Qari tal-Quddies tat-Tnejn tat-XXXIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Kbira kienet il-korla fuq Iżrael.
1 Mak 1, 10-15.41-43.54-57.62-64

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Makkabin

F’dak iż-żmien, ħareġ għerq mill-agħar, Antijoku Epifani, bin is-sultan Antijoku; qabel ma beda jsaltan fis-sena 137 tas-saltna tal-Griegi kien miżmum b’rahan f’Ruma.

Dik il-ħabta ħarġu minn Iżrael xi nies rinnegati u bdew ixewxu lil ħafna nies u jgħidulhom: “Ejja mmorru nagħmlu patt mal-Ġentili ta’ madwarna, għax kemm ilna li ksirnieha magħhom laħquna ħafna ħsarat”. Dan id-diskors ingħoġob, u ndaħlu xi wħud mill-poplu u marru għand is-sultan, u dan tahom is-setgħa li jdaħħlu d-drawwiet tal-ġnus. Bnew ġinnasju f’Ġerusalemm skont id-drawwa tal-Ġentili, neħħew is-sinjali taċ-ċirkonċiżjoni u ċaħdu l-patt il-qaddis, bdew
jitħalltu mal-Ġentili u biegħu ruħhom għall-ħażen.

Imbagħad is-sultan kiteb lis-saltna kollha tiegħu li lkoll kellhom jiffurmaw poplu wieħed u kull wieħed iħalli l-liġi tiegħu. Il-ġnus kollha qagħdu għad-digriet tas-sultan, u ħafna minn Iżrael għoġbithom ir-reliġjon tiegħu u offrew is-sagrifiċċji lill-allat foloz u kisru jum is-Sibt.

Fil-ħmistax tax-xahar ta’ Kislew tas-sena 145 Antijoku talla’ l-idolu, profanazzjoni u ħerba, fuq l-artal, u hekk ukoll tellgħu artali flibliet kollha ta’ Ġuda. Ħarqu l-inċens fil-bibien ta’ djarhom u fil-pjazez. Il-Kotba tal-Liġi, li rnexxielhom isibu, għamluhom bċejjeċ u ħarquhom. Kull min kienu jsibulu xi Ktieb tal-Patt, jonkella kien iħares il-liġi, kienu jagħtuh il-mewt bis-saħħa tad-digriet tas-sultan. Imma ħafna minn Iżrael għamlu l-qalb u webbsu rashom li ma jiklux ikel imniġġes; huma għażlu li jmutu, basta li ma jitniġġsux b’ikel ipprojbit, u ma jipprofanawx il-patt qaddis; u mietu. Kbira kienet il-korla fuq Iżrael.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 53.61.134.150.155.158

R/. (ara 88): Mulej, agħtini l-ħajja, u jiena nħares il-kelma tiegħek

Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena,
li jitilqu l-liġi tiegħek.
Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni,
imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek. R/.

Eħlisni mill-moħqrija tal-bniedem,
u nħares il-preċetti tiegħek.
Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen,
dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek. R/.

’Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni,
għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.
Nara ’l dawk li ħallewk u nistkerrahhom,
għax ma jħarsux il-kelma tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
“Xi tridni nagħmillek?”. “Li nara, Mulej!”
Lq 18, 35-43

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Waqt li Ġesù kien riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. Dan sama’ l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara. U qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret.

Hu qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni”. Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nara, Mulej!”, wieġbu dak. U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek”.

U minnufih beda jara, u baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu