Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-XXXIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Il-ħallieq tad-dinja għad iroddilkom lura n-nifs u l-ħajja.
2 Mak 7, 1.20-31

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Makkabin

F’dak iż-żmien, qabdu wkoll sebat aħwa u ’l ommhom; u s-sultan beda biex jisfurzahom bid-daqqiet tas-swat u tan-nerv biex jieklu l-laħam tal-majjal li ma jiswiex.

Imma tal-għaġeb bla qies kienet l-omm, u ta’ min ifakkarha u jfaħħarha. Rat is-seba’ wliedha jinqerdu fi żmien jum wieħed u sofriet minn qalbha, minħabba t-tama li kellha fil-Mulej. Mimlija bi ħsibijiet kbar, qawwiet bil-ħila ta’ raġel il-qalb tagħha ta’ mara u b’ilsien missirijietha, wieħed wara l-ieħor, qawwitilhom qalbhom bi kliemha.

“Jien ma nafx kif feġġejtu f’ġufi, ma kontx jien li tajtkom in-nifs u l-ħajja, lanqas ma kont jien li għaqqadtilkom il-bċejjeċ ta’ ġisimkom. Il-ħallieq tad-dinja, li sawwar in-nisel tal-bniedem u fassal il-bidu ta’ kollox għad iroddilkom lura n-nifs u l-ħajja fil-ħniena tiegħu, bħalma issa ma intom tqisu xejn lilkom infuskom minħabba l-liġijiet tiegħu”.

Antijoku ħass u ħaseb li kienet qiegħda tgħajru u żżebilħu bi kliemha. Billi kien għad baqa’ l-iżgħar wieħed, mhux biss ħeġġu bi kliemu, imma wkoll beda jaħliflu u jwiegħdu li jagħnih u jagħmlu l-aktar bniedem hieni jekk iħalli l-liġijiet ta’ missirijietu, u li jgħoddu bħala ħabibu u jafdalu f’idejh uffiċċji pubbliċi. Billi ż-żagħżugħ ma tahx widen, is-sultan sejjaħ lil ommu u talabha tagħti parir lit-tifel għall-ġid tiegħu.

Wara li dam jgħidilha ħafna, aċċettat li ddawwar lil binha. Mielet lejh u hi u tiddieħak bit-tirann kiefer, bdiet tkellmu b’ilsien missirijietha: “Ibni, ħenn għalija, li għal disa’ xhur sħaħ ġarrejtek f’ġufi, u għal tliet snin reddajtek, rabbejtek u wassaltek sa din l-età, u tmajtek. Nitolbok, ibni, ħares lejn is-sema u l-art, u ara kulma fihom. Kun af li mix-xejn għamilhom Alla; hekk ukoll sar ġens il-bniedem. Tibżax minn dan il-biċċier, imma kun ta’ ġieħ għal ħutek u ilqa’ l-mewt, sabiex jien niksbek mill-ġdid fi żmien il-ħniena flimkien ma’ ħutek”.

Hi u titkellem, iż-żgħażugħ qal: “X’intom tistennew? M’iniex se nobdi d-digriet tas-sultan; nobdi biss id-digriet tal-Liġi mogħtija lil missirijietna permezz ta’ Mosè. U int li vvintajt kull xorta ta’ deni kontra l-Għebrej, m’intix se taħrab idejn Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 16 (17), 1.5-6.8b u 15

R/. (15b): Meta nqum, Mulej, nithenna bid-dehra tiegħek

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,
ilqa’ l-għajta tiegħi,
agħti widen għat-talb tiegħi;
bla qerq huma xufftejja. R/.

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,
qatt ma għotru riġlejja.
Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;
ressaq widintek lejja, isma’ kliemi. R/.

Bħal ħabba tal-għajn ħarisni,
għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni.
Imma jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;
meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 15, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien għażiltkom, jgħid il-Mulej,
biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank?
Lq 19, 11-28

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta’ Alla kienet se tidher minnufih. Mela qal: “Wieħed raġel nobbli siefer f’pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa’ lura. Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: “Ħaddmuhom, sa ma nerġa’ niġi”. Issa n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu: “Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna”.

Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa’ lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x’qalgħu. Resaq l-ewwel wieħed u qallu: “Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet”. Qallu: “Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f’ħaġa tassew żgħira, ħu f’idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet”.

Ġie t-tieni wieħed u qallu: “Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet”. Lil dan ukoll qallu: “U int ħu taħt idejk ħamest ibliet”.

U ġie ieħor u qallu: “Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f’maktur. Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx”. Qallu: “Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, infittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?”

Imbagħad qal lil ta’ madwaru: “Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet”. Qalulu: “Imma, sinjur, għandu għaxar miniet!”. “Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi””.

Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu