Dan l-aħħar iltqajt ma’ din il-frażi li tabilħaqq għamlitli ġid fuq ġid: Knisja li ma timmuffax. Għoġbitni l-għaliex ħarġet minn persuna li għandha saqajha mal-art. L-għaliex tiltaqa’ man-nies. Hi ta’ Kristu imma taf timxi b’qalb ta’ ragħaj man-nies! Għalhekk evanġelika!
Oh! Il-kelma evanġelika! U din il-kelma, aktar milli tfakkarni f’xi grupp settarju Nisrani aktar toħodni għall-qalba tat-talba li, f’dan ix-xahar, tant u tant aħna mħeġġin li nitolbu, ir-Rużarju Mqaddes! Iva! Din it-talba hi evanġelika! L-għaliex għeruqha fil-vanġelu qiegħdin! Il-misteri kollha huma bibliċi. Mela, din it-talba, hi qawwija! L-għaliex hi msejsa u mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla! U, ngħid jien, jekk il-Kelma ta’ Alla twassal għall-ħajja ta’ dejjem kif qatt ifettlilha twassal persuna għat-telfien fl-infern? Biex inkunu għedna kollox ħaġa bħal din lanqas għandha toħlomha! Aħseb u ara mela kemm ħa tippriedkaha! Jekk nirraġunaw hekk aħna aħna jew m’aħniex ħbieb?! Għalhekk, qabel naqbdu u nfattru fl-idejat biex nkunu għedna xi ħaġa differenti u, sensazzjonali kemm jista’ ikun, ejjew narmu ‘l barra l-idea li min jitlob ir-Rużarju jmur l-infern! Kif tista’ tmur l-infern għax tkun tlabt bil-Kelma ta’ Alla? Jekk tkun immeditajt il-misteri tar-Rużarju li huma preżenti fil-paġni tal-evanġelju? Ta’ l-Aħbar it-Tajba tal-fidwa? Għax il-Missierna x’inhi jekk mhux imniżżla fil-vanġelu? U l-ewwel biċċa tas-Sliema x’inhi jekk mhux meħuda mill-vanġelu, li hu l-Kelma ta’ Alla? Mhux aħjar mela li, fl-entużjażmu tagħna għal Ġesù, inżommu l-break qabel insiru stake? Mhux Ġesù li jsalva? Ibqgħu ċerti li żgur mhux il-ġudizzju fjakk kemm jista’ ikun u kemm tridu tiegħi u tiegħek!
Imbagħad hemm ħaġa oħra li għadna ma semmejniex dwar ir-Rużarju: kemm hu talba li ma ġġegħlna nimmuffaw qatt bħala Knisja! U int, bir-raġun, tistaqsini: L-għaliex Patri? L-għaliex ir-Rużarju hu talba tal-ftuħ. U, dak il-ftuħ, li, kif kien jgħid tant tajjeb Papa Emeritu Benedittu XVI, huwa ftuħ għall-oħrajn! Ma ninsewx x’kien kitbilna dan il-Papa kbir fl-ewwel enċiklika tiegħu Caritas in Veritate:
“Hekk hu, l-imħabba hija ‘estasi’, iżda estasi li ma tfissirx ħin ta’ sakra, imma estasi bħala mixja, bħala ħarġa dejjiema mill-egoiżmu magħluq fih innifsu lejn il-ħelsien minnu fl-għotja ta’ dak li jkun, u sewwa sew ħarġa lejn l-għarfien tiegħu nnifsu, anzi lejn l-għarfien ta’ Alla: ‘Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha’ (Lq 17:33), qal Ġesù – din l-istqarrija tiegħu tinsab f’diversi bnadi ta’ l-Evanġelju (ara: Mt 10:39; 16:25; Mk 8:35; Lq 9:24; Ìw 12:25). B’dan, Ġesu` jpinġi l-mixja tiegħu nnifsu li permezz tas-salib wasslitu għall-qawmien; il-proċess tal-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut u hekk tagħti ħafna frott. Mill-istess qalba tas-sagrifiċċju personali tiegħu u ta’ l-imħabba li fih laħqet il-perfezzjoni, b’dawn il-kelmiet huwa fisser ukoll il-qofol ta’ l-imħabba u sewwa sew il-qofol tal-ħajja umana fiha nnifisha” (nru.6).
Personalment kemm nara fir-Rużarju din l-estasi bħala mixja, bħala ħarġa dejjiema mill-egoiżmu magħluq fih innifsu lejn il-ħelsien minnu fl-għotja ta’ dak li jkun, u sewwa sew ħarġa lejn l-għarfien tiegħu nnifsu, anzi lejn l-għarfien ta’ Alla! Nibdew minn denbha, bl-għarfien ta’ Alla! Marija li tilqa’ l-aħbar tal-anġlu. U tiġi mistiedna biex tifraħ! L-għaliex il-Missier għażilha biex tkun Omm Ibnu l-waħdieni! U, int u jien, m’aħniex magħżulin mill-Missier biex inkunu Ommu u Ħutu jekk, bħal Marija, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nagħmluha?
Imma dan il-ferħ li taf tagħti l-imħabba tal-Missier jiftaħna għall-oħrajn. U, bħal Marija, inqumu malajr inħaffu lejn l-għoljiet tal-bastjuni tas-siguratjiet tagħna, biex noħorġu minnhom, ħalli naqdu lil Ġesù f’min hu fil-bżonn. Hu meta naqdu li nnislu l-ferħ tiegħu madwarna! Hu meta naqdu li nwellduh mill-ġdid u nippreżentaw fit-tempju, li hi l-familja tal-bnedmin. Hu meta naqdu li nerġgħu nsibuh wara li nkunu tlifnieh bl-egoċentriżmu tagħna.
Għax għalhekk int u jien ġejna mgħammdin, biex inkunu bħalu. Biex inħalluh, bina, jagħti l-ferħ tiegħu lil ħaddieħor bl-għemejjel tajba tagħna. U, b’dawn l-għemejjel, il-kelma tagħna tissaħħaħ għax issir profezzija ta’ ndiema u stedina ta’ mħabba li s-Saltna ta’ Alla qiegħdha fostna. Li, ħaddieħor li jarana jiddeċiedi, minn qalbu, li jagħmel l-istess, jista’ hu u hi wkoll jinbiddlu magħna fid-dawl ta’ Kristu li jagħti ħajtu għall-oħrajn. B’hekk, l-Ewkaristija ma tibqax maqfula fil-Knejjes tagħna iżda tiġi iċċelebrata permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja mogħtija bħala servizz għal min hu fil-bżonn.
Ovvjament dan kollu għandu prezz: il-prezz taċ-ċaħda, tal-flaġellazzjoni, tal-inkurunazzjoni bix-xewk, tal-ġarr tas-salib u, fl-aħħar, tal-mewta fuq l-istess salib. Iżda, għal min jemmen fil-qawwa dejjem ġdida ta’ Kristu, jaf fuq li jaf li l-mewt ma ssaltanx le aktar fuqna. Li, bħala tweġiba li tibqa’ u li tkisser il-mewt hemm it-tweġiba tal-qawmien, tat-tlugħ fis-sema, tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu u tal-glorifikazzjoni. X’inhi l-mewt quddiem dan kollu jekk mhux imperu li mar minn saqajh u baqa’ nieżel għal rasu biex isir ħerba waħda?
F’din il-mixja kollha ninnutaw kemm ir-Rużarju hi talba li tgħinna bis-sħiħ biex ma nimmuffawx! Biex ma ningħalqux fina nfusna! Anzi! Tgħinna biex ninfetħu għall-Mulej! Ħa jiftaħna għall-oħrajn! Ħalli bina jasal għandhom, anki jekk dan ifisser li rridu ngħaddu mit-tbatijiet tagħna. Iżda, dawn it-tbatijiet, se jwassluna għall-akbar glorja tal-imħabba, il-ħajja ta’ dejjem li Alla lesta għal dawk li jħobbuh (1 Kor 2:9). F’dan id-dawl, ir-Rużarju hu bħall-ilma ġieri, li dejjem ġej u dejjem frisk! Ħieni minn jixrob minnu l-għaliex ikun qed jixrob mill-istess sustanzi ta’ Dak li qalilna: Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem (Ġw 4:14). Ħienja l-Knisja, jiġifieri int u jien l-imgħamdin, li nitolbu r-Rużarju kuljum u b’fidi, għax qatt le ma nimmuffaw imma, bil-grazzja tal-Mulej u bit-talb ta’ Ommna Marija, insiru l-ilma ta’ ħajjet Kristu li jwassal lilna u għal min u ma’ min nitolbu din it-talba qawwija, sal-ħajja ta’ dejjem!
Bir-Rużarju mhux timmoffa imma ssir ta’ stoffa!
Patri Mario Attard OFM Cap