Dun Mikiel twieled fin-Nadur, Għawdex, nhar l-1 ta’ Ottubru 1933, l-ewwel fost tnax-il aħwa, iben Coronato u Anna neè Tabone. Billi kien jaħdem Malta bħala kuntrattur u bennej, missieru kien mar joqgħod bil-familja b’kollox fil-Ħamrun u hekk Dun Mikiel għadda l-ewwel sitta jew seba’ snin ta’ ħajtu joqgħod Malta. Fl-1940, wara li faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, Coronato ddeċieda li jirritorna lura bil-familja tiegħu lejn raħal twelidu. Hawn iċ-ċkejken Mikiel beda jiffrekwenta l-MUSEUM fejn fl-1945 ġie aċċettat bħala kandidat.
Ta’ għaxar snin beda wkoll jistudja fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù. Mis-superjuri u l-għalliema kien miżmum bħala student intelliġenti, serju, eżemplari, ta’ ħajja tajba u attent biex iwettaq dmirijietu sewwa. Aktar tard huwa ddeċieda li jimxi wara Kristu fit-triq tas-saċerdozju. Bħala seminarista huwa kien kapaċi jidħaq u jiċċajta ma’ sħabu imma fl-istess ħin iħobb il-ħajja ta’ ġabra u talb. Huwa ġie ordnat djaknu mill-isqof Mons Ġużeppi Pace fl-20 ta’ Diċembru 1958 u presbiteru fit-12 ta’ April 1959.
Fost il-ħidmiet pastorali li wettaq b’żelu kbir, Dun Mikiel ħadem ħafna maż-żgħażagħ. Għal ħafna snin kien direttur spiritwali tal-Football Club Nadur Youngsters fejn, barra mit-talb qabel kull partita, qatt ma kien jonqos li jgħaddilhom kelma tajba. Huwa kien jorganizza laqgħa fix-xahar għaż-żgħażagħ tal-parroċċa tiegħu u aktar tard waqqaf il-grupp ta’ talb imsejjaħ GYM talb Madonna Ta’ Pinu. Huwa beda joħroġ ukoll il-fuljett ta’ darba fix-xahar “Il-Ħbieb isejħu”. Baqa’ ħafna attiv fil-MUSEUM u spiss kien iżur id-diversi oqsma ta’ Għawdex.
Huwa ħabb ħafna lis-saċerdoti u ħadem kemm felaħ biex jgħinhom f’kull bżonn tagħhom. Fl-1966 beda joħroġ fuljett għalihom, “Aggiornamento”, li fih kien jittratta temi spiritwali u pastorali attwali. Huwa dejjem ħadem id f’id mal-isqof tiegħu, fi spirtu ta’ komunjoni u ubidjenza, u għen lil sħabu s-saċerdoti jgħixu f’dan l-ispirtu. Anke meta ma kienx mifhum jew sab lil min ma jaqbilx miegħu, huwa dejjem ġarrab kollox fis-skiet għall-imħabba ta’ Kristu.
Kellu ħeġġa kbira għall-erwieħ. Kien lest jissagrifika lilu nnifsu, anke sa tard billejl, biex jisma’, ifarraġ u jgħin lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu fil-qrar jew fid-direzzjoni spiritwali. Ħafna nies, fosthom numru kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi, kienu jżommuh bħala d-direttur spiritwali tagħhom. Mix-xhieda ta’ ħajtu u mill-għerf tal-Ispirtu li kellu gawdew ukoll għal ħafna snin is-seminaristi Għawdxin fil-formazzjoni tagħhom għas-saċerdozju. Kien, fil-fatt, direttur spiritwali fis-Seminarju Maġġuri mill-1970 sal-1996. Dun Mikiel kien jibqa’ jsegwihom anke wara l-ordinazzjoni u meta kienu jkunu msefrin.
Kellu spirtu missjunarju kbir. Fit-2 ta’ Orrubru 1982 huwa waqqaf il-Grupp Missjunarju Għawdxi bil-għan li jnissel u jsaħħaħ l-imħabba lejn il-missjonijiet u jorganizza aħjar il-ħidmiet lokali favur il-missjoni. Ma’ dan il-Grupp huwa organizza esperjenzi missjunarji fl-Eġittu, il-Kenja, l-Etjopja, il-Pakistan, l-Indja, il-Brażil, it-Tuniżija, l-Alġerija u l-Perù.
Kien iħobb sinċerament lil art twelidu, iħoss għall-ħtiġijiet tal-poplu u jinteressa ruħu fil-ħtiġijiet soċjali. Stinka biex il-Moviment Azzjoni Soċjali jibda jwettq il-ħidma tiegħu f’Għawdex ukoll.
Kien saċerdot ferħan li għex is-saċerdozju tiegħu b’mod sħiħ. Is-sigriet tiegħu kien l-għaqda intima tiegħu ma’ Alla permezz tat-talb. Kellu devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija u lejn il-Madonna ta’ Pinu. Kellu mħabba kbira għall-Quddiesa ta’ kuljum, għall-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla, għal-Liturġija tas-Siegħat u għar-Rużarju. Lill-Madonna Ta’ Pinu, li spiss kien iżurha fis-Santwarju tagħha, kien jafdalha kull ħidma tiegħu. Huwa kellu xewqa kbira li ħdejn is-Santwarju Ta’ Pinu jitrawwem xi Ordni ta’ patrijiet kontemplattivi, iżda dan it-tentativ ma rnexxiex. Għen ukoll biex tinfetaħ komunità tas-Sorijiet Dumnikani tal-Klawsura fix-Xagħra, iżda anke dan il-proġett rah ifalli quddiem għajnejh, liema żewġ esperjenzi kkawżawlu tbatija interjuri kbira. Iżda hu, ta’ bniedem spiritwali li kien, għaraf jaċċetta dawn il-fallimenti bi spirtu ta’ fidi u rassenjazzjoni f’idejn Alla. Kien jemmen li Alla għandu ż-żmien u t-triqat tiegħu, u ma ħalla xejn jaqtgħalu qalbu.
Is-saħħa fiżika tiegħu kienet dejjem xi ftit dgħajfa iżda hu, b’kuraġġ u b’fiduċja fl-għajnuna tas-sema, qatt ma żamm lura milli jagħti lilu nnifsu sal-aħħar. L-ispirtu ta’ sagrifiċċju u r-rabta ta’ qalbu mar-rieda tal-Missier, li wera f’kull ħidma pastorali tiegħu, uriha speċjalment fl-aħħar snin tal-mard tiegħu. Kien ilu jbati ħafna minn diversi tipi ta’ mard kroniku, fosthom l-ażżma u l-Parkinson’s disease, sakemm fis-sena 2000 kellu jinxteħet fis-sodda għal kollox. Hemmhekk baqa’ joffri lilu nnifsu bħala offerta ħajja lil Alla sakemm miet b’fama ta’ qdusija fit-30 ta’ Lulju 2004. Fit-2 ta’ Awissu sar il-funeral tiegħu li għalih attendew 116-il qassis. Kienu preżenti wkoll il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u personalitajiet oħra flimkien ma’ folla kbira ta’ nies minn Malta u Għawdex.