L-imgħallem Corona?


Immur fejn immur għid li ħa nsibu jiġri miegħi! Daqqa narah u daqqa le! Imma hemm qiegħed! Idur u jħuf! Almenu hekk qed jgħidulna fuq il-mezzi tax-xandir!Tikkonfondux ħbieb għax ma nistax ma ngħidx li dan mhux minnu! Għax fejn ikun hu dejjem iġib miegħu s-sigurtà. Mhux l-għaliex minnu nnifsu jagħti s-sigurtà lil xi ħadd tafux! Jekk niġu f’dan aktar inawwar sakemm jeqred is-sigurtà ta’ ħaddieħor jaf! U bilfors li jagħmel hekk! Daqskemm jattakka bla ħniena lil min isib quddiem wiċċu! Iżda meta jissemma’, għalkemm ismu taħsbu li għandu xi kuruna ta’ ġieħ imma ġieħ fuqu m’għandux daqskemm hu qerriedi, almenu jfakkar lilek u lili li huwa aħna, dawk li għandhom jitħarsu minnu, li għandhom valur! Għax fin-nofs m’hemm ħadd għajr ħajti u ħajtek! Is-sabiħa hi li meta jattakka saħħet xi ħadd dan mhux talli jagħmlu b’xi rimors talli jagħmlu bla mistħija ta’ xejn! Għax, u b’mod viljakk kemm jista’ ikun, għax mingħajr ħadd ma qabbdu, jasal jieħu b’idejh dritt li qatt ma kellu! Mur ħarrku! Lil min se taqbad tħarrek ħabib? U int se tħarrek lil xi ħadd li ma jidhirx? Għalkemm jeżiżti fuq li jeżiżti?!

L-esperjenza tal-ħajja tellegħtu għall-grad ta’ imgħallem. Lil dan il-qattiel pulit! Mhux għax jaf imma għax tant kemm ma jafx li reġa’ ħadna f’dak li suppost nafu. Imma, minħabba li ħafna minna huma BUSY(!), aqta’ kemm insewhom dawn l-affarijiet importanti! Kemm jaħasra ħlew ħin fuq ix-xinxilli billi ħallewhom jgħaddulhom minn fuq rashom! L-ewwel nett, il-corona għallimna li l-ħajja umana hi dgħajfa. B’naqra ta’ virus li ma jidhirx ara kemm nies, ekonomiji u xogħlijiet niżlu taħt l-ilma! Ara kemm persuni spiċċaw qiegħdha! U ara kemm kuntratti ta’ xogħlijiet ġew postposti. Il-virus corona ġab kollox fl-arja!

U dan biex ma nsemmux in-numru allarmanti ta’ nies li qed jiġu nfettati b’dan il-virus! Flimkien, u dan tabilħaqq ngħiduh bi swied il-qalb, man-numru ta’ mwiet li m’għandux donnu xaba’ għax, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jinsab tiela’ fuq li tiela’! X’ħasra hux meta kollox jibda’ jiġi politiċizzat! Basta nirbħu l-voti! Anki fuq biċċa maskra! Int ħu l-Amerika ħa tara x’inhu jiġri! Iva aħna rridu naqgħu għall-livell daqshekk baxx li nappellaw għall-elettorat biex nirbħu l-voti għas-skapitu tas-saħħa tal-bniedem, li hi tant sagrosanta? U li għaliha għandu jsir kollox u minn kollox biex tiġi mħarsa?

Imbagħad, l-imgħallem corona fakkarna kemm għandu jkollna distanza minn affarijiet li jgħaddu malajr. F’tebqa t’għajn! Kos hux! Kemm ħwejjeġ li m’għandhomx daqshekk importanza tajniehom u mlejniehom b’tant attenzjoni! Tajba din! Biex inkun pulit u pulita m’għandix għalfejn le li jkolli fuqi l-aqwa ħwejjeġ tad-ditta. U lanqas għandi għalfejn ikolli ċertu stil ta’ ħajja li aktar jagħlaqni f’gaġġa tad-deheb milli jħallini ngawdi l-ħajja ta’ kuljum. Il-qaddisa normalità! Il-corona qed jurini li fil-ħajja hemm valuri bil-wisq importanti u li jagħmluni tassew bniedem u bniedma bid-dinjità kollha tiegħi.

U, waħda minn dawn il-valuri, hi ċertament, ir-relazzjonijiet. Ma tantx nista’ ngħid li mbilli nibgħat xi wiċċ daħkan, inkella xi saba’ kbir isfar jew iswed ‘il fuq jew qalb imlewna b’għadd ta’ ilwien differenti, f’WhatsApp chat, ifisser li jien għandi relazzjoni ma’ dan u ma’ din ix-xi ħadd. Kemm irrid niekol bajd u ġobon biex ngħid li għandi relazzjoni sinċiera ma’ xi ħadd! Għalhekk, ħallina mir-relazzjonjiet virtwali! Bniedem tkun taf tabilħaqq min hu meta tiltaqa’ miegħu wiċċ imbwiċċ, titħaddet miegħu u, bil-mod il-mod, bit-tlajja’ u l-inżul tal-ħajja, tibda’ issir taf min hu u min hi fil-verità. Fi ftit kliem, relazzjonijijiet awtentiċi jitolbu djalogu sinċier ta’ kliem u smiegħ, ta’ biki u daħk, u anki ta’ argumenti wkoll. Id-djalogu jitlob il-ħin għal dawn il-ħwejjeġ u tant u tant aspetti oħra li joħroġu mix-xogħol tar-relazzjoni. Imma ejjew ma ninsewx li, wara l-argument, dejjem hemm l-ingwent tal-maħfra! O Santa Maħfra! Kemm għandna bżonn insemmuk aktar ħalli nipprattikawk b’aktar faċilità u b’konvinzjoni u mhux b’dan it-tqanżieħ kollu! U xi tqanżieħ!

U, it-tisħieħ tar-relazzjonijiet jagħmel fuq li jagħmel sens meta nkunu qiegħdin naraw kemm kollox jaf jinbidel f’radda ta’ salib! Aktar u aktar meta miżuri ġodda jibdew jidħlu fis-seħħ u ġieli ma tantx jagħtu lok għal dik ir-rankatura jew aħjar taħriġ mill-aktar ħelu fejn wieħed jista’ jiġi mgħejjun aktar ħalli jikkowpja aħjar mas-sitwazzjoni. Għalhekk, l-imgħallem corona qed jurina li fil-ħajja l-kelma adattament, għandna nibdew mhux biss nispelluha ħalli naqrawha imma wkoll naraw kif nagħmlu, anki u fuq kollox, b’ħafna talb u sawm, ħalli l-Mulej jgħinna nidħlu fiha. Għax l-adattament huwa parti mit-tweġiba għas-sinjali taż-żminijiet. Inkella jekk se nibqgħu iebsa daqs il-ġebel m’aħniex se naraw progress f’ħajjitna!

Fl-aħħar nett, mastru corona fakkarna f’kemm għandna bżonn nitolbu. Veru li fqajna kullimkien bil-quddies online. U ma’ dawn insemmu wkoll ir-Rużarju flimkien mal-Kurunella tal-Ħniena Divina. Imma ħej għandna fuq li għandna bżonnhom! Inkella biex ħa nilqgħu spiritwalment għal din il-battalja feroċi li għaddejjin minnha?

Imma, u wara kollox, il-corona nistgħu issa nibqgħu ngħidulu l-imgħallem? Safejn naf jien l-Imgħallem wieħed hu, Ġesù Kristu! Għalhekk jiena nara l-corona aktar bħala l-qaddej tal-Imgħallem. Li, jrid jew ma jridx, kif qed jaġixxi, ikollu joħodna għandU! Biex iħallina nagħmluha miegħU. Ħa nafdawH u nfiequ f’kull sens tal-kelma! U neħilsu, darba għal dejjem, anki mix-xkiel … tal-corona!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.