-ġustizzja, l-imħabba fl-istess waqt tissupponi l-ġustizzja. Kif jista’ xi ħadd jagħti minn dak li huwa tiegħu lil ħaddiehor, jekk ma jkunx lest li jagħti lil ħaddiehor dak li jisthoqqlu bi dritt?! Biex tħobb, trid ikun ġust. M’hemmx imħabba fejn mhix rispettata l-ġustizzja. Il-ġustizzja tiftaħ l-ewwel triq biex wieħed jitgħallem iħobb. Forsi għalhekk nonqsu mill-karità Nisranija – għax id-diskors dwar il-ġustizzja jdarrasna!

Ġustizzja kommutattiva

Fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna suppost nipprattikaw il-ġustizzja komutattiva – dik li tħares ir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Per eżempju, meta wieħed jixtri oġġett jew servizz, iħallas il-prezz tiegħu. Sikwit nisimgħu bl-indiċi tal-prezzijiet u ftit jgħaddilna minn moħħna li ħafna minna, bl-imġiba ġusta jew inġusta tagħna, b’xi mod għandna sehem kemm dan l-indiċi jogħla jew jitbaxxa. Ilkoll kemm aħna, Gvern u poplu, għandna kontribut x’nagħtu biex jiġi żgurat li mġiba abbużiva fil-qasam tal-prezzijiet tiġi mnaqqsa kemm hu possibbli. Tajjeb għalhekk li nistaqsu: kemm huma ġusti l-prezzijiet li jintalbu, partikularment il-prezzijiet ta’ dak li huwa essenzjali għall-ħajja? Kemm huwa ġust il-ħlas li jintalab għas-servizzi li nipprovdu? Kemm hu ħieles mill-qerq il-prodott jew is-servizz li tiegħu nitħalsu? Kemm nonoraw il-kuntratti li nkunu dħalna għalihom? Kemm aħna onesti fit-tfassil ta’ dokumenti legali? Daqskemm huwa importanti li jkun hemm pagi ġusti, wieħed ma jistax jittraskura jew jassenti ruħu abbużivament mix-xogħol.

Ġustizzja distributtiva

Dawk li jaqdu lis-soċjetà billi jamministraw, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll lokali, japplikaw il-ġustizzja distributtiva – dik li tirregola r-relazzjonijiet bejn is-soċjetà u l-individwi li jagħmlu parti minnha. Hija responsabilità tagħhom li jaraw kif il-ġid u l-piżijiet jitqassmu fuq iċ-ċittadini proporzjonalment skont il-ħtiġijiet u l-ħiliet ta’ kull wieħed. Ma tkunx għażla ġusta jekk il-ġid u l-piżijiet jitqassmu bejn kulħadd l-istess. Ma tkunx ġustizzja jekk fil-qasam tas-servizzi soċjali l-Istat jgħin lil kulħadd xorta, jew li ċ-ċittadini jippretendu li l-Istat iwieżen bl-istess kejl lil kulħadd. Il-konsegwenza ta’ dan tkun li min għandu tassew bżonn ma jkunx mgħejjun kemm jistħoqqlu!

Illum nisimgħu ħafna fuq l-għajnuna finanzjarja diretta li l-Unjoni Ewropea tgħaddi lill-pajjiżi membri tagħha, inkluż lil Malta. Bla ebda dubju dawn il-fondi finanzjarji huma provvidenzjali għax permezz tagħhom il-pajjiż jista’ jwettaq proġetti siewja għal żvilupp sħiħ u sostenibbli li javvanza l-interess ġenerali tal-poplu tagħna. Tibqa’ r-responsabiltà tagħna lkoll, Gvern u poplu, biex kulħadd jagħti sehmu ħalli l-użu li għalih jitpoġġew dawn il-fondi jkun l-akbar wieħed li jġib ’il quddiem l-interess tal-poplu tagħna.

Ġustizzja legali

Min huwa fl-awtorità għandu s-setgħa li jagħmel liġijiet ġusti biex iħares il-ġid komuni. Iċ-ċittadin għandu d-dmir li joqgħod għal dawn il-liġijiet. Fil-qafas tal-ġustizzja legali hemm liġijiet dwar il-ġbir tat-taxxi, bħalma huma t-taxxa tad-dħul, taxxa tas-suċċessjoni, u l-VAT. Ikun jonqos kontra l-ġustizzja min jipprova jevadi dawn il-liġijiet, jew dak li jissieħeb ma’ min irid jeħles minnhom.

Jekk l-Istat għandu d-dritt u d-dmir li jiġbor il-fondi, iċ-ċittadin ukoll għandu d-dritt u d-dmir li jara kif qed jintefqu l-fondi pubbliċi. Amministrazzjoni tajba tal-fondi pubbliċi hija barka; imma amministrazzjoni ħażina tista’ twassal għal piżijiet finanzjarji kbar li jkollhom jerfgħu ġenerazzjonijiet futuri. Dan huwa serju ħafna, aktar u aktar meta jinħass il-bżonn li naħdmu aktar biex il-kultura li min hu responsabbli jirrispondi personalment tkompli taqbad l-għeruq.

Ġustizzja soċjali

F’dik li tissejjaħ ġustizzja soċjali, l-imsieħba soċjali li jaħsdu l-frott jiftakru f’dawk li m’għandhomx biex jgħixu ħajja dinjituża. “Alla jrid li … dawk li għandhom xi ‘talent’ partikulari jagħtu mill-ġid tagħhom lil dawk li jeħtiġuh. Id-differenzi jħajru u xi kull tant jobbligaw lin-nies biex juru qalb kbira u tjieba liema bħalha li jwassluhom biex jaqsmu mal-oħrajn dak li jkollhom”. Il-fqir u ż-żgħir qatt ma huma piż għas-soċjetà, imma huma riżorza, anke mill-aspett ekonomiku. Billi l-prinċipju tal-gratuwità, li jimplika li wieħed jagħti u jingħata fi spirtu ta’ fraternità, huwa utli wkoll għall-attività ekonomika, f’soċjetà msejsa fuq il-profitt hu meħtieġ li jkunu apprezzati aktar l-għaqdiet tal-volontarjat.

Minn naħa l-oħra, anke l-użu abbużiv tas-servizzi soċjali huwa inġustizzja. Hemm min “jidħak” bl-awtorità biex jikkwalifika għal għajnuna soċjali. Każ tipiku hu meta wieħed jieħu l-kontribuzzjoni tal-qgħad meta fil-fatt ikun jaħdem bi qliegħ.

Ġustizzja retributtiva

Il-ġustizzja retributtiva tobbliga li min huwa responsabbli ta’ xi azzjoni inġusta jirrestitwixxi dak li jkun seraq. Skont il-ligi tal-bnedmin id-dmir li wieħed irodd jew isewwi l-ħsara li jkun għamel jista’ jiġi preskritt; imma skont il-ligi t’Alla, dan id-dnub ma jinħafirx qabel ma ssir ir-restituzzjoni. Jekk wieħed ikun seraq il-fama ta’ xi ħadd, hemm id-dmir li dak l-isem jiġi riabilitat; jekk wieħed ikun kisser familja, huwa fid-dmir li jara kif jerġa’ jġib l-armonija; jekk wieħed ikun seraq, għandu l-obbligu li jrodd lura.

Strutturi soċjali inġusti

Fis-soċjetà jista’ jkun hemm strutturi, privati u pubbliċi, li bla ebda skruplu jaħdmu b’metodi inġusti. F’dawn l-“istrutturi tad-dnub”, li jiġġeneraw kull tip ta’ inġustizzja, hemm persuni li mingħajr ebda prinċipju ta’ etika jew morali jabbużaw mis-sistema. Daqskemm iċ-ċittadin huwa fid-dmir li jkun ġust f’għemilu, daqstant ieħor għandu d-dmir li jikkontrolla dawn l-istrutturi; u jekk huma strutturi nġusti, juża l-mezzi li għandu biex jibdilhom.

Alla għad jagħmel ġustizzja

Tkun kemm tkun kbira l-inġustizzja, in-Nisrani għandu jkun konvint li Alla għad jagħmel ġustizzja mal-magħzulin tiegħu. Kif il-Missier għamel ġustizzja ma’ Ibnu li wara mewt inġusta qajmu mill-qabar, hekk jagħmel magħna. Barra minn hekk, Alla jgħin lil min jixtieq jinfatam minn atteġġjamenti nġusti. Ix-xewqa li hemm fil-bniedem biex jgħammar fil-ġustizzja hi motiv biex hu jemmen fl-eternità, fejn jgħibu l-ħwejjeġ ta’ qabel, ma jkunx hemm aktar tbatija u Alla jixxuttalna kull demgħa minn għajnejna. Dan it-twemmin huwa msaħħaħ bis-solennità li sejrin niċċelebraw tat-Tlugħ fis-Sema tal-Vergni Marija.

Bl-interċessjoni ta’ Marija, Speculum Iustitiae (Mera tal-ġustizzja), nitlob il-barka t’Alla fuqkom.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum, il-Ħamis, 6 ta’ Awwissu 2009, Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.

Mons Salv Debrincat + Mario Grech
Kanċellier Isqof ta’ Għawdex