Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fil-Kxif u t-Tberik tal-Mafkar f’ġieħ l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi


Messaġġ fil-Kxif u t-Tberik tal-Mafkar f’ġieħ l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi
Pjazza tal-Viżitazzjoni, l-Għarb
Il-Ħadd 4 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

BNIEDEM TAL-BRONŻ

Illum qegħdin ninawguraw monument tal-bronż tal-Isqof tagħna l-E.T. Nikol Ġużeppi Cauchi, li kien bniedem tal-bronż! Meta llum qegħdin ngħixu fi żmien imfisser bħala żmien fluwidu ħafna, fejn bħal donnu għebu ċ-ċertezzi u d-dubji kotru u mhux faċli li ssib ħajt li tista’ sserraħ miegħu, Dun Nikol huwa għalina ħolqa tal-bronż li tista’ torbot magħha u sserraħ rasek li qiegħed fis-sod. Jekk Kristu lil Pietru qallu: “Inti blata u fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi”, jien konvint li dan il-kliem joqgħod perfettament għall-Isqof Cauchi. Meta l-Mulej sejjaħlu biex ikun “missier” ta’ dan il-poplu f’Għawdex, huwa talbu biex ikun “blata” li fuqha tkun tista’ sserraħ il-binja kollha.

Aħna li għamilnieha miegħu u ħdimna spalla ma’ spalla miegħu, nistgħu nikkonfermaw li verament Mons. Cauchi kien “blata” żonqrija li fuqha stajna nistrieħu, żguri li qegħdin fis-sewwa. Il-kelma ta’ Cauchi, kelma mirquma u f’postha, hija kelma li wieħed jista’ joqgħod fuqha b’għajnejh magħluqa. Dan mhux biss għax l-Isqof Cauchi kien bniedem ġenwin, imma fuq kollox għax kien bniedem ta’ kuxjenza. B’fedeltà lejn Kristu u l-Knisja, dan ir-ragħaj spiritwali qatt ma reħa idu minn fuq it-tmun tad-dgħajsa ta’ Pietru, u daħħalna fil-port anki meta kien hemm ċpar oħxon.

Għalhekk, filwaqt li nirringrazzja lis-Sindku u lill-Kunsill lokali tal-Għarb li ħadu din l-inizjattiva, nawgura li dan il-mafkar jgħinna, lilna li xi drabi għandna memorja qasira, nibqgħu nixtarru l-kelma tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi li hija kelma ta’ min joqgħod fuqha. Bħalma l-bronż jirbaħ il-prova taż-żmien u ma jiqdiemx, hija x-xewqa tiegħi li l-predeċessur tiegħi jibqa’ magħna għaż-żmien li ġej.