Għaxra żgħar imma kbar


Ktieb Ġdid Għaż-Żgħażagħ u l-Adolexxenti

Fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni taż-żagħżugħ Carlo Acutis, is-Soċjetà tal-MUSEUM permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca għadha kemm ippubblikat il-ktieb ta’ Robert Aloisio Għaxra Żgħar imma Kbar. Dan il-ktieb jittratta l-ħajja ta’ għaxar żgħażagħ, ħafna minnhom ta’ żmienna, li taw xhieda tal-fidi tagħhom fi Kristu bi kliemhom u b’għemilhom. Il-ktieb huwa ideali għall-adolexxenti kollha u għal dawk li jieħdu ħsiebhom għax juri biċ-ċar li huwa possibbli tgħix ħajja tajba fis-seklu 21.

“In-nies kollha jitwieldu oriġinali imma ħafna jmutu qishom fotokopji.” Dan il-kliem ma qalux xi filosofu jew studjuż magħruf ta’ żmienna. Qalu żagħżugħ ta’ 15-il sena bl-isem ta’ Carlo Acutis li ġie dikjarat Beatu fl-10 ta’ Ottubru 2020.

Carlo Acutis, dikarat Beatu fl-10 ta’ Ottubru 2020

Carlo kien ġenju tal-kompjuter imma mhux biss. Kien żagħżugħ qaddis. Forsi llum ħafna jistaqsu: “Mela llum tista’ tkun qaddis? U kif ikunu tfal u żgħażagħ qaddisin tas-seklu wieħed u għoxrin?”

Iva, jeżistu tfal u żgħażagħ qaddisin. U żgur mhumiex tfal boring, lanqas xejn. Huma tfal ferriħija, kreattivi, affaxxinanti… cool! Bniet u subien, tfajliet u ġuvintur, li jkellmuna bit-tajjeb li jagħmlu. Żgħażagħ li jaduraw lil Alla l-Ħaj u mhux l-idoli foloz tad-dinja. Dawn huma l-veri benefatturi tal-umanità għax jixegħlu d-dinja bil-fantasija virtuża tagħhom.

Kuraġġużi, qawwija, ma jehdew qatt, iż-żgħażagħ qaddisin huma l-missjunarji tat-tajjeb u ta’ dak li hu veru. Fuqhom jirrifletti raġġ tal-qdusija ta’ Kristu, tat-tjubija tiegħu, tal-ħniena tiegħu, tal-ġustizzja tiegħu. Dan il-ktieb irid ikun ringrazzjament modest lil dawn ħutna żgħar li ġejjin minn pajjiżi u kulturi differenti imma li xorta huma eżempju għalina biex nimitawhom.

Minbarra Carlo Acutis, fil-ktieb hemm tliet żgħażagħ oħra li l-qdusija tagħhom ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-Knisja: Chiara Badano, tfajla ta’ 19-il sena li kienet membru attiva tal-Fokolarini u ġiet iddikjarata Beata fl-2010; Nunzio Sulprizio, it-tifel qaddis ta’ Napli li miet fl-1836 u ġie ddikjarat qaddis fl-2018; u Josè Sanchez del Rio, il-Martri tal-Messiku li nqatel minn uffiċjali ta’ gvern tal-Mażuni u ateji fl-1928 u ġie ddikjarat qaddis fl-2016.

Gilbert Simiana, imsejjaħ “Domenico Savio” ta’ Malta

Imbagħad l-awtur jittratta sitt żgħażagħ oħra li għadhom ma ġewx iddikjarati qaddisin jew beati: Janis Babson, it-tifla Kanadiża li tat għajnejha; Bernard Lehner, it-tifel Ġermaniż ta’ żmien il-Gwerra; Michele Magone, il-“ġeneral” żagħżugħ dixxiplu ta’ Dun Bosco; Mariah Manisha, “Maria Goretti” tal-Pakistan; Iqbal Masih, in-Nissieġ tat-Twapet, u l-Malti Gilbert Simiana, imsejjaħ “Domenico Savio” ta’ Malta.

Fi żmien meta l-bniedem sar jiddubita u jissuspetta kollox, dawn iż-żgħażagħ jgħallmuna li l-fidi tiġi mill-fiduċja, bħal dik ta’ tifel f’missieru. Jgħallmuna l-entużjażmu, is-sempliċità, il-qlubija. Jgħallmuna ma nkunux ikkumplikati. Jgħallmuna l-umiltà u l-fiduċja fl-oħrajn. Għax it-tfal jaqraw il-qalb mhux il-kliem. Fuq kollox jgħallmuna nemmnu. Għax ilkoll kienu tfal u żgħażagħ li emmnu tassew.

Kienu żgħar fl-età imma kbar fil-fidi.

Għaxra żgħar imma KBAR.

Il-ktieb Għaxra Żgħar Imma Kbar qiegħed jinbiegħ minn Librerija Preca, il-Blata l-Bajda (Triq San Ġorġ Preca, il-Marsa – maġenb il-Kappella tal-Museum) għall-prezz ta’ €8. Min ikun irid jintbagħatlu d-dar bil-posta jċempel 2122 2626 jew jidħol fil-facebook page ta’ Librerija Preca u jordna l-ktieb minn hemm.