Biex il-musbieħ jibqa’ mixgħul


Il-Ħadd, 8 ta’ Novembru 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tat-32 Ħadd tas-Sena. Radju Marija.

Biex il-musbieħ jibqa’ mixgħul

L-istorja li smajna llum fl-Evanġelju – tal-għaxar xebbiet li qed jistennew l-għarus – Ġesù qalha b’referenza għad-drawwiet ta’ żmiennu, imma wkoll b’messaġġ ċar li ta lin-nies ta’ żmienu u jagħti lilna llum. Kieku kellek tiġbor fi ftit kliem il-messaġġ li qed jgħid Ġesù, hu: kun preparat, kun preparata, għall-mument meta tiltaqa’ miegħu wiċċ imb’wiċċ. Aħna lkoll imsejħin biex inkunu ppreparati għal din il-laqgħa miegħu.

Hu l-għarus, u fil-parabbola lilna qegħdin jirrappreżentawna dawn l-għaxar xebbiet. Ġesù jispjega kif dawk li kellhom l-imsiebaħ mixgħula, u żejt biżżejjed biex l-imsiebaħ jibqgħu mixgħula, kienu ppreparati. Imma kien hemm oħrajn li ma kinux ippreparati għax ma ħasbux biex ikollhom żejt ħalli l-imsiebaħ tagħhom jibqgħu mixgħula.

Il-musbieħ

X’inhu l-musbieħ mixgħul li qed jitkellem fuqu Ġesù? Nifhmu dan meta niftakru li quddiem l-Ewkaristija hemm dejjem xemgħa jew lampa tixgħel. Fi żmien Ġesù, kien hemm fis-santwarju lampa jew musbieħ dejjem jixgħel biex ifisser din il-preżenza ta’ Alla u l-għaqda ma’ Alla. Kienu jħossuha din: li jekk il-lampa ma tixgħelx, qisek qed tirrifjuta l-għaqda ma’ Alla. Għalhekk kienu jirsistu li tkun mixgħula, għax kienet simbolu tal-għaqda ma’ Alla. Il-musbieħ jixgħel ifisser din l-għaqda ma’ Alla.

Iż-żejt

U x’inhu ż-żejt? Iż-żejt hu l-grazzja ta’ Alla li aħna nilqgħu fina b’qalb miftuħa biex nistgħu ngħixu tassew f’għaqda ma’ Alla. Hu dan iż-żejt li jiġi minn għandu. Mhux aħna li nagħmlu lilna nfusna tajbin, imma Alla li jagħmilna tajbin. Meta nilqgħuh, hu jgħinna biex inkunu nies li nħobbu, li naħfru, li nimxu b’onestà, li nkunu strumenti tal-paċi. Dan hu ż-żejt li jżommna magħquda ma’ Alla. U għalhekk importanti li aħna nkunu ppreparati bl-imsiebaħ mixgħula, imma wkoll biż-żejt li jżomm il-musbieħ mixgħul.

Ħa nsemmi żewġ affarijiet li jolqtuni f’din il-parabbola u li ta’ min wieħed jifhimhom sew.

Nerfgħu r-responsabbiltà ta’ għemilna

L-ewwel nett, meta dawn kienu ħamsa bil-musbieħ mixgħul u għandhom iż-żejt, u l-ħamsa l-oħra ma kellhomx żejt, u dawk li kellhom iż-żejt irrifjutaw li jgħinu lil dawk li ma kellhomx, għall-bidu tgħid: dawn kif irrifjutaw li jgħinuhom? Dan mhux kontra dak li għallimna Ġesù li aħna għandna ngħinu lil min hu fil-bżonn, noħorġu barra minn triqtna biex ngħinu, bħas-Samaritan it-Tajjeb, per eżempju? Tieqaf ma’ min għandu xi ħtieġa, anke tinsa lilek innifsek u l-affarijiet tiegħek biex tgħin – din mhux qisha kontra? Għalhekk hu importanti li nifhmu l-kliem ta’ Ġesù.

Hawn mhux qed jitkellem fuq hekk f’din il-parabbola, imma qed jitkellem fuq ħaġa importanti ħafna. Meta Alla jsejħilna, u aħna niltaqgħu miegħu, f’dak il-mument ma nistgħu nistaqsu lil ħadd jew niddependu fuq ħadd minflokna. Irridu nerfgħu r-responsabbiltà ta’ għemilna. Quddiem Alla nkunu jien u hu. Mhux se jkun hemm xi ħadd li nista’ ndur fuqu u ngħidlu: tini minn tiegħek! Għalhekk li qed jgħid Ġesu hi importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Mhix kwestjoni li ma tgħinx lil min hu fil-bżonn, imma li quddiem Alla trid terfa’ r-responsabbiltà tiegħek innifsek. Għalhekk importanti ħafna li aħna naħdmu biex ikollna tassew din il-grazzja ta’ Alla fina.

Mulej, Mulej, iftħilna

Punt ieħor li jolqotni huwa dan. F’din il-parabbola dawn iħabbtu fuq il-bieb u jgħidu: “Mulej, Mulej, iftħilna.” U r-risposta hi: “Lilkom ma nafkomx”. Nara xebh bejn din il-parabbola u dak li hemm fl-Evanġelju ta’ San Mattew f’post ieħor, fejn Ġesù jgħid: “Mhux kull min jgħidli ‘Mulej, Mulej’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet. Dak hu li jidħol fis-saltna tas-smewwiet” (Mt 7:21) U jispjega Ġesù: “F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli ‘Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Imbagħad jien ngħidilkom: ‘Lilkom qatt ma kont nafkom!’” (Mt 7:22-23) Hi l-istess risposta ta’ din il-parabbola.

X’qed jgħid Ġesù? Mhijiex il-ħidma li nagħmlu fiha nfisha – li tista’ tkun tajba imma tagħmilha b’intenzjoni ħażina – imma l-intenzjoni, u l-ispirtu tagħna li jesprimi ruħu f’ħidma tajba. Inkella nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet – u li semma Ġesù, bħal li tħabbar, tagħmel il-mirakli u tkeċċi xjaten, huma tajbin – imma dawn iridu jkunu frott tal-ispirtu tajjeb, tal-grazzja ta’ Alla fina. Mingħajr dan, dak li nagħmlu jkun qisu musbieħ mitfi, bla żejt.

L-eżempju ta’ Marija

Hawn intom għandkom grazzja għax tiftakru kontinwament f’Marija. Radju Marija għandu jfakkar f’Marija. Il-kelma ta’ Alla turina dan b’mod partikulari fuq Marija: dik li dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda ta’ Alla. “Mhux kull min jgħidli ‘Mulej, Mulej’, imma min jagħmel ir-rieda ta’ missieri li hu fis-smewwiet.” Marija hi l-isbaħ eżempju ta’ dik li dejjem kienet bil-musbieħ mixgħul, u l-isbaħ eżempju ta’ kif aħna nagħmlu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna.

Nitolbu għalina lkoll biex aħna nagħrfu r-responsabbiltà li għandna f’din il-mixja li twassalna lejn il-Mulej, nagħrfu nippreparaw ruħna billi jkollna l-grazzja tiegħu ħalli dejjem ikollna ż-żejt għall-musbieħ biex jibqa’ mixgħul. U niftakru wkoll f’dak li qal Ġesù: m’għandhiex tkun ħaġa li tbeżżagħna l-laqgħa tagħna miegħu, anzi għandha tkun tassew sabiħa għax inkunu ppreparati biex niltaqgħu ma’ dak li hu l-imħabba fil-milja tagħha.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.