Jiena trabbejt fit-triq San Filipu l-Birgu u bqajt ngħix hemm sakemm dħalt Patri Karmelitan. Fost il- ġirien tagħna insibu lill-Ġorġ Agius magħruf bħala tal-Mużew jew l-għannej tal-Mulej. Ġorġ Agius twieled nhar it-28 ta’ Lulju fl-1926 min Pawlu u Marija mill-Qala Għawdex. Huwa t-tieni wild minn 9 aħwa li baqgħu ħajjin.
Ġorġ għamel l-ewwel tqarbina tiegħu fil-knisja tal-patrijiet tal-Kapuċċini fil-Kalkara għaliex il-familja tiegħu għamlet xi żmien tgħix qrib dan il-kunvent. Barra hekk tajjeb li ngħidu li Ġorġ għandu żewġ kuġini li huma saċerdoti u li jgħixu ġewwa l-Qala Għawdex.
Missieru Pawlu, meta Ġorġ kellu għaxar snin, daħal jaħdem it-Tarzna u għalhekk huwa bhalha l-ikbar wieħed mit-tfal subien spiċċa jbigħ il-ħaxix. Ħajjiet Ġorġ rat l-iskola tgħib ħesrem. Minfloka daħlet il-ħmara li magħha kien jdur it-toroq u l-isqaqien ibigħ il-ħaxix u jara kif jagħmel bix jdaħħal xi sold biex il-familja tiegħu setgħet tkampa.
Magħruf għas-saħħa tiegħu, meta kien żgħir kien ħaffer xi xelters għall familja tieghu fiż-żmien it-tieni Gwerra Dinjija. Ta’ sbatax il-sena mar jaħdem fuq il-konvoj, ix-xatt tal-Marsa. Meta kellu tmintax, nqabad suldat bil-lieva, imma ftit dam, għax inhelles b’karta mill-kaptan, biex jiehu ħsieb il-port li kien ħafna mportanti dak iż-żmien. Ġorġ dam jaħdem ix-xatt għal 44 sena.
Fiż-żmien iż-żogħżija ta’ Ġorġ, l-importanti kienu l-istejjer tal-qaddisin u mhux l-atturi u l-kantanti bħalma qed ngħixu llum. Ġorġ kien iħares u jammira, lill-persuni twajba, li ddedikaw ħajjithom għall-Alla u għar-reliġjon. Min żogħżitu, kien dejjem ifittex li jagħti eżempju u parir tajjeb.
Fiż-żmien li qatta x-xatt fuq il-vapuri kien ġmielu jiġbor il-pulizijia u l-ħaddiema l- oħra u jħeġġiġhom jitolbu billi jgħidlihom “Ejja ngħidu tat-tmienja l-aħwa” u kien beda jagħmel il-ġid b’dan il-mod sempliċi.
Ix-xatt kien ikun hemm bosta nies, li kienu ħa jiżbaljaw fi- kliemhom, iżda Ġorġ kien dejjem jgħid xi ċajta biex jwaqqafhom. Kien spiċċa li sħabu ħaddiema tax-xatt għalinqas quddiemu qatt ma kienu jitkellmu ħażin jew joffendu l’Alla. Bosta minħabba fih bdew jmorru lura l-knisja u jattendu l-quddies. Ġorġ jistqarr li mhux l-ewwel darba li sab lill-xi ħadd jiddiehaq bih imma hu dejjem wieġeb lura b’dak it-talent sublimi u poetiku tiegħu.
Ġorġ min fuq ix-xogħol kien jibqa sejjer l-isptar San Luqa, biex jkellem lill-pazjenti u qrabathom. Fis-sajf, ġieli wara l-visti tiegħu, kien jgħaddi d-dar biex jinħasel u meta kien jibda jidlam jerġa jerhila lejn l-isptar għall- darboħra.
Fil-ħin liberu tiegħu speċjalment fis-sajf kellu daqxejn ta’ fejgatina li biha kien joħroġ il-barra biex jgħum fil-fond u jogħdos għall-gandofli, li mbagħad kien jbiegħhom biex jgħin il-familja. Fil veru sens tal-kelma xejn ma kien jsir ta’ bla ħsieb.
L-isbaħ żmien għall-Ġorġ kien meta kienet tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Lawrenz għaliex kien jieħu gost jara n-nies jieħdu pjaċir. Għall-festa, meta kien għadu jaħdem, kien jieħu hmistax leave biex jidedika ruħu għall-preparamenti tal-festa.
Għalkemm Ġorġ ma jafx la jikteb u lanqas jaqra l-Bambin żejnu b’don kbir li kapaċi jqabbel u jagħti tagħlima permezz ta’ dawn it-tqabbiliet.
Minkejja li Ġorġ huwa magħruf bħalha tal-Mużew huwa mhuwiex soċju, għalkemm iħobb l-ispiritwalita Mużewmina u għalhekk huwa membru koperatur. Jingħad li mhux darba jew tnejn Ġorġ kien jmur jisma l-qagħdiet ta’ San Ġorġ Preca u billi kien raġel b’saħħtu ġie mqabbad flimkien ma’ ieħor biex jerfgħu l-San Ġorġ Preca ħa jpoġġuħ fuq mejda fil-għoli biex kulħadd jista’ jisimgħu. Kemm int xxurtjat Ġorġ li kellek il-ħila f’din id-dinja terfa qaddis hekk kbir!
Ġorġ huwa bniedem umli u ta’ fidi kbira. Il-kliem meqjus tiegħu ħiereġ min leħen melodjuz, iħalli ħafna ġid ma kull tip ta’ persuna: tfal u zgħażagħ, adulti u anzjani, nies normali jew mkabbrin. Kulħadd kapaċi jersaq lejn Ġorġ għax għandu kelma għall-kulħadd. Meta kien imur f’xi parroċċa flimkien ma’ saċerdoti oħra biex jagħmlu xi apostolat tax-xirka tal-isem mqaddes t’Alla, arah ikun min ta’ l-ewwel biex imur fil-każini, Bars, jew postijiet oħra biex jgħid kemm hu ikrah id-dagħa u kemm u sabiħ li nfaħru l-isem tal-Mulej. Fejn kien ikun hemm bżonn mingħajr ċanfir kien iwassal twissija xierqa.
Nagħlaq din il-kitba tiegħi b’waħda mit-taqbiliet ta’ Ġorġ dwar il-Papa Franġisku:
Mal-Papa Franġisku,
Jaqblilna nirsistu,
u biex tirbaħ il-kuntrarju,
uża dejjem ir-Rużarju
Hemm ħafna xi tgħid dwar dan il-bniedem ta’ 90 sena li tant jgħamel ġid. J’Alla l-Mulej jagħtih is-saħħa ħalli jibqa jaħdem fl-għalqa tal-Mulej.
Minn Patri Hermann Duncan O.Carm