Fraternità universali

Print Friendly, PDF & Email

L-GĦAQDA FOST IL-BNEDMIN KOLLHA

Minn Chiara Lubich, Fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari

Stokkarda, il-Ġermanja – 8 ta’ Mejju 2004

Fit-8 ta’ Mejju 2004, fi Stokkarda, il-Ġermanja, Chiara Lubich, Fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari, għamlet diskors quddiem madwar 9000 ruħ, fl-ewwel appuntament ta’ “Flimkien għall-Ewropa”. Dan kien mument storiku, li fih Chiara Lubich offriet is-sigriet biex nibnu l-paċi fil-kontinent Ewropew u fid-dinja kollha: li nibnu l-għaqda fost il-bnedmin kollha. Dawn huma siltiet mid-diskors tagħha.

L-għaqda bejn il-bnedmin kollha hija, u kienet ix-xewqa profonda ta’ persuni kbar. Fosthom Martin Luther King, li stqarr: “Għandi ħolma: li jasal dak il-jum fejn il-bnedmin (…) jintebħu li huma maħluqin biex jgħixu flimkien bħal aħwa  (…); u li din l-għaqda, il-fraternità (…) issir in-normalità għal kull bniedem u għal kull gvern.” (1)

Mahatma Gandhi, min-naħa tiegħu stqarr: “Il-missjoni tiegħi mhijiex sempliċiment l-għaqda fost l-indjani. (…) Iżda, permezz tal-implimentazzjoni tal-libertà tal-Indja, nittama li nimplimenta u niżviluppa l-missjoni tal-għaqda fost il-bnedmin.” (2)

L-għaqda fost il-bnedmin kollha kienet anke l-programm ta’ persuni oħra li ma kienux ispirati minn ħsibijiet reliġjużi. Il-proġett innifsu tar-Rivoluzzjoni Franċiża kellu bħala motto: “Libertà, ugwaljanza, fraternità”.  Imma jekk bosta pajjiżi, filwaqt li kienu qegħdin jibnu d-demokrazija f’pajjiżhom, irnexxielhom jiksbu, għallinqas parzjalment, il-libertà u l-ugwaljanza, ma kienx hekk fejn tidħol l-għaqda, il-fraternità – iktar tkellmu fuqha milli pprattikawha!

Min-naħa l-oħra, dak li ħabbar l-għaqda bejn il-bnedmin kollha, u li tana l-mod kif nirrejalizzawha, kien Ġesù. Huwa, li uriena li Alla huwa Missier, kisser il-ħitan li kienu jifirdu lil dawk li huma “ugwali” minn dawk li huma “differenti”, lill-ħbieb mill-għedewwa, u ħeles lil kull bniedem minn dak kollu li jista’ jagħmlu lsir, minn kull relazzjoni inġusta, u b’hekk għamel rivoluzzjoni ta’ vera, rivoluzzjoni eżistenzjali, kulturali u politika.

Bosta kurrenti spiritwali, imbagħad, tul is-sekli, ippruvaw jimplimentaw din ir-rivoluzzjoni. Ħajja verament ta’ għaqda u fraternità kienet per eżempju il-proġett kuraġġuż ta’ Franġisku ta’ Assisi u ta’ sħabu.  (3), il-ħajja tagħhom hija eżempju ta’ min jammirah, ħajja ta’ fraternità li tħaddan, flimkien mal-irġiel u n-nisa kollha, anke l-univers, flimkien max-xemx, il-qamar u l-kwiekeb.

L-għodda li tana Ġesù biex inwettqu din il-fraternità universali hija l-imħabba: imħabba kbira, imħabba ġdida, imħabba differenti minn dik li nafu s-soltu. Fil-fatt, Ġesù għamel trapjant partikulari: poġġa fid-dinja tagħna l-mod ta’ kif iħobbu fis-sema.

Din l-imħabba titlob minna li nħobbu lil kulħadd, mela ma nħobbux biss lil dawk li jiġu minna jew lill-ħbieb; titlob minna li nħobbu kemm lil min hu simpatiku kif ukoll lil min hu antipatiku, lin-nies ta’ pajjiżna kif ukoll lill-barranin, lill-ewropej kif ukoll lill-immigranti, lil dawk tal-Knisja tagħna kif ukoll lil ta’ knejjes oħra, lil dawk tar-reliġjon tagħna kif ukoll lil dawk li għandhom reliġjon differenti. […]

Din l-imħabba titlob minna li nħobbu anke lill-għadu u li naħfrulu jekk ikun weġġagħna. […] Dik li qed nitkellem dwarha hija, mela, imħabba li ma tagħmilx distinzjoni, u hija imħabba lejn dawk li huma fiżikament ħdejna, imma hija wkoll imħabba lejn dawk in-nies li nitkellmu dwarhom jew li nsemmuhom, hija imħabba lejn dawk naħdmu magħhom ġurnata wara ġurnata, hija imħabba lejn dawk li nsiru nafu bihom fl-aħbarijiet, fuq il-gazzetti jew fuq it-TV. Għax hekk jaf ihobb Alla l-Missier, li jibgħat ix-xemx u x-xita fuq uliedu kollha: tajbin u ħżiena, ġusti u inġusti (cf Mt 5,45).

It-tieni ħaġa li titlob minna din l-imħabba hija li nkunu aħna li nħobbu l-ewwel. L-imħabba li ġab Ġesù fid-dinja hija imħabba diżinteressata, ma toqgħodx tistenna l-imħabba tal-oħrajn, imma li tieħu dejjem l-inizjattiva, bħalma għamel Ġesù stess meta hu ta ħajtu għalina, aħna li konna għadna fid-dnub u bla ħila li nħobbu.

[…] L-imħabba li ġab Ġesù, imbagħad, mhijiex xi imħabba platonika, sentimentali, bil-paroli, imma hija imħabba konkreta, u titlob minna li nħobbu bil-fatti, u dan huwa possibbli jekk aħna nkunu kollox ma’ kulħadd: inkun marid ma’ min hu marid, ferħan ma’ min hu ferħan; preokkupati, neqsin mis-sigurtà, fqar u l-kumplament. U meta aħna nħossu fina dak li qed iħoss ħaddieħor, allura mbagħad nagħmlu dak li jkun hemm bżonn.

[…] Imbagħad meta din l-imħabba jkunu qed jgħixuha ħafna nies, allura din issir imħabba reċiproka, u dan huwa dak li Ġesù jenfasizza l-iktar: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 13, 34); huwa l-kmandament li huwa jsejjaħlu tiegħu u jsejjaħlu “ġdid”.

Għal din l-imħabba reċiproka mhumiex imsejħin biss l-individwi, imma anke l-gruppi, il-movimenti, l-ibliet, ir-reġjuni u l-pajjiżi. Iż-żminijiet tal-lum jitolbu minna, dixxipli ta’ Ġesù li jkollna kuxjenza “soċjali” tal-kristjaneżmu. Illum huwa urġenti u meħtieġ, iktar minn qatt qabel, li nħobbu lill-pajjiż ta’ ħaddieħor daqskemm inħobbu lil tagħna: […] Din l-imħabba, li tilħaq il-perfezzjoni tagħha meta tkun reċiproka, turi l-qawwa li għandu l-kristjaneżmu, għax jiġbed u jattira fuq din l-art il-preżenza stess ta’ Ġesù fostna l-bnedmin, irġiel u nisa.  Huwa ma qalx: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18,20)? U din il-wegħda tiegħu mhijiex garanzija ta’ fraternità? Jekk huwa, li hu ħuna per eċċellenza, huwa magħna, kif nistgħu aħna ma nħossuniex aħwa ta’ xulxin?

[…] Jalla l-Ispirtu s-Santu jgħin lilna lkoll biex niffurmaw fid-dinja, kulfejn inkunu, irqajja dejjem jikbru ta’ fraternità universali, billi ngħixu l-imħabba li Ġesù ġabilna mis-Sema.

Chiara Lubich

1. Cf MARTIN LUTHER KING, Diskors fil-lejl tal-Milied 1967.
2 M.K. GANDHI, Antichi come le montagne, Milan 1970, p.162.
3 Kardinal R. Etchegaray, Omelija fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Familja Franġiskana,  «L’Osservatore Romano», 12 ta’ April 2000, p.8.

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes

%d bloggers like this: