Santa Marta: Il-mara tal-Iskrittura li tieħu ħsieb ħutha


L-isem Marija huwa transkrizzjoni tal-Grieg Bibbliku Márao li tittraduċi mill-Aramajk, Martâ li bl-Ingliż tfisser ‘Mistress’ il-feminil ta’ ‘Master’. Mara f ‘pożizzjoni ta’ awtorità jew kontroll, jew aħjar il-kap.

Pittura ta’ Marta u Marija ma’ Ġesù

Fil-forma Aramajka insibuha bl-inskrizzjoni Nabateja li nstabet f’Putejoli, li issa tinsab fil-Mużew Naplitan u ġġib id-data tal-ħames seklu wara Kristu, u nstabet f’Palmira wkoll fl-iskrizzjoni li għandha l-kelma Marthein skond it-tradizzjoni Griega.

F’dan l-artiklu sejrin nagħtu ħarsa lejn ir- riferenzi Bibliċi dwar Santa Marta. Fil-vanġelu ta- San Luqa, Ġesu’ jżur id-dar ta’ żewġ aħwa, Marija u Marta. Nosservaw il-kuntrast bejn iż-żewġ aħwa, Marija u Marta. Marta kienet tinkwieta ħafna fuq ix-xogħol tad-dar waqt li Marija għażżlet l-aħjar sehem li ma jitteħdilhiex. Fil-vanġelu ta’ San Ġwann Marta u Marija jissemmew f’żewġ ġrajjiet importanti, fil-qawmien ta’ ħuhom Lażżru f’kapitlu 11, u meta Marija oħtha, dilkitlu riġlejh f’Betanja fil-kapitlu 12 vers 3.

Fir-rakkont tal-qawmien ta’ ħuhom Lażżru naraw lil Ġesu’ jkellem lil Marta u Marija wara xulxin. Malli wasal Marta marret fuq Ġesu’ u qaltlu (Ġwanni Kap 11 vers 21) “Kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut, imma wkoll issa naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Filwaqt li oħtha stenniet sakemm il-Mulej isejħilha. Ninnutaw li Marta kienet aktar fuq ruħha filwaqt li oħtha Marija baqgħet kwieta f’darhom titlob u tkkontempla (vers 23). Ġesu’ qalilha “Ħuk jerġa’ jqum (vers 24). Qaltlu Marta “Jiena naf li jerġa’ jqum. Fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum (vers 25). Qalilha Ġesu’ “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, wkoll jekk imut, jgħix (vers 26) dan jgħix u ma jmut qatt” (vers 27). “Temmnu inti dan ?” “Iva, Mulej” weġbitu. Jiena nemmen li inti l-Messija, l-iben t’Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Filwaqt li r-rakkont jitkompla Marta ssejjaħ lil oħtha Marija biex tara lil Ġesu’ (vers 23). Meta Marija waslet fejn kien hemm Ġesu’ u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut” (vers 33). Ġesu’ kif raha lilha tibki u l-Lhud li ġew magħha jibku wkoll, ħass  ruħu mqanqal u tħawwad ħafna (vers 34). “Fejn qegħdtuh ?” staqsihom. Ġesu’ resaq lejn il-qabar u qalilhom: vers 39 “Neħħu l-blata”. “Mulej, issa beda jrejjaħ. Diġa ilu erbat ijiem mejjet”. “M’għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” (vers 41). Imbagħad neħħew il-blata, Ġesu’ rafa’ għajnejh ‘l fuq u qal: “Missier nroddlok ħajr li smajtni, kont naf li Inti dejjem tismagħni”. (vers 48). Kif qal hekk b’leħen għoli qal: Lazzru oħroġ!” (vers 44) u dak li kien mejjet ħareġ b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu.

Nerġgħu niltaqgħu ma’ Marta fil-kapitlu 12 ta’ San Ġwann (vers 1 sa vers 8) fejn bdiet isservi f’ikla f’ġieħ il-Mulej Ġesu’ fejn l-istess Lażżru kien mistieden. In-narratur isostni li din l-ikla seħħet ġewwa Betanja, filwaqt li l-vanġeli ta’ San Mattew u San Mark jispeċifikaw li din saret fid-dar ta’ Xmun il-lebruż bħalma nsibu fl-enċiklopedija kattolika. Inkunu preċiżi jekk nikkummentaw li filwaqt li Mattew u Mark jpoġġu l-ġrajja fid-dar ta’ Xmun, San Ġwann għandu jiftiehem li qed jgħid l-istess ħaġa. F’vers 3 San Ġwann isostni li Marija ħadet fwieħa tan-nard pur tiswa ħafna u dilket biha riġlejn Ġesu’, imbagħad ixxuttathomlu b’xagħrha u d-dar imtliet b’riħa tfuħ.

Statwetta ta’ Santa Marta ta’ Betanja

Nisimgħu kif Marija tikkawża aġitazzjoni waqt il-pranzu billi tintebbaħ lil Ġesù bil-fwieħa għalja. Imma kull ma nisimgħu dwar Marta hija l-istqarrija sempliċi: “Marta bdiet isservi.” Mhijiex qed tiġbed l-attenzjoni, ma tagħmilx affarijiet spettakolari, ma tirċevix mirakli spettakolari. Hija sempliċement taqdi lil Ġesù.  Ma nafu xejn aktar dwar Marta u dak li ġralha aktar tard.

Ma tkunx kieku xi ħaġa tal-għaġeb kieku l-iktar ħaġa importanti li tista’ tingħad dwarna hija “Huma servew” ? Li sservi lil Ġesù mgħandux ikun dover iżda privileġġ.

Fil-knisja latina il-festa ta’ Santa Marta ssir fid-29 ta’ Lulju u magħha jissemmew ukoll Marija u Lażżru. Il-festa hija semiduplex, jiġifieri hija kklassifikata fuq is-sempliċi iżda meqjusa taħt id-doppju skond il-kalendarju tridentin. Il-festa reġgħet saret sempliċi skond il-kalendarju Ruman tal-Papa Piju XII, festa tat-tielet kategorija fl-istess kalendarju tas-sena 1960, u f’dak iż-żmien jiċċelebra biss it-tifkira.

Kemm l-Ortodossi u l-knejjes Bizantini tal-Lvant jikkommemoraw il-festa ta’ Santa Marta u ohtħa Marija fl-4 ta’ Ġunju. Barra minn hekk jerġgħu ifakkruhom fit-tielet Ħadd tal-Ġħid bħala dawk li kienu ġarrew il-mirra. Santa Marta tissemma wkoll f’Sibt Lażżru lejliet Ħadd il-Palm. Tinsab ukoll fil-kalendarju tal-qaddisin tal-Luterani fil-Knisja Episkopali, u fil-Knisja Anglikana.

Santa Marta hija persuna li nistgħu nimitaw għax kella fidi u fiduċja fl-Imgħallem Ġesu’ waqt il-mument iebes tal-mewt ta’ ħuwha Lażżru. Hija meqjusa wkoll bħala l-patruna tal-maġġordomi, tal-esperti tad-dieta u sefturi tad-dar.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm