Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità liturġika ta’ San Ġorġ Martri

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fis-Solennità liturġika ta’ San Ġorġ Martri
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria
Is-Sibt 23 ta’ April 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-MARTRI PROFETA

Il-kliem ta’ Ġesù dwar il-friegħi u d-dielja jaf ifixkilna. Ġesù ma jgħidx biss li d-dielja fiha friegħi li ma jagħmlux frott, imma jgħid ukoll li hemm friegħi li għalkemm jagħmlu l-frott, għandhom bżonn taż-żabra biex jagħmlu aktar frott. Mela Ġesù qed jgħid li bħall-friegħi, aħna mhux ilkoll nipproduċu l-istess frott. Imma fostna hemm min jinstaram quddiem din il-verità għax nippretendu li ladarba aħna friegħi mwaħħlin mad-dielja (Kristu), għandna nagħtu l-istess ammont ta’ frott. Ġesù jgħid li aħna lkoll friegħi u lkoll għandna bżonn ta’ żabra biex il-frott tagħna jkun kotran.

Qed ngħid dan għax ġieli nisma’ lil min igerger għax fil-Knisja hemm post għal kulħadd – hemm spazju kemm għal dawk li mxew biċċa sew fil-ħajja Nisranija u kemm għal dawk li għalkemm mixjin f’direzzjoni tajba, għadhom ftit lura! Bħal donnu hawn min ma jġerraħx li dawk li għamlu sagrifiċċji kbar biex jagħmlu l-frott joqogħdu minkeb ma’ minkeb ma’ dawk li sal-lum għadhom mhumiex jagħtu frott biżżejjed għax ma għamlux l-istess sagrifiċċji bħal ħaddieħor (anki jekk ikunu għaddew minn tbatija ta’ għamla differenti). Għalhekk hemm min jiskandalizza ruħu meta jara li l-Knisja qed tiftaħ il-bieb għal kulħadd.

F’dan il-kuntest nitlob lil San Ġorġ idawwalna. Bil-festa liturġika tal-lum qed inkomplu mat-tradizzjoni millenarja tal-Knisja li nagħtu qima lill-Martri ta’ Lidda. B’din il-festa aħna mhux biss infakkru lil San Ġorġ bħala xhud kbir ta’ Kristu, imma rridu nitolbuh ikun stilla tiddi għalina lkoll li qegħdin nitħabtu fil-mixja tagħna wara Kristu. Irrid nagħmel kuraġġ lil ħafna li għandhom ix-xewqa li jkunu xhieda ta’ Kristu bħalma kien San Ġorġ imma mhux qed jirnexxilhom minħabba d-dgħufija tagħhom.

Fiż-żmien ta’ qabel San Ġorġ, eżattament fit-tieni seklu, ittra miktuba lil Djonjetu tgħid li għalkemm l-Insara kienu jgħixu f’belt pagana, dawn kienu jintgħażlu mill-bqija tan-nies biss minħabba l-istil tal-ħajja tagħhom: f’din id-dinja kienu jgħixu ta’ barranin għax ħarsithom kienet mitfugħa ’l hinn mix-xefaq ta’ din id-dinja. Fil-ħajja soċjali huma kienu jieħdu sehem f’kollox, imma kienu distakkati minn kollox. Kienu jgħixu fuq l-art, imma bħala ċittadini tas-Sema.

Dan kollu nistgħu napplikawh għall-martri. Dawn huma dawk li rċivew id-don tal-martirju li kkonfermahom fl-għażla li għamlu li jimxu wara Kristu msallab. Il-ħarsa tagħhom kienet fil-ħajja li għad trid tiġi. Maħtufin mill-ġmiel ta’ Kristu, il-martri kienu jgħixu bit-tama li jaraw lil Kristu wiċċ imb wiċċ; kien għalhekk li xħin wasal għalihom il-mument tal-martirju, ma rtirawx imma taw xhieda tal-imħabba tagħhom għal Alla.

Dan ma jfissirx li barra mill-martri ma kienx hemm Insara oħra li kellhom ix-xewqa li jaraw il-ġmiel ta’ Kristu jew li ma kinux misjuqa mill-imħabba ta’ Kristu. Iva, kien hemm (u għad hemm) Insara oħrajn li għalkemm ma ħadux il-martirju tad-demm, kienu (u huma) dixxipli tajba ta’ Ġesù – kienu (u huma) misjuqa mill-imħabba ta’ Kristu. Għax kif jgħid it-teologu Von Balthassar, “dak li jgħodd l-aktar mhix il-mewt fiżika, imma li wieħed kuljum jagħti ħajtu għal Alla u għall-proxxmu” (Cordula, p. 128). U l-Arċisqof Oscar Romero, Beatu martri, ifakkar li “skont it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II mhux ilkoll ser ikollna l-ġieħ li nxerrdu fiżikament demmna jew li niġu maqtula minħabba l-fidi; imma minn dawk kollha li jemmnu fih, Alla jitlob l-ispirtu tal-martirju, fis-sens li lkoll inkunu lesti li mmutu għall-fidi tagħna anki jekk Hu ma jagħtiniex dan il-ġieħ. Tagħti ħajtek ma jfissirx biss li tingħata l-mewt; imma li jkollok l-ispirtu tal-martirju jfisser li twettaq dmirek fis-skiet tal-ħajja ta’ kuljum bħal dik l-omm li mingħajr biża’ u bis-sempliċità tal-maritrju matern, tagħti l-ħajja lit-tarbija, tisqiha u tkabbarha”.

Jien konvint li fostna hawn ħafna ġenituri li għandhom dan is-sens ta’ dover u ħajjithom hija għotja mmotivata biss mill-imħabba ġenwina lejn Ġesù. Dawn il-miżżewġin jinsabu fit-triq tal-qdusija, għax kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, il-martirju huwa waħda mit-toroq li twassal għall-qdusija. Għalhekk irrid nagħmel kuraġġ lil ħafna minnkom, għax sakemm tibqgħu mwaħħlin mad-dielja, intom tibqgħu tagħtu l-frott tal-qdusija. Din id-dielja mhix xi duttrina jew sett ta’ regoli, imma hija l-persuna ta’ Ġesù Kristu.

Meta jitkellem dwar il-martirju, San Tumas ta’ Aquino jgħid li l-martri huwa martri mhux minħabba l-piena li jingħata, imma minħabba l-motivazzjoni li għaliha jkun irċieva l-piena. San Ġorġ għadda minn ħafna tribulazzjonijiet; imma hu ma sarx martri minħabba dawn it-torturi, imma minħabba l-fidi, it-tama u l-imħabba li kellu – tliet virtujiet teologali li għadhom jikkaratterizzaw il-ħajja Nisranija tagħna. Wisq probabbli lilna ma tmissniex il-grazzja tal-martirju tad-demm, imma lkoll aħna msejħin biex ngħixu dan l-ispirtu tal-għotja u nkunu lesti li nitilqu kollox għal Alla. Għalhekk mhix it-tbatija li nġarrbu li tagħmilna kbar quddiem Alla, imma l-fidi, it-tama u l-imħabba.

Ftit ġimgħat ilu l-Papa Franġisku tana dokument li jqiegħed iż-żwieġ u l-familja taħt il-lenti tal-fidi. Jien grat ħafna lejn il-Papa li frott taż-żewġ Sinodi tal-Isqfijiet tana dan id-dawl ġdid dwar l-esperjenza Nisranija fiż-żwieġ u l-familja. Jien konxju wkoll li hemm min jista’ jitfixkel minħabba ċerti kunsiderazzjonijiet pastorali li hemm f’dan id-dokument. Il-Papa jippreżenta ż-żwieġ u l-ħajja tal-familja bħala waħda mit-toroq tal-qdusija. Iż-żwieġ kif ħalqu Alla (żwieġ bejn raġel u mara, f’rabta dejjiema u miftuħ għall-ħajja), Kristu għamlu esperjenza ta’ grazzja: sagrament li bih il-miżżewġin jirċievu għajnuna speċjali biex jgħixu s-sejħa Nisranija fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja.

Din għadha u tibqa’ l-proposta evanġelika tal-Knisja; imma dan id-dokument joffri wkoll kunsiderazzjonijiet pastorali li l-Papa jħeġġiġna nagħmlu quddiem ċerti persuni li jixtiequ jimxu wara Ġesù u jridu jaħdmu fuqhom infushom biex jagħtu aktar frott – imma minħabba raġuni jew oħra għandhom bżonn ta’ żabra. Għandi f’moħħi lil dawk il-koppji Nsara li qed jgħixu flimkien mingħajr impenn taż-żwieġ, lil dawk li huma miżżewġa bi żwieġ ċivili biss, u lil dawk il-miżżewġin li meta nfirdu sabu l-madmad tas-separazzjoni tqil ħafna, u billi ma felħux iġorruh, daħlu f’relazzjoni oħra. Il-Papa jgħidilna li għal dawn kollha hemm post fil-Knisja; magħhom kollha għandna nagħmlu ċerti kunsiderazzjonijiet pastorali speċjali bl-għan li nakkumpanjawhom ħalli jaraw titwettaq ix-xewqa tagħhom li jimxu aktar mill-qrib wara Ġesù.

Imma quddiem din l-attitudni ta’ ħniena li qed tipproponi l-Knisja, hawn diversi li qegħdin jitfixklu. Hawn min qed jilmenta u jgħid: “Huwa sewwa li wara li jien għamilt tant sagrifiċċji biex bqajt fiż-żwieġ tiegħi, issa l-Knisja qed tgħidli nitfa’ kollox wara dahri għax din it-tbatija ma kienet tiswa xejn?”. Hawn ukoll min qed jargumenta li ladarba issa l-Knisja Omm qed tnewwel idejha biex tilħaq lil dawk li qegħdin fit-tieni relazzjoni, dan ifisser li nistgħu narmu l-valuri kollha taż-żwieġ. Dawn l-interpretazzjonijiet huma żbaljati.

Hawn ukoll tista’ ddawwalna r-riflessjoni dwar il-martirju. Lil dawk li b’sagrifiċċju għexu l-ħajja taż-żwieġ u tal-familja, nistedinhom jitfgħu ħarsithom fuq il-martri u jifirħu li Alla tahom dan il-ġieħ. Mhux kulħadd huwa msejjaħ għall-martirju, imma huwa mbierek dak li l-Mulej jagħmillu din is-sejħa u jilqagħha. Il-martri ma kinux igergru, jgħiru jew jiġġudikaw lil dawk li ma kinux jissieħbu magħhom fil-martirju, għax kienu konxji li mhux kulħadd kien imsejjaħ għal din l-għamla ta’ xhieda! Għall-kuntrarju, il-martri kienu konvinti li s-sagrifiċċju tagħhom kien “żerriegħa” tal-Insara.

Hekk ukoll illum. Meta żwieġ jisfaxxa ma jfissirx li wieħed għandu jarmi l-impenn tal-fedeltà, anki jekk ikollu jħallas prezz talli jibqa’ jgħix waħdu. Żgur li l-grazzja ta’ Alla ma tonqosx biex wieħed iħaddan dan l-ispirtu tal-martirju. Filwaqt li nifhem li mhux kulħadd hu qawwi biżżejjed biex iwieġeb għal din is-sejħa, nitlob li jkollna aktar miżżewġin li ma jimxux fuq l-eċċezzjoni imma jsegwu l-eżempju ta’ dawk li jibqgħu jżommu fl-għoli l-ideali taż-żwieġ, anki jekk jiswielhom it-tixrid tad-dmugħ. Mentri lil dawk il-miżżewġa li jsibu ruħhom waħidhom għax jgħaddu mis-separazzjoni, nagħmlulhom il-kuraġġ biex ma jehdewx jitolbu l-grazzja ta’ Alla biex jimxu t-triq kollha, il-karità pastorali għandha ssuqna biex ngħinu lil dawk li huma l-aktar dgħajfa fost id-dgħajfin jagħmlu dixxerniment ta’ kif fiċ-ċirkustanzi li jkunu fihom ikunu jistgħu tassew jesprimu mħabbithom lejn Alla.

Il-persuna miżżewġa li ssib ruħha waħidha konsegwenza ta’ separazzjoni u tibqa’ tgħożż il-fedeltà għandha missjoni profetika, anki għal dawk li fl-istorja tagħhom ikunu għaddew minn kriżi matrimonjali u “illum” jiddispjaċihom u jixtiequ jidħlu f’relazzjoni mġedda ma’ Alla. Għax kif jikteb Oriġene, il-martri huma dawk li jgħinuna ninbnew – “martyrio nostro ædificandi sunt”. Tal-istess fehma huwa Klement ta’ Lixandra. Bl-eżempju tagħhom, il-martri jgħinu lil ħaddieħor jibni mill-ġdid ukoll fejn hemm ħerba sħiħa, anki fil-kuntest tal-ħajja tal-familja.

Bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ martri, li jfakkarna li l-martirju huwa triq għall-qdusija, ħa joktor l-għadd ta’ dawk il-miżżewġin li bix-xhieda tagħhom jgħinu lill-aħwa li minkejja l-passat tagħhom jixtiequ jibqgħu mwaħħlin fid-Dielja (Kristu).

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading