Omelija tal-Isqof Mario Grech fiż-Żjara tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Lawrenz

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fiż-Żjara tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Lawrenz minn Amaseno
Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz, Għawdex
Il-Ħadd 27 ta’ Lulju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

BŻONN TA’ DEMM ĠDID

Meta d-demm jitlef is-sustanza tiegħu u jimrad, il-bniedem isir bla saħħa, jintelaq u jieħu bixra ta’ mewt; meta mbagħad ikun hemm trasfużjoni ta’ demm ġdid, il-bniedem jieħu s-saħħa, jikseb enerġija ġdida u jitwieled mill-ġdid. F’din l-okkażjoni taż-żjara tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Lawrenz Martri, filwaqt li napplika dan kollu għall-ħajja tal-Knisja lokali, nitlob lil San Lawrenz jagħtina anki qatra demm minn tiegħu biex iġedded demmna bħala komunità Nisranija.

Għaliex fil-Knisja lokali nara ċerta telqa, għeja u nuqqas ta’ ħajja – ibda minni u ibqa’ nieżel sa isfel! Donnu fostna xi kultant titla’ riħa ta’ għeluq u ta’ mewt. Fil-fatt nistaqsi: X’differenza tagħmel il-fidi fil-ħajja personali u familjari tagħna? X’impatt qed tħalli l-Knisja fis-soċjetà ta’ żmienna? Xi drabi nagħtu d-dehra li ntlaqna mal-kurrent kulturali ta’ żminijietna, u flok ma ngħinu biex nindikaw direzzjoni, insibu ruħna ninġarru mal-mewġ tal-ħajja! Hemm ir-riskju li jekk nibqgħu ma nagħtux kas, id-demm tagħna bħala Nsara mhux biss jibred, imma jkompli jitħassar.

Id-demm li jagħti l-ħajja huwa d-demm ta’ Kristu. Imma nissuspetta li tant ħadna kunfidenza mad-demm ta’ Kristu, ibda minni li fil-Quddiesa l-Ispirtu jinqeda bija biex jibdel l-inbid fid-demm ta’ Kristu, illi wasalna biex ninnewtralizzaw l-effetti tiegħu. Meta jqis l-għadd ta’ quddies u tqarbin li jkollna, wieħed faċli jistaqsi jekk aħniex inħalltu wisq ilma mad-demm ta’ Kristu b’tali mod li dan ma fadallux il-qawwa divina li jibdlilna demna u jagħtina l-ħajja. Kien dan il-kalċi mbierek li minnu xorob San Lawrenz u hekk kiseb il-qawwa biex jiġġedded u jġedded il-Knisja u s-soċjetà ta’ żmienu. Id-demm ta’ Lorenzo huwa d-demm ta’ Kristu. Għalhekk, devozzjoni vera lejn id-demm ta’ San Lawrenz għandha twassalna biex naduraw id-demm għażiż ta’ Ġesù. Imma forsi għandna bżonn inġeddu l-Ewkaristija li niċċelebraw, mhux tant billi nivvintaw Quddiesa ġdida, imma billi nġeddu l-attitudni tagħna fil-konfront tal-Ewkaristija. Bla ebda dubju għandna nġeddu l-parteċipazzjoni tagħna fl-Ewkaristija. Bosta drabi, meta niċċelebraw l-Ewkaristija, aħna ninqdew bl-apparat liturġiku, imma ftit li xejn ikollna l-esperjenza tal-misteru, ftit li xejn noħolqu ambjent ta’ talb, ftit li xejn nemmnu li fuq l-altar ikun qed iseħħ l-istess sagrifiċċju tal-Kalvarju, u allura fuq l-altar aħna nilqgħu d-demm li Kristu xerred biex isalva l-umanità. Aħna nixorbu mill-kalċi mbierek biex hekk id-demm ta’ Kristu jitħallat mad-demm tagħna, u demmna jitħallat mad-demm ta’ Kristu vittma.

Nixtieq li jien żbaljat, imma nħoss li għandna bżonn demm ġdid fil-ħajja Nisranija. It-twemmin tagħna mhux xi oġġett tal-antik li wasal għandna mingħand il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. Nitqarrqu jekk it-twemmin Nisrani nirrenduh sempliċi tradizzjoni ta’ missirijietna. Sfortunatament fostna għandna persuni li, għalkemm huma ftit, huma influwenti ħafna, li biex jikkonservaw it-tradizzjonijiet jaslu biex jissagrifikaw l-essenza tal-Evanġelju. Kif jgħid Ġesù fl-Evanġelju, is-Saltna tas-Smewwiet hija teżor, u meta l-bidwi jsib dan it-teżor, ibiegħ kollox biex it-teżor ikun tiegħu. Ġaladarba sab it-teżor, huwa jwarrab kollox biex jibda mill-ġdid. Is-sejba tat-teżor ġedditlu ħajtu. Sewwa nistaqsu jekk għalina l-Insara Kristu huwiex verament it-teżor tagħna.

Qegħdin ngħixu fi żmien fejn min hu Nisrani qed jiġi interpellat biex jagħti r-raġuni tal-fidi tiegħu; imma ser tkun diffiċli għalina biex nagħtu tweġiba li titwemmen jekk ma nkunux personalment konvinti li Ġesù huwa t-teżor ta’ ħajjitna. Ma jimpurtax jekk ma nibqgħux reliġjon tal-massa. Kif f’Jannar li għadda kont fissirt lis-saċerdoti tagħna, neħtieġu komunitajiet żgħar li huma kreattivi. Nistaqsi fejn hi l-kreattività tagħna bħala komunitajiet ekkleżjali! Nosserva li spiss jiġri li aħna nikkuntentaw ruħna billi nirrepetu l-iskemi tal-imgħoddi, anki jekk dawn kienu maħsuba u proposti għal realtajiet li llum għebu għal kollox. Ma rridx inkun ġeneriku, imma qed ngħid dak li qed inħoss f’qalbi.

Il-Knisja hija “ġisem mistiku”, u bħala ġisem għandha wkoll id-demm jiġri fil-vini tagħha. Jekk ma noqogħdux attenti biex nippumpjaw demm ġdid f’dan il-“ġisem”, allura ma niskantawx li dan il-ġisem jitlef saħħtu… li dan il-ġisem jitlef il-kapaċità li jnissel ħajjiet ġodda! Għinuni biex fil-Knisja tagħna jkollna demm ġdid. Ħafna drabi napplikaw l-enerġiji tagħna biex nipperpetwaw l-istorja, nesebixxu paramenti sagri l-ġmiel tagħhom u nżommu ħaj il-patrimonju artistiku tal-imgħoddi; imbagħad ftit nagħtu kas jekk il-mod kif niċċelebraw il-liturġija jkunx qiegħed jgħinna nidħlu fil-qalba tal-misteru! Għandna ċerti ċelebrazzjonijiet liturġiċi li aktar għandhom minn tat-teatru milli mill-esperjenza tas-sagru. Jekk irridu kejl biex nivverifikaw jekk il-liturġija hijiex awtentika jew le, nistaqsu jekk il-kult ikunx qed jgħinna niltaqgħu ma’ Ġesù.

Imma meta ser niftħu għajnejna qabel ma jkun tard wisq biex nimplimentaw it-tiġdid meħtieġ? Dan kollu qalithulna Ommna l-Knisja ħamsin sena ilu permezz tal-Konċilju Vatikan II. Dan it-tiġdid jista’ jitlaq minn fuq, imma hekk jaf isib reżistenza (naf x’qed ngħid!); imma jista’ jitlaq minn isfel. Għalhekk ngħinu lil xulxin biex lil din il-Knisja ngħinuha tibqa’ żagħżugħa b’wiċċ frisk, anki fl-għażliet pastorali tagħha. Kif jgħid il-Papa Franġisku, Knisja magħluqa fiha nfisha tmut, imma Knisja li tiftaħ il-bieb u tasal sat-trufijiet tas-soċjetà hija Knisja li għandha futur. Dan il-proċess ta’ tiġdid, minkejja li mhux faċli, neħtiġuh ikoll kemm aħna – ibda minni, l-Isqof, u ninkludi lil kulħadd, speċjalment dawk li għandhom xi ministeru, ordnat jew mhux, u r-reliġjużi.

Jekk bħal San Lawrenz inħallu d-demm ta’ Kristu jiġri fil-vini tagħna, aħna mhux biss nagħtu kontribut lill-Knisja imma wkoll lis-soċjetà. Anki fis-soċjetà ċivili teżisti ċerta telqa u jista’ jkun hemm aktar tiġdid kemm fl-istrutturi u kemm fil-metodi mħaddma. Il-bniedem tal-lum qiegħed jitlef il-fiduċja tiegħu anki fl-istituzzjonijiet ċivili, għaliex f’ħafna affarijiet inkallajna u weħilna fl-imgħoddi.

Ma għandniex naqtgħu qalbna jekk f’dan il-proċess ta’ tiġdid evanġeliku ma nkunux mifhuma u niltaqgħu mar-reżistenza. Bħal fil-każ ta’ San Lawrenz Levita, il-martirju ma huwiex it-tmiem, għax id-demm tal-martri jsaqqi l-ħamrija li tnibbet żerriegħa ġdida u dan ikun garanzija ta’ “smewwiet ġodda u art ġdida”.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading