Diskors tal-Isqof Mario Grech lill-Kleru fil-Bidu tal-Avvent Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb


Diskors lill-Kleru fil-Bidu tal-Avvent Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria Is-Sibt 26 ta’ Novembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MITIS IUDEX: GĦAL DIXXERNIMENT ĦANIN

Għalina s-saċerdoti l-Avvent mhux biss huwa żmien biex bil-predikazzjoni tagħna ngħinu lill-oħrajn jagħmlu l-laqgħa tagħhom ma’ Kristu, imma huwa wkoll iż-żmien it-tajjeb għalina stess biex aħna nġeddu l-laqgħa tagħna ma’ Kristu. Jekk jien bħala saċerdot ma nkunx skoprejt preżenza ġdida tal-Mulej, kif nista’ ngħin lil ħaddieħor jagħmel dan? Fil-Liturġija dalwaqt nisimgħu l-istedina biex inħejju t-triq tal-Mulej, niddirittaw il-mogħdijiet tiegħu, u “kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa… it-triqat imħarbta jitwittew u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla” (Lq 3:5-6). Ma hemm ebda ħofra li ma tistax timtela. Ma teżisti ebda blata li ma tistax titwarrab. Kull triq mgħawġa u mħarbta tista’ titranġa. Imma donnu hawn min mhux konvint li l-grazzja kapaċi tagħmel dan kollu! Kieku nemmnu fil-qawwa tal-grazzja, kieku m’hawnx dan il-biża’ biex nattwaw dak li qed jgħidilna “Pietru” f’kapitlu 8 tal-Amoris lætitia fir-rigward ta’ dawk li għandhom problemi fil-ħajja taż-żwieġ. Jien nifhem li qed jaslulkom messaġġi li jistgħu joħolqulkom inċertezza u konfużjoni – mhux ħaġa sabiħa taqra li hawn isqfijiet li għandhom spirtu sataniku. Nixhed quddiem Alla li dak li qed ngħidilkom qed ngħidu bl-akbar responsabbiltà bħala isqof ta’ din il-Knisja partikulari f’għaqda ma’ Pietru, u ta’ dan għandi l-konferma ta’ Pietru.

Għal darb’oħra, fl-aħħar Ittra Appostolika tiegħu Misericordia et misera, il-Papa Franġisku jerġa’ jfakkarna fil-“kumplessità tar-realtà tal-familja llum” u jisħaq li f’dan il-kuntest soċjali u ekkleżjali huwa “importanti li tasal għand il-familji tagħna kelma li għandha l-qawwa li tfarraġ”.1 Il-kelma li biha nistgħu noffru l-faraġ mhix xi waħda elaborata fil-moħħ frott tal- intelliġenza umana, imma hija “persuna” għaliex hija l-“Kelma ta’ Alla” li fil-milja taż-żmien saret laħam! Kull xorta ta’ għajnuna li l-komunità ekkleżjali tista’ toffri lil dawn il-persuni għandha tkun frott ta’ “dixxerniment spiritwali attent, profond u fit-tul, biex kulħadd, ħadd eskluż, kull sitwazzjoni ħajja, tista’ tħossha konkretement milqugħa minn Alla, tieħu sehem attiv fil-ħajja tal-komunità u tkun inserita f’dak il-Poplu ta’ Alla li miexi bla heda lejn il-milja tas-saltna ta’ Alla, saltna ta’ ġustizzja, ta’ mħabba, ta’ maħfra u ta’ ħniena”.2

Dan id-dixxerniment kollu ħniena huwa meħtieġ għaliex kull wieħed “iġorr miegħu l-għana u t-toqol tal-istorja tiegħu li tagħmlu differenti minn kull bniedem ieħor”;3 il-fatt li kull bniedem huwa uniku u għandu storja irrepetibbli li tiżvolgi f’ċirkustanzi partikulari, jikkuntrasta mal-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali. Lill-mara li nqabdet fil-fatt fl-adulterju, il-Lhud riedu jħaġġruha skont il-liġi li kien tahom Mosè (ara Ġw 8:4-5). Din kienet applikazzjoni tal-prinċipji morali mingħajr ebda dixxerniment. Imma l-attitudni ta’ Ġesù kienet differenti, għax hu “reġġa’ lura l-liġi ta’ Mosè għall-għan oriġinali u ġenwin tagħha. Fil-qalbha m’hemmx il-liġi u l-ġustizzja legali, imma l-imħabba ta’ Alla, li jaf jaqra fil-qalb ta’ kull persuna, biex jifhem dik l-iżjed xewqa moħbija, u li għandu jkollha l-primat fuq kollox”.4 Dan kollu huwa konformi mat-teoloġija morali tomista – kif jirrimarka l-Papa

1 FRANĠISKU, Ittra appostolika Misericordia et misera, 20 ta’ Novembru 2016, 14.
2 Ibid.
3 Ibid.
4 Ibid., 1.

nnifsu, “il-morali mħaddma fl-Amoris lætitia hi tomista, imma dik tal-kbir San Tumas, u mhux dik tal-‘iskolastika dekadenti’ li fuqha jimxu xi teologi.5

F’dan kollu għandna eku tal-metodu pastorali li jagħtina l-Papa fil-kapitlu 8 tal-Amoris lætita biex inkunu nistgħu nindirizzaw id-diversi għamliet ta’ dgħufija li għaddej minnhom il- bniedem fil-kuntest ta’ relazzjonijiet affettivi: “Nieqaf fuq l-istedina għall-ħniena u għad- dixxerniment pastorali quddiem sitwazzjonijiet li mhumiex iwieġbu b’mod sħiħ għal dak li l- Mulej jixtieq minna”.6 Konxji mill-firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet konkreti, ma nistgħux nistennew xi “norma ġenerali ġdida ta’ bixra kanonika, li tapplika għall-każi kollha. Nistgħu biss noffru tħeġġiġa ġdida għad-dixxerniment responsabbli, personali u pastorali tal- każi partikulari, li għandu jagħraf li billi l-grad ta’ responsabbiltà mhuwiex l-istess f’kull każ, il-konsegwenzi u l-effetti tan-norma mhux bilfors ikunu dejjem l-istess”.7 Huwa għalhekk li “għandna nevitaw ġudizzji li jinjoraw il-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet”.8

Hawnhekk għandna spostament tal-paradigma: minn pastorali tal-legaliżmu xi drabi rigoruż, għall-pastorali li tgħin lill-bniedem jidħol f’relazzjoni personali ma’ Ġesù. Fi kliem il-Papa Franġisku, ġie spostat “il-fus mill-kunċett Nisrani ta’ ċertu legaliżmu, li jista’ jkun ideoloġiku, għall-Persuna ta’ Alla li sar ħniena fil-inkarnazzjoni ta’ Ibnu”.9 Huwa mqarraq waħda u sew min jaħseb li d-dixxerniment huwa skuża biex wieħed jiżgiċċa l-verità jew biex ikun jiġġustifika l-iżball u hekk iserraħ il-kuxjenza. Dixxerniment responsabbli jitlob aktar impenn minn sempliċi applikazzjoni tal-liġi ad litteram. Fil-fatt, il-loġika legalistika tikkuntenta bil-minimu mitlub, filwaqt li d-dixxerniment iwassal biex wieħed jagħmel it- tajjeb possibbli.

Fil-każ ta’ persuni li għandhom dubji serji dwar il-validità taż-żwieġ tagħhom, wieħed jirrakkomanda li qabel ma jsir id-dixxerniment fil-foro interno, dan isir fil-foro esterno bl- għajnuna tat-tribunali ekkleżjastiċi. Minkejja li huma strutturi ġuridiċi maħkuma minn terminoloġija legalista/kanonistika u l-persuni li joperaw fihom għandhom nomenklatura mislufa mill-qrati ċivili, it-tribunali tal-Knisja joffru servizz eminentement pastorali. Huma għodda siewja biex il-Knisja ssieħeb u tgħin lill-partijiet fiż-żwieġ jagħmlu dixxerniment dwar il-validità tas-sagrament taż-żwieġ tagħhom. Fid-dawl tax-xewqa espressa mill-Isqfijiet matul is-Sinodu biex ikun hemm riforma fil-proċess kanoniku għad-dikjarazzjoni tan-nullità taż-żwieġ, il-Papa Franġisku, “misjuq mill-imħabba u l-ħniena”, tana żewġ moti proprji – Mitis judex Dominus Jesus u Mitis et Misricors Jesus.10

Fi kliem il-Papa Franġisku fir-Rescriptum ex Audientia SS.mi tas-7 ta’ Diċembru 2015, dawn in-normi ġodda “jridu juru sewwasew il-qrubija tal-Knisja lejn il-familji midruba, għax tixtieq li l-għadd ta’ dawk li traġikament qed iġarrbu l-falliment fiż-żwieġ jintlaħaq mill-opra fejjieda ta’ Kristu, permezz tal-istrutturi ekkleżjastiċi, bl-awgurju li jiskopru li huma missjunarji ġodda tal-ħniena ta’ Alla lejn ħuthom oħra, għall-ġid tal-istituzzjoni tal-familja”.

Ftit jiem ilu t-Tribunal tar-Rota Rumana organizza kors ta’ formazzjoni għall-isqfijiet dwar din ir-riforma. Għalkemm diversi drabi kien imtenni li l-istħarriġ dwar il-validità tas- sagrament taż-żwieg għandu jsir ad normam iuris, imma kien evidenti wkoll li r-riflessjoni

5 “Avere coraggio e audacia profetica”, f’Civiltà Cattolica, 24 novembre 2016, 422.
6 FRANĠISKU, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 19 ta’ Marzu 2016, 6.
7 Ibid., 301.
8 Ibid., 296.
9 Intervista tal-Papa Franġisku ma’ Avvenire, 17 ta’ Novembru 2016.
10 Ara AL, 244.

kienet qed issir fil-kuntest tal-Amoris lætitia fejn id-dimensjoni pastorali tipprevali fuq il- loġika ġudizzjarja. Jekk kienet “il-preokkupazzjoni dwar is-salvazzjoni tal-erwieħ li – illum bħall-bieraħ – tibqa’ l-iskop aħħari tal-istituzzjoni, tal-liġijiet, tad-drittu”,11 li wasslet lill- Papa jagħmel ċertu tibdil sostanzjali fin-normi proċedurali, daqstant ieħor għandha tkun it- ‘tensjoni’ pastorali tagħna li timbuttana biex issa nħaddmu dan l-istrument ġuridiku biex ngħinu lil dik il-kategorija tal-ifqar fost il-fqar – għax il-faqar mhux biss dak materjali, imma wkoll dak spiritwali, morali u affettiv. L-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma tgħin biex il- Knisja tkun tassew in uscita billi tmur tfittex lil dawk li huma mifluġa minħabba l-falliment tal-ewwel żwieġ imma jibqgħu mbiegħda minnha “minħabba distinza fiżika jew morali” – li tinkludihom u tgħinhom jersqu għand dawk il-ministri tagħha li bi kriterji ekkleżjali jgħinuhom jagħmlu dixxerniment. Din ir-riforma, imsejħa wkoll “rifundazzjoni vera u proprja tal-proċess matrimonjali kanoniku”,12 ġabet “il-konverżjoni pastorali” tal-proċess fil- kawżi matrimonjali, u hekk illum il-Knisja għandha għodda tajba biex, kif kien qal il-Papa Franġisku fl-omelija tal-ftuħ tas-Sinodu 2015, filwaqt li “tgħix il-missjoni tagħha fil-verità li ma tinbidilx skont il-moda taż-żmien li tgħaddi jew il-fehmiet li jkunu b’saħħithom fil- mument, […] hi msejħa tgħix il-missjoni tagħha fl-imħabba li ma tippuntax subgħajha biex tiġġudika lill-oħrajn, imma – fidila għan-natura tagħha ta’ omm – tħossha fid-dmir li tfittex u ddewwi lill-koppji miġruħa biż-żejt ta’ min jilqagħhom u jħenn għalihom; li tkun sptar fuq il- kamp tal-battalja, bil-bibien miftuħa biex tilqa’ għandha lil kull min iħabbat għall-għajnuna u t-tweżin; fuq kollox, li toħroġ minn wara l-ħajt tagħha biex tmur għand l-oħrajn bl-imħabba vera, biex timxi mal-umanità miġruħa, biex tinkludiha u tmexxiha lejn l-għajn tas- salvazzjoni”.13

Karatteristika ċentrali ta’ din ir-riforma huwa l-uffiċċju tal-Isqof djoċesan, b’mod partikulari fil-proċess imqassar. L-E.T. Mons Pio Vito Pinto, Dekan tar-Rota Rumana, jikteb li l-ewwel novità ta’ din il-liġi fundamentali hija l-istedina li jagħmel il-Papa biex l-isqfijiet jassumu l- ħidma li kienu jwettqu l-isqfijiet fl-ewwel sekli meta huma kienu jaġixxu bħala missirijiet, għalliema u mħallfin, u dan minħabba l-potestas sagramentali li huma jirċievu mhux mingħand Pietru imma mill-Ispirtu s-Santu bit-tqegħid tal-idejn. Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju teoloġiku, fl-introduzzjoni tal-Motu Proprju l-Papa jafferma: “Sabiex finalment jidħol fis- seħħ it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II f’kuntest ta’ importanza kbira, ġie stabbilit li jintwera biċ-ċar li l-Isqof innifsu, fil-Knisja tiegħu li tagħha hu r-Ragħaj u l-Kap, fl-istess ħin huwa wkoll l-imħallef qalb il-fidili fdati f’idejh. Wieħed jittama, għaldaqstant, li fid-djoċesijiet kemm kbar u kemm żgħar, l-istess Isqof jagħti sinjal tal-konverżjoni tal-istrutturi ekkleżjastiċi, u ma jiddelegax għalkollox lill-uffiċċji tal-Kurja l-funzjoni ġudizzjarja f’materja matrimonjali. Dan jgħodd speċjalment għall-proċess iqsar li se jkun maħsub biex isolvi każi ta’ nullità ċarissima”,14 u “lill-istess Isqof djoċesan tmiss il-kompetenza li jiġġudika l-kawżi ta’ nullità taż-żwieġ bl-iqsar proċess possibbli”.15

Bħala judex, l-Isqof mhux qiegħed hemm biex “jikkundanna” imma biex jgħin ħalli jsir id- dixxerniment. “Dak li jaf jidher biss intervent ta’ natura ġuridika li jaġixxi fuq il-proċess kanoniku hu fir-realtà intervent kbir ta’ natura pastorali u relazzjonali. Il-Papa jistedinna niltaqgħu mingħajr preġudizzji mal-persuni f’diffikultà u nwieżnu u nsieħbu fl-imħabba u fil-

11 FRANĠISKU, Motu proprju Mitis Iudex Dominus Iesus, 15 ta’ Awwissu 2015.
12 P.V. PINTO, “La riforma del processo matrimoniale per la dichiarazione di nullita voluta e decisa da Papa Francesco”, fi Quaderni dello Studio Rotale 23 (2016), 58.
13 FRANĠISKU, Omelija fil-Ftuħ tal-XIV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 4 ta’ Ottubru 2015.
14 MI, III.
15 Kodiċi tad-Drittu Kanoniku, Kan. 1683.

verità mixjiet awtentiċi ta’ fidi”.16 Huwa jkompli jgħid li “m’aħniex nitkellmu fuq imħallef monokratiku li jieħu kollox fuqu nnifsu, imma fuq ir-ragħaj u missier li fid-djoċesi tiegħu, bl- għajnuna tal-kollaboraturi tiegħu, jiġifieri fil-kolleġġjalità, jelabora mixjiet ta’ dixxerniment u jimmatura d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu. Id-dixxerniment dejjem hu don li jgħaddi minn mixja ekkleżjali, f’ċertu sens metodu ‘sinodali’”.17

Dak li qed ngħid għall-Isqof japplika wkoll għall-ministri tat-tribunali ekkleżjastiċi billi l-
potestas iudicialis tagħhom hija waħda vicaria.

Dan jgħodd ukoll għall-operaturi pastorali, partikularment għas-saċerdoti, li ħafna drabi huma l-ewwel li jiġu f’kuntatt ma’ persuni li jkunu jeħtieġu l-akkumpanjament tat-tribunal ekkleżjastiku. Fil-fatt, qabel ma l-każ jitressaq għand l-Isqof jew quddiem il-Vigarju Ġudizzjali li “unum constituit Tribunal cum Episcopii”, ikun diġà sar dixxerniment preleminari. Gwida tajba u f’waqtha fi stadju bikri ta’ dawn l-esperjenzi taf tkun determinanti għall-mod kif jiżvolġi l-każ – la rridu nkunu laxki u anqas rigorużi. Kif jinnota l-Papa Franġisku, “la min hu idu miftuħa żżejjed u lanqas min hu idu magħluqa mhu jagħti xhieda tajba ta’ Ġesù Kristu, għax la wieħed u lanqas l-ieħor mhu jidħol fiż-żarbun tal- persuna li qed jiltaqa’ magħha. Ir-rigorista jaħsel idejh: fil-fatt isallabha ma’ liġi bl-aġir indifferenti u riġidu tiegħu; il-laxk, min-naħa l-oħra, ukoll jaħsel idejh: minn barra biss jidher ħanin, imma fir-realtà ma jkunx qed jieħu bis-serjetà l-problema ta’ dik il-kuxjenza, u jċekken il-gravità tad-dnub. Il-ħniena vera tidħol fiż-żarbun tal-persuna, tismagħha b’attenzjoni, tersaq bir-rispett u bil-verità qrib il-qagħda li tinsab fiha, u sseħibha fil-mixja tar-rikonċiljazzjoni. U dan, iva, bla dubju hu biċċa xogħol iebsa. Is-saċerdot li hu tabilħaqq ħanin iġib ruħu bħar-Ragħaj it-Tajjeb… imma għaliex jagħmel hekk? Għax qalbu taf tagħder, hi l-qalb ta’ Kristu!”.18

F’dan l-istadju nerġa’ nqiegħed għall-attenzjoni dak li l-Papa Franġisku jgħid fl-Amoris lætitia filwaqt li jikkwota lil San Tumas ta’ Aquino: “Minkejja li fil-ħwejjeġ ġenerali hemm ċerta neċessità, aktar ma wieħed jinżel fil-ħwejjeġ partikulari, aktar isib indeterminazzjoni. […] Fil-qasam prattiku mhijiex l-istess għal kulħadd il-verità jew in-norma prattika f’relazzjoni mal-partikulari, imma biss f’relazzjoni ma’ dak li hu ġenerali; u anki fost dawk li jaċċettaw l-istess norma prattika għall-każijiet partikulari, din mhijiex magħrufa l-istess minn kulħadd. […] U aktar ma tinżel fil-partikular, aktar tikber l-indeterminazzjoni. Hu minnu li n-normi ġenerali jippreżentaw ġid li qatt m’għandna nwarrbu jew nittraskuraw, imma fil- formulazzjoni tiegħu ma jistgħux iħaddnu għalkollox il-qagħdiet partikulari kollha. Fl-istess ħin irridu ngħidu li, proprju għal din ir-raġuni, dak li jagħmel parti minn dixxerniment prattiku quddiem sitwazzjoni partikulari ma jistax jitgħolla għal-livell ta’ norma. Dan mhux biss jagħti lok għal każistika insapportabbli, imma jispiċċa jqiegħed f’riskju l-valuri li għandna nħarsu b’tant reqqa”.19

Nistaqsi jekk dak li l-Papa Franġisku jgħid dwar in-normi jirrigwardax in-norma morali biss jew jinkludix ukoll in-norma kanonika! Nemmen li l-Papa ried jagħti impostazzjoi wiesa’: b’fedelta lejn il-massima tal-kontinwita, huwa ried ifakkarna kemm fil-prinċiji tat- teoloġijamorali tradizjonali kif ukoll f’dawk il-prinċipji kanoniċi li xi drabi kienu ġew ittraskurati.

16 P.M. FRANGELLI, “A riforma del processo”, f’Sette giorni dagli Erei al golfo.
17 Ibid.
18 FRANĠISKU, Diskors lill-kappillani fid-Djoċesi ta’ Ruma, 6 ta’ Marzu 2014.
19 AL, 304.

Mhux qed nirreferi għan-normi hekk imsejħa “kostituttivi” taż-żwieġ sagrament, bħalma huma dawk in-normi li jiddefinixxu ż-żwieġ, bħal fil-każ tat-tria bona taż-żwieg jew in- natura tal-kunsens; imma hemm normi sostanzjali oħra li l-interpretazzjoni taghhom f’ċertu sens tiddependi mid-diskrezzjoni tal-esperti u tal-ministri tat-tribunal, bħalma hu fil-każ tad- diskrezzjoni tal-ġudizzju, l-inabbiltà tal-partijiet, is-simulazzjoni tal-kunsens, l-inċidenza tal- fidi ta’ dawk li jersqu għas-sagrament (illum nitkellmu dwar somnium fidei li huwa impediment għall-adeżjoni ħielsa għar-rabta taż-żwieġ). Dawn huwa “normi” ta’ portata ġenerali li mbagħad f’kull każ jiġu vvalutati fil-partikularità. Peress li f’dawn il-każi l- kundizzjonamenti u ċ-ċirkustanzi tal-individwu għandhom inċidenza qawwija, hemm lok ta’ interpretazzjoni varja ta’ dawn in-normi. Għalhekk hija responsabbiltà pastorali tal-ministri tat-tribunal ekkleżjastiku li fid-dixxerniment tagħhom ifittxu l-verità filwaqt li jgħassu fuqhom infushom biex il-mentalità legalista ma tirrendihomx “nies tal-għeluq, nies marbutin wisq mal-liġi, mal-ittra tal-liġi: mhux mal-liġi”, għax “il-liġi hi mħabba”, imma “mal-ittra tal- liġi”. Ma jkunux bħall-Fariżej “li dejjem kienu jagħlqu l-bieb għat-tama, għall-imħabba, għas-salvazzjoni, nies li kienu jafu jagħlqu”.20

Kif jikkummenta tajjeb ħafna l-Beatu Papa Pawlu VI meta kellem lill-ministri tat-Tribunal Ekkleżjastiku, “meta tinterpretaw id-Drittu, intom qed tħaddmu s-setgħat u l-libertà li ngħatawlkom: għalikom ġudizzju ikun tajjeb mhux biss meta s-sentenza tqis l-ekwità naturali; jirrifletti iżjed dik l-æquitas canonica li hi frott tal-karità pastorali tagħkom u tikkostitwixxi waħda mill-aktar espressjonijiet delikati tagħha”.21

L-æquitas canonica, li fi kliem il-Karidnal Ostiense (1200), li mbagħad dan jattribwih lil San Ċiprijanu, hija mfissra bħala “iustitia dulcore misericordiæ temperata”, hija “r-regola tar- regoli, li biha l-ordinament dejjem jissupera lilu nnifsu fl-aspett storiku tiegħu”.22 Hija l- għodda fdata f’idejn dawk li jinterpretaw u japplikaw il-liġi biex jimmitigaw liġi li taf tkun astratta u iebsa. “Il-Kodiċi attwali ħoloq l-esiġenzi tiegħu ta’ ħniena u ta’ umanità fid-dawl ta’ ġustizzja iktar ħelwa, li kapaċi tifhem iktar… Imbagħad jippreċiża l-portata tal-æquitas u l-funzjoni li għandha: din tikkonsisti f’ġustizzja ogħla fid-dawl ta’ fini spiritwali; trattab is- severità tad-drittu, u xi drabi tħarrax ukoll ċerti pieni; f’kull każ tintagħżel mid-dritt purament pożittiv, għax dan ma jistax jagħti każ taċ-ċirkustanzi”.23 Ostiense, li kien kanonista Medjevali sensibbli ħafna għall-ħtiġijiet pastorali, filwaqt li jsostni li l-ekwità kanonika hija “inter rigorem et dispensationem vel misericordiam”, jafferma li l-“æquitas est iustitia, est motus rationabilis regens sententiam et rigorem”.

Fid-dawl ta’ dawn il-ftit riflessjonijiet imnebbħa kemm mill-Ittra Appostolika Misericordia et misera u kemm mill-Eżortazzjoni Amoris lætitia, biex fid-dixxerniment miżerikordjuż li jsir fil-foro esterno meta nsieħbu lil dawk il-persuni Nsara li huma miżżewġin imma issa daħlu fit-tieni relazzjoni, inħallu s-sensus charitatis jiggwidana fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tan-normattiva sostanzjali, iktar u iktar dik proċedurali, dwar iż-żwieġ kanoniku, għandna rimedju pastorali ieħor kif ngħinuhom jintegraw ruħhom b’mod sħiħ fil-Knisja.

Nagħlaq b’rakkomandazzjoni li jagħmlilna l-Papa, li għalkemm tirreferi għalina bħala konfessuri, tgħinna wkoll biex ngħinu fid-dixxerniment: “Lis-saċerdoti nistedinhom mill-ġdid sabiex jippreparaw ruħhom sewwa ħafna għall-ministeru tal-Qrar, li huwa tassew missjoni

20 FRANĠISKU, Omelija, 31 ta’ Ottubru 2014.
21 PAWLU VI, Diskors lir-Rota, 8 ta’ Frar 1973.
22 G. SCIACCA, “I legami tra misericordia, equità nel diritto e la «pietas» che vince il nichilismo”.

saċerdotali… nitlobkom li tkunu akkoljenti ma’ kulħadd; xhieda tat-tenerezza paterna minkejja l-gravità tad-dnub; attenti sabiex tgħinu lil dak li jkun jirrifletti fuq il-ħażen li jkun għamel; ċari meta tippreżentaw il-prinċipji morali; disponibbli biex takkumpanjaw il-fidili fil-mixja penitenzjali, filwaqt li bil-paċenzja żżommu mal-pass tagħhom; tħarsu fil-bogħod fid-dixxerniment ta’ kull każ individwali; ġenerużi f’li tqassmu l-maħfra ta’ Alla. Bħalma Ġesù quddiem il-mara adultera għażel li jibqa’ fis-silenzju sabiex isalvaha mill-kundanna għall-mewt, bl-istess mod is-saċerdot fil-konfessjonarju għandu jkollu qalbu miftuħa, konxju li kull penitent qiegħed ifakkru fl-istess kundizzjoni personali tiegħu nnifsu: midneb, iżda ministru tal-ħniena”.24