Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-XXXIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Inħalli liż-żgħażagħ eżempju sabiħ ta’ kif għandhom imutu qalbiena għall-ġieħ tal-liġijiet qaddisa.
2 Mak 6, 18-31

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Makkabin

F’dak iż-żmien, Elgħażar, wieħed mill-ewlenin fost l-iskribi, bniedem imdaħħal fiż-żmien, raġel iġiblek suġġizzjoni, kienu qegħdin iġagħluh jiftaħ ħalqu bilfors biex jiekol il-laħam tal-majjal.

Iżda hu għażel mewt ta’ ġieħ minflok ħajja ta’ għajb; beżaq il-laħam u minn rajh resaq lejn il-kavallett kif għandhom jagħmlu dawk li għandhom il-kuraġġ li jiċċaħħdu minn dak li ma jiswiex wieħed iduq, imqar għall-imħabba naturali ta’ ħajtu.

Dawk li kienu mqabbdin li jagħmlu din l-ikla tas-sagrifiċċju kontra l-Liġi, billi kien ilhom żmien twil jafuh, warrbuh fil-ġenb u bdew iħajruh iġib hu stess laħam li jkun jista’ jittiekel u jħejjih hu stess, imbagħad jagħmel tabirruħu qiegħed jiekol mil-laħam tas-sagrifiċċju skont l-ordni tas-sultan; jekk jagħmel hekk jeħles mill-mewt u jkun ittrattat tajjeb minħabba l-ħbiberija tagħhom minn żmien twil.

Imma hu ħa deċiżjoni nobbli tixraq lis-snin tiegħu, lid-dinjità kbira ta’ xjuħitu u l-bjuda ta’ xagħru, u lis-safa ta’ ħajtu sa minn tfulitu, imma fuq kollox deċiżjoni li kienet taqbel mal-liġi qaddisa mogħtija minn Alla stess. Bla telf ta’ żmien stqarr x’kien, u qalilhom li jistgħu jibagħtuh lejn art l-imwiet.

“Ma jixraqx – qalilhom – lis-snin tagħna li nimxu wiċċ b’ieħor, biex imbagħad ħafna miż-żgħażagħ jaħsbu li Elgħażar, ta’ disgħin sena, qaleb għal mal-barrani. U huma mbagħad, minħabba l-wiċċ b’ieħor tiegħi u l-ġibda għal daqsxejn ta’ ftit ħajja oħra, jintilfu u jien niġbed fuq xjuħiti l-għajb u s-saħta. Imqar jekk għalissa neħles mill-kastig tal-bnedmin, ma nistax naħrabhom minn idejn Dak li jista’ kollox, sew jekk nibqa’ ħaj sew jekk immut. Jekk issa, ta’ raġel li jien, nagħti ħajti, inkun qiegħed nuri li jien denn ta’ xjuħiti, u nħalli liż-żgħażagħ eżempju sabiħ ta’ kif għandhom minn rajhom imutu qalbiena għall-ġieħ tal-liġijiet qaddisa”.

U dawk li ftit qabel kienu tħassruh, issa ħraxu miegħu, għax dan id-diskors tiegħu dehrilhom li kien ġenn. Meta mbagħad wasal biex imut taħt is-swat tniehed u qal: “Il-Mulej, li għandu għerf qaddis, jaf li jiena stajt neħles mill-mewt, u li qiegħed inġarrab taħt is-swat uġigħ tal-biża’ f’ġismi, imma f’ruħi qiegħed insofrih bil-qalb minħabba l-biża’ tiegħu”.

Hekk b’dan il-mod għadda minn din il-ħajja u ħalla b’mewtu, mhux biss liż-żgħażagħ, imma wkoll lill-kotra l-kbira ta’ ġensu, eżempju ta’ qlubija u tifkira ta’ qawwa.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 3, 2-3.4-5.6-7

R/. (6b): Il-Mulej hu dak li jżommni

Kemm kotru, Mulej, l-għedewwa tiegħi!
Ħafna huma dawk li qamu għalija;
ħafna huma dawk li jgħidu fuqi:
“M’hemmx salvazzjoni għalih f’Alla!” R/.

Imm’int, Mulej, tarka madwari,
inti l-ġieħ tiegħi, int terfagħli rasi.
Jien b’leħen għoli l-Mulej insejjaħ;
hu jweġibni mill-għolja mqaddsa tiegħu. R/.

Immur nimtedd u norqod, u nqum,
għax il-Mulej iżommni.
Ma nibżax minn poplu sħiħ
li jinġema’ madwari kontrija. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Ġw 4, 10b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ħabbna u bagħat lil Ibnu
biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.
Lq 19, 1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.

Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.

Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed”.

Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu