Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova


Omelija fil-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova
Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria
It-Tnejn 13 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-FOQRA HUMA L-LAĦAM TA’ KRISTU

Hemm rabta bejn il-Vanġelu u l-karità. Qabel ma tela’ s-Sema, Ġesù bagħat lill-Appostli biex jipprietkaw il-Vanġelu u fl-istess ħin biex iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u jfejquhom. Għalhekk, ix-xandir tal-Bxara t-tajba huwa assoċjat ma’ impenn biex il-bniedem ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Sant’Antnin ta’ Padova mhux biss kien predikatur attiv u tajjeb, imma kien ukoll għodda valida biex twettqu bidliet soċjali kbar b’risq iż-żgħar u l-foqra. Fil-fatt, hemm min isejjaħ lil Sant’Antnin “pater pauperum” – missier il-foqra. Għal dan il-qaddis, il-faqar ma kienx biss kategorija soċjali, filosofika jew politika, imma kien kategorija teologali. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni, jiġifieri li l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna, kien ħafna għal qalb dan il-qaddis. Fil-fatt, huwa għalhekk li l-ikonografija dejjem tippreżentah b’Ġesù Bambin f’idejh. Sant’Antnin kien jogħxa jikkontempla t-twelid tal-Iben ta’ Alla għax dakinhar Alla ċekken lilu nnifsu, sar fqir biex seta’ jakkumpanja lill-foqra. Huwa xeħet għajnejh fuq il-faqar tal-umanità biex bil-faqar tiegħu stajna nistagħnew aħna.

Meta jikkummenta s-silta mill-ktieb tal-Apokalissi li tgħid: “Ara, jien fil-bieb, u qiegħed inħabbat, jekk xi ħadd jismagħni jiftaħli l-bieb, u jien nidħol għandu u niekol miegħu” (3:20), Sant’Antnin jgħid li din ma tapplikax biss għal Ġesù imma wkoll għall-bniedem fqir. Huwa l-fqir li fil-persuna ta’ Ġesù qiegħed wara l-bieb tagħna, iħabbat u jixtieq li niftħulu l-bieb ta’ darna. Hawnhekk, Sant’Antnin jgħid li jekk aħna noffru l-kenn lill-fqir, inkunu nserrħu lil Kristu. Dan ifakkarni fi kliem il-Papa Franġisku meta jgħid li l-foqra huma “il-laħam magħkus ta’ Kristu” u li meta ngħinuhom aħna nkunu “immissu l-laħam ta’ Kristu”.

Meta Sant’Antnin wasal Padova sab li kien hemm ħafna faqar. Ħafna min-nies mhux biss kienu neqsin mill-meħtieġ għall-ħajja, imma kellhom ukoll jagħfas fuqhom il-madmad tal-użura. L-użura kienet mifruxa ħafna u kienet kawża li tkattar il-faqar. Anki jekk immorali, kienet prattika istituzjonalizzata. Saħansitra kien hemm “il-ħabs tal-midjunin”, u f’ċerti każi, min ma kienx irodd is-self, kien jisfa mdendel ma’ ganċ f’post pubbliku u jitħalla hemm biex imut. Sant’Antnin ħadem qatigħ u rnexxielu jikkoreġi din is-sistema. Sfortunatament dan id-diskors dwar is-self mill-idejn b’interessi għolja mhux ġdid għalkollox għal widnejna, għax illum ukoll hawn min bla ebda skruplu jipprova jisloħ lil min huwa diġà mdamdam finanzjarjament. Huwa gravi li dnub serju bħal dan ma jniggiżx il-kuxjenzi!

Nemmen li kienet l-imħabba li Sant’Antnin kellu lejn il-fqar li tat bidu għat-tradizzjoni tat-tqassim tal-ħobż lill-foqra. Din it-tradizzjoni bdietha mara li meta waqgħalha binha tarbija fil-bir, għamlet wegħda lil Sant’Antnin li jekk itellgħu ħaj, hi tqassam f’kemm jiżen it-tifel, ħobż lill-foqra! Fil-fatt illum dan il-ħobż huwa magħruf bħala pondus pueri.

Jekk Sant’Antnin kien effettiv bħala xandar tal-Vanġelu, dan ma kienx dovut għax kien oratur ta’ kwalità, imma għax l-attenzjoni ġenwina li kellu għall-foqra kisbitlu l-kredibbiltà. U jekk bħala komunità ekkleżjali aħna rridu niftħu djalogu mas-soċjetà dwar Ġesù Kristu, hemm bżonn li kliemna jkun imsieħeb minn azzjoni favur l-imsejkna u l-batuti. Meta fl-1225 kien f’Bourges fi Franza biex jgħin lill-Knisja lokali tilqa’ kontra l-movimenti eretiċi ta’ dik l-epoka, darba Sant’Antnin kien qed jipprietka f’Katidral u lill-Arċisqof Simone de Sully qallu: “Għandi kelma għalik, int li liebes il-mitra f’dan il-Katidral: l-eżempju ta’ ħajtek irid ikun l-arma tal-persważjoni. Jitfa’ x-xbiek u jaqbad il-ħut biss min jgħix skont dak li jgħallem”. L-istorja tgħid li dak l-isqof imbagħad talab lil Sant’Antnin iqarru. Dan il-kliem jgħodd qabelxejn għalija; imma japplika wkoll għall-poplu ta’ Alla kollu kemm hu. Jekk aħna rridu li meta nitfgħu x-xbieki fil-baħar dawn ma jitilgħux vojta, għandna bżonn inkunu aktar koerenti fil-ħajja tagħna. L-opri tal-ħniena waħidhom jagħmlu programm pastorali għal kull komunità parrokkjali.

Irrid nirrikonoxxi li fid-Djoċesi tagħna għandna għadd sabiħ ta’ qlub ġenerużi li jagħmlu l-karità bil-moħbi. Ftit ilu kont fi skola u sirt naf li fost l-għalliema hemm persuna marida li biex tgħix għandha bżonn mediċina li tant tiswa li l-paga tagħha u ta’ żewġha ma humiex biżżejjed biex jgħixu u jiksbu l-mediċina. L-għalliema ftehmu bejniethom li kull xahar jagħtu parti mill-paga tagħhom biex seħbithom tkun tista’ takkwista din il-mediċina. Dan l-intervent tal-għalliema salva lil din il-familja mill-faqar. Jien konvint li madwarna hawn eżempji oħra ta’ karità u ma nsibx kliem biex nesprimi l-apprezzament tiegħi għal din ix-xhieda straordinarja. Nappella lill-Caritas djoċesana u dik parrokkjali biex jikkonsolidaw il-ħidma tagħhom u jkomplu jfittxu min huma l-foqra ta’ żmienna u jippruvaw itaffulhom il-piż.

Imma mbagħad hemm ukoll oħrajn li għandhom il-ponn ta’ jdejhom magħluq u kapaċi jdawru wiċċhom meta jiġu wiċċ imb wiċċ mal-foqra. Jien sikwit nimbotta lill-Kappillani biex fil-baġit tal-festi patrunali jagħmlu riserva mqar żgħira li tmur għall-karità parrokkjali. Il-Kappillani jgħiduli li huma jagħmlu karità imma bil-moħbi, għax id-dilettanti tal-festa jonfru meta jisimgħu bil-karità! Dan l-aħħar kappillan qalli li kien f’kumitat tal-festa u ppropona li din is-sena l-kumitat jagħmel offerta żgħira b’risq dawk l-adolexxenti mill-Iraq li f’inqas minn ħmistax oħra ser nilqgħu fostna. Il-Kappillan qalli li qabeż wieħed mill-kumitat u qallu: “L-Isqof x’ried iġibhom lil dawn… għax ma tefax bomba fid-dgħajsa u għarraqhom f’nofs ta’ baħar!”. Imbagħad nagħmlu l-festi f’ġieħ il-qaddisin! Ħwejjeġ bħal dawn inikktuni ħafna, għax dan ifisser li xi wħud għandhom Vanġelu differenti minn dak ta’ Ġesù Kristu.

Inkunu ngħinu biex jonqos il-faqar jekk ilkoll nistinkaw biex ikollna soċjetà aktar ġusta. Għax fejn hemm sens qawwi ta’ ġustizzja, hemm rispett lejn id-drittijiet tal-persuna, speċjalment ta’ dawk li huma vulnerabbli u żvantaġġjati, u ma jkunx hemm sfruttament u serq. F’dan il-kuntest nixtieq insemmi kategorija waħda: is-servizz li joffru l-professjonisti, partikularment fil-qasam tas-saħħa. Hemm professjonisti li huma ġenerużi ħafna ma’ min ma jistax jaffordja; imma hemm każi fejn għal ċerti servizzi jintalbu flejjes kbar. Kull xorta ta’ negozju għandu jkollu r-regoli etiċi li jirregolawh; imma xi drabi anki dan il-prinċipju jintesa meta nagħtu servizz lill-ħajja umana li żgur mhix realtà negozjabbli. Miskin il-fqir, għax jekk ma għandux minn fejn iħallas, ikollu jikkrepa. Il-professjoni qatt ma hija liċenzja biex wieħed jisloħ lill-klijent.

Mod ieħor kif niġġieldu l-faqar huwa billi ma nkunux ħalja. Maħkumin mill-kultura konsumistika u d-dittatura tas-suq, sirna naħlu ħafna mir-riżorsi tagħna, anki fl-ikel. Meta dalgħodu żar is-sede tal-Programm Alimentari Dinji f’Ruma, il-Papa Franġisku qal li “min jaħli jkun qisu qed jisraq mill-mejda tal-fqir li hu bil-ġuħ”. Hemm bżonn ma nibqgħux narmu tant ikel li jkun għadu tajjeb biex jittiekel. Min għandu ħalqu fix-xgħir, sewwa jiftakar li madwarna hawn min mhux ser jorqod għax għandu stonku vojt. Ħafna drabi l-miżerja nostruha, imma b’daqshekk ma jfissirx li mhix wara biebna. Inkunu tassew messejna l-qiegħ jekk meta naraw il-foqra jew nisimgħu l-karba tagħhom, aħna nibqgħu indifferenti għax tant inkunu drajnihom.

Il-Vanġelu li nebbaħ u stimula lil Sant’Antnin ta’ Padova biex jeħodha kontra l-faqar huwa l-istess Vanġelu li għandna f’idejna. Filwaqt li napprezzaw dak kollu li l-Providenza toffrilna, kollox huwa mezz biex tikber fostna s-solidarjetà.