Isqof Iraqi li salva manuskritti prezzjużi ġie nominat għal premju Sakharov
Saċerdot li għen insara joħorġu mill-belt ta’ Mosul, kif ukoll irnexxielu jsalva l-fuq minn 800 manuskritt prezzjuż milli jiġu meqruda mill-grupp tal-Istat Islamiku meta invadew din il-belt, ġie nominat għal premju Sakharov ta’ din is-sena.
Dan il-premju Sakharov jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew lil dawk l-individwi, jew organizzazzjonijiet li jiddefendu drittijiet umani kif ukoll libertà fundamentali.
Meta fis-sajf ta’ 2014, ISIS daħlu ġewwa Mosul, Patri Dumnikan, Fr Najeeb Michaeel ra li jiġu evakwati l-Insara Sirjaki u Kaldew lejn il-Kurdistan. Hu ħareġ miegħu madwar 850 manuskritt antik li kienu miktuba bl-Aramajk, bl-Arbi u b’diversi lingwi oħra u li għandhom id-data ta’ bejn 13 u 19-il seklu. Iktar tard dawn il-manuskritti ġew diġitalizzati u esebiti fi Franza u fl-Italja.
Meta l-forzi Iraqini reġgħu ħadu l-belt ta’ Mosul minn taħt idejn l-Isis, Fr Michaeel irritorna lura lejn il-belt, hu sab li l-Knisja tiegħu kienet imkissra u mibdula bil-kmamar li ġew trasformati f’workshops tal-bombi u ċinturini tal-isplusiv kif ukoll forka tat-tgħalliq li dawn ħadu post l-altar.
F’Diċembru 2018, Fr. Michaeel ġie elett l-Arċisqof ta’ Mosul. Meta ġie ordnat Isqof, hu qal lil aġenzija tal-aħbarijiet AFP: “Il-messaġġ tagħna lid-dinja kollha u lill-poplu ta’ Mosul hu wieħed ta’ koeżistenza, fl-imħabba u l-paċi fost il-komunitajiet differenti ta’ Mosul, kif ukoll biex tintemm l-idealoġija ta’ Daesh li l-ISIS ġabu hawn”.
Lejliet l-ordinazzjoni tal-Isqof Fr Michaeel, Kardinal Louis Raphael Sako, qal li “l-Isqof il-ġdid għandu kompitu li jibda djalogu u jħeġġeġ lill-Musulmani bejniethom lejn ir-rikonċiljazzjoni u rikostruzzjoni tal-fiduċja, kif ukoll li l-Isqof għandu jgħin lill-Insara jerġgħu jmorru lejn l-għeruq tal-istorja ta’ Mosul, iqajjem lill-Knejjes u l-postijiet ta’ qima, li wħud minnhom huma l-eqdem u l-aktar importanti għal-Knisja Kaldew. Dawn huma parti għal-ħajja u l-istorja tal-Belt”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: