F’ġurnata xemxija, fil-Bażilika ta’ San Franġisk, f’Assisi, ibieraħ wara nofs in-nhar saret il-Beatifikazzjoni taż-żagħżugħ Carlo Acutis, żagħżugħ li miet bil-marda tal-lukimja fl-età ta’ 15-il sena. B’diversi miżuri ta’ sigurta biex jiġu rispettati l-parametri u distanza adekwata biex titħares is-saħħa, ntramaw diversi big screens ġo ħames pjazzez ewlennin tal-belt ta’ Assisi biex dawk preżenti setgħu jsegwu din iċ-ċelebrazzjoni. Madwar tlett elef ruħ kollha lebsin il-maskri, bil-maġġor parti minnhom żgħażagħ attendew għal Beatifikazzjoni.
Waqt l-omelija tiegħu, Kardinal Agostino Vallini qal: li Carlo Acutis kellu “karità kbira lejn il-proxxmu, b’mod speċjali lejn il-foqra, l-anzjani li jgħixu weħidhom, dawk li ma kellhomx saqaf fuq rashom, nies bi bżonnijiet speċjali, kif ukoll lejn il-persuni li s-soċjetà taħbihom u temarġinhom.” Carlo, qatt ma ħaseb fiħ innifsu, imma kien kapaċi jagħraf l-bżonnijiet tal-oħrajn, li fihom kien jara l-Ġesù. Kardinal Vallini stqarr li “l-ħajja ta’ Carlo kienet għotja totali għall-oħrajn, bħalma hu l-ħobż Ewkaristiku”.
“Il-ħajja tiegħu hi mudell speċjali għaż-żgħażagħ, biex ma jfittxux il-ferħ tagħhom biss fil-ferħ tal-mument, imma fil-valuri dejjiema li Ġesù tagħna fl-Evanġelju”.
Il-Beatu Carlo Acutis kien iħoss il-bżonn li jara kif jagħmel biex jgħin lil dawk li kien jiltaqa’ magħhom biex jersqu lejn Alla u biex jiskopru li Alla hu viċin tagħhom u li hi ħaġa sabiħa li huma jkun qrib Tiegħu biex igawdu l-preżenza Tiegħu u l-grazzji li Hu jagħti. Biex jagħmel dan, “Carlo kien juża kull mezz, anke mezzi moderni tal-komunikazzjoni soċjali, li hu kien jaf juża ħafna, b’mod partikolari l-Internet, li hu kien jarah bħala donn t’ Alla hu strument importanti biex jiltaqa’ ma nies u jxerred il-valuri Kristjani.”
Il-Kardinal Agostino Vallini jagħlaq l-omelija billi jgħid li l-Beatifikazzjoni ta’ Carlo Acutis “hi aħbar tajba, aħbar qawwija, hu żagħżugħ ta’ żmienna, bħal ħafna oħrajn, hu ‘lighthouse’ ta’ dawk li saru jew għad isiru jafuh u jippruvaw isegwu l-eżempju tiegħu.”
Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, wara li l-kardinal qara d-digriet tal-Papa, fost ċapċip u kant ta’ ferħ inkixef l-inkwadru tal-Beatu Carlo Acutis u wara ġiet offruta relikwa, li ġiet imtellgħa mill-ġenituri ta’ Carlo stess. Fuq ir-relikwarju hemm imniżla l-frażi li kien iħobb jgħid: “L-Ewkaristija hija l-‘highway’ lejn il-Ġenna”
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: