“Il-martri tagħna huma t-torċa tal-fidi”.
Waqt il-kommemorazzjoni tal-10 anniversarju mill-massakru li sar fil-Knisja tal-Madonna tal-Ħelsien, ġewwa Bagdad, il-Patrijarka Kattoliku Sirjak, Ignace Joseph III Younan, fakkar lil fidili li “l-martri tagħhom huma t-torċa tal-fidi li jdawlu t-toroq tal-ħajja tagħna, u jqabdu fina n-nar tal-imħabba lejn kulħadd”.
Żewġ saċerdoti kienu fost 48 ruħ li tilfu ħajjithom f’attakk li sar fil-31 ta’Ottubru 2010. L-iżgħar vittma kellha 3 snin. Il-fuq minn 80 ruħ kienu feruti. “Ħafna minnkom kienu jafu mill-qrib il-martri: żewġ saċerdoti, tfal, żgħażagħ, missirijiet u ommijiet, li hekk kif kienu qed jitolbu u jieħdu sehem fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa, lejliet il-festa tal-Qaddisin Kollha, kriminali beżżiegħa daħlu u qatlu bla waqfien”, hekk saħaq il-Patrijarka waqt l-Omelija.
“Id-demm tal-martri ġie mħallat fuq l-altar mas-sagrifiċċju tal-ħaruf, u erwieħ tagħhom telgħu lejn is-sema fejn qegħdin iħarsu lejna minn hemm fuq u jinterċedu għalina”, hekk qal Patrijarka Younan.
Il-Patrijarka, li żar Bagdad mill-Patrijarkat tiegħu ta’ Bejrut, talab li l-kawża għall-kanonizzazzjoni ta’ dawn it-48 martri titlesta mill-kompitenza tal-awtoritajiet ta’ Santa Sede, sabiex inkunu nistgħu nirritornaw u niċċelebraw ir-rit tal-beatifikazzjoni tagħhom kemm jista’ jkun malajr.
Il-massakru kien meqjus bħala ‘sejħa ta’ qawmien’ għall-Insara li waslet għall-ispostament tal-akbar numru ta’ Nsara fi żminijiet moderni, mhux biss f’Baghdad, iżda mill-partijiet kollha tal-Mesapotamia. Il-Patriarka saħaq: “Tkun xi tkun l-inġustizja u d-diżastri li jiġu fuqna, aħna ma nsirux avukati tal-vjolenza jew vendetta, ‘mma messaġġiera tal-paċi, fraternità u toleranza”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: