Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Acies tal-Leġjun ta’ Marija


Omelija fil-Quddiesa tal-Acies tal-Leġjun ta’ Marija
Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħadd 24 ta’ April 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

AĠĠORNAMENT TAL-LEĠJUN TA’ MARIJA

Kif jgħid il-qawl Malti, “min ma jbiddilx, iqammel”. Dan japplika kemm għalina bħala individwi u kemm bħala organizzazzjoni, u għaldaqstant anki għalina bħala Knisja. Għalhekk huwa f’waqtu l-kliem tal-Apokalissi meta jgħidilna: “Ara, sa nġedded kollox”. L-Ispirtu ta’ Alla li aħna kontinwament insejħulu biex iġedded il-wiċċ tal-art huwa l-mutur ta’ dan it-tiġdid u l-aġġornament fil-ħajja tagħna bħala Knisja.

Imma huwa fatt li hemm ħafna li jibżgħu mit-tiġdid u jippreferu jibqgħu marbuta mal-imgħoddi. In-nostalġija tal-passat taf taljenana minn dak li qed jiġri llum. Biex jevita r-riskju li jġib miegħu t-tiġdid, hemm min jagħżel li jibqa’ kkatmat mat-tradizzjoni u ma jintebaħx li aktar ma jgħaddi ż-żmien qed isir anqas relevanti għaż-żminijiet. Din l-attitudni qed twassal lil xi wħud biex jagħmlu reżistenza għat-tiġdid fil-pastorali fil-Knisja. Aktar ma ser indumu nkaxkru riġlejna biex nagħmlu dan l-aġġornament fil-Knisja, aktar ser inkomplu nitilfu l-opportunità biex noħolqu pont mad-dinja tal-lum.

Ftit ġimgħat ilu l-Papa Franġisku tana l-Eżortazzjoni Appostolika dwar “Il-Ferħ tal-Imħabba” fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja. Dan id-dokument jipproponi lill-Knisja tieħu atteġġjamenti “ġodda” quddiem diversi fenomeni “ġodda” li qed jinbtu fil-kamp tal-ħajja affettiva, taż-żwieġ u l-familja. Qari mgħaġġel ta’ din l-Eżortazzjoni jista’ jwassalna biex nidfnu l-viżjoni mġedda li qed jipproponilna l-Papa biex nevanġelizzaw lill-familja fir-realtà li tinsab fiha llum. Permezz ta’ dan id-dokument, il-Papa jurina b’liema ġentilezza, ħlewwa u reverenza għandna nittrattaw il-kuxjenza tal-bniedem. Billi naf li intom il-Leġjunarji twettqu ħidma siewja fost il-familji u mal-familji, filwaqt li nħeġġiġkom biex tkomplu b’dan “ix-xogħol” leġjunarju, minn qalbi nappellalkom biex tistudjaw din l-Eżortazzjoni li hija l-magna carta tal-pastorali familjari. Nissuġġerilkom li fil-Kungressi, is-seminars u l-irtiri li jkollkom fil-futur qarib bħala Leġjunarji tirriflettu fuq dan it-tagħlim. Huwa tagħlim li filwaqt li jikkonfermakom fil-veritajiet li dejjem tgħallimna dwar iż-żwieġ u l-familja, jiftħilkom “toroq” ġodda ta’ ħidma leġjunarja.

Imma dan it-tiġdid u l-aġġornament nixtieq narahom ukoll fil-Leġjun ta’ Marija. Meta aktar ’il fuq għidt li min ma jbiddilx, iqammel, dan japplika wkoll għal-Leġjun. Bħal kull realtà ħajja, il-Leġjun għandu fih ċerta dinamika li żżommu ħaj, u jekk nagħlquh wisq fi skemi jew regoli fissi, nistgħu mmewtuh u nwassluh biex jitlef ir-relevanza tiegħu għall-Knisja u għas-soċjetà. Kif jgħid il-qawl, xemx li ma ssaħħanx, aħjar il-bard minnha!

Filwaqt li nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn dak kollu li għamlu u qed jagħmlu l-Leġjunarji fid-Djoċesi, nixtieq nara fil-Leġjun dik il-freskezza u l-kuraġġ fil-viżjoni pastorali li wrew il-Leġjunarji fl-imgħoddi. Bħal dakinhar, illum ukoll nistenna li l-Leġjun ma joqgħodx lura milli jieħu dawk l-inizjattivi ġodda biex jindirizzaw qagħdiet ġodda. L-ispirtu li fl-imgħoddi mhux imbiegħed mexxa lil-Leġjunarji biex ikunu innovattivi fil-proposti pastorali għandu jkun l-istess spirtu li janima l-Leġjunarji llum. Ma għandkomx tittolleraw li r-rapporti annwali li l-præsidia jaqraw fil-laqgħat tal-Curiæ jkunu kważi kopja ta’ xulxin tant li meta taqra wieħed, tkun qisek qrajthom kollha; għall-kuntrarju, dawn ir-rapporti għandhom iservu ta’ stimolu biex Leġjunarji oħra jitħeġġu għall-appostolat. Ma nistgħux nibqgħu nirriċiklaw “ix-xogħol” mogħti lill-membri u nirrendu l-laqgħa ta’ kull ġimgħa bħala esperjenza sterjotipata. Huwa urġenti li naqraw is-sinjali taż-żmien. Għalhekk inħeġġiġkom biex tkunu strument ta’ bidla fil-Leġjun. Għożżu l-Handbook tal-Leġjun li huwa għodda tajba ppruvata biż-żmien; imma tħallux l-ittra toqtol l-ispirtu li hemm f’dan il-Manwal. Jekk ma nadattawx ruħna għaż-żmien u għall-istess tiġdid li tixtieq minna l-Knisja, inkunu nipperikulaw li ma għadx jgħaddu ħafna snin u nisimgħu t-tokki tal-agunija tal-Leġjun. Qed ngħid dan għax sinċerament jien nixtieq li l-Leġjun ikollu futur fid-Djoċesi, propju għax nemmen li huwa Għaqda valida ħafna għall-formazzjoni tal-membri u għall-appostolat.

Nitlob fuqkom l-Ispirtu ta’ Alla biex jgħinkom ħalli l-konsagrazzjoni personali li dalwaqt sejrin tagħmlu lill-Madonna twassalkom biex tikkonsagraw ir-realtajiet tad-dinja lil Alla. Hekk bħala Leġjunarji tkunu tagħtu sehemkom biex ikun hawn “art ġdida u smewwiet ġodda”.