Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-XXXI ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
L-imħabba hi l-milja tal-Liġi.
Rum 13, 8-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi. Għax il-kmandamenti: “La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib”, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 111 (112), 1-2.4-5.9

R/. (5a): Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef

Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,
li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!
Setgħan fuq l-art ikun nislu;
nisel it-tajbin ikun imbierek. R/.

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;
twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.
Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,
li jmexxi ħwejġu bir-reqqa. R/.

Iqassam u jagħti lill-foqra;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;
rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Piet 4, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-isem ta’ Kristu, henjin intom!
Fuqkom għandkom l-Ispirtu ta’ Alla.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.
Lq 14, 25-33

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma’ Ġesù; hu dar lejhom u qalilhom: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’l ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.

Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sal-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid: “Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sal-aħħar”.

Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi.

Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu