Il-qligħ ma jitkejjilx bil-flus imma b’dak li jwassalna għall-hena ta’ Alla


Il-Ħadd, 15 ta’ Novembru 2020: Quddiesa tat-33 Ħadd tas-Sena u l-Jum Dinji tal-Foqra mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella ta’ Wied Għammieq, il-Kalkara.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Mulej jgħallimna kif se jkun il-ġudizzju f’din il-parabbola. Fil-fatt hemm żewġ qaddejja li s-sid tagħhom fdahom b’ġidu u ħaddmuh u kattruh u l-kelma li jirċievu hi: “Idħol fil-hena ta’ sidek” (Mt 25:21).

Hi kelma li lkoll kemm aħna nixtiequ bil-qawwa kollha li nisimgħu fil-punt tal-mewt tagħna. “Qaddej fidil u għaqli, idħol fil-hena ta’ sidek” . U hi wkoll espressjoni sabiħa li turina l-ġenna x’inhi. Il-ġenna, iżjed milli post, hu li aħna nidħlu fil-hena tal-Mulej fejn ma jkun tassew jonqosna xejn, fejn il-Mulej jixxotta kull demgħa minn għajnejna.

Hemm ġudizzju aħrax tad-dlam u tat-tkexkix u tad-tidris tas-snien għal min dak li fdalu Alla ma jiħux ħsiebu u ma jħaddmux. Aħna l-kelma talent ħafna drabi nużawha wkoll għall-kapaċitajiet tagħna. Imma nistgħu napplikawha għalhekk jekk aħna dak kollu li aħna u dak kollu li l-Mulej ilaqqagħna miegħu neħduh bħala xi ħaġa li l-Mulej qiegħed jafdalna.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li dak kollu li għandna, dak kollu li aħna, l-imħabbiet tagħna, in-nies li niltaqgħu magħhom, ir-responsabbiltajiet li jkollna fil-ħajja, nirrealizzaw li huma opportunità li qed jagħtina l-Mulej biex nuru kemm aħna għaqlin u fidili imma wkoll nifhmu li dan hu teżor kbir li qed jafdalna.

Fil-fatt talent hu kejl antikissimu anke ta’ qabel Ġesù, li kien jikkorrispondi madwar 45 kilò tal-lum. Kien jista’ jkun tad-deheb jew tal-fidda, kien kejl ta’ affarijiet prezzjużi ħafna. Immaġinaw inti mhux biss ikollok talent wieħed imma jkollok ħamsa, li jkollok jiġifieri dak il-piż enormi ta’ deheb jew ta’ fidda. Il-Mulej irid jgħidilna li anke bil-kelma tiegħu, bl-opportunità ta’ ħniena li jagħtina, qed jafdalna teżori kbar.

Nistgħu ngħidu li llum qed niċċelebraw fl-Evanġelju, il-kelma li saret kważi buzz word illum: accountability – il-kontabbiltà li inti f’ħajtek tkun kapaċi tagħti kont tar-responsabbiltajiet li għandek u l-Mulej jippremja lil min hu anke fidil fiż-żgħir. Jgħidlu: “Inti kont fidil fil-ftit”. Issa t-talent ma kienx ftit, imma għall-Mulej hu ftit għaliex jista’ u jixtieq jagħtina ħafna iżjed, “idħol fil-hena ta’ sidek, inti kont fidil fil-ftit, issa tkun fidil fil-ħafna” (ara Mt 25:23).

Waqt li qed niċċelebraw propju dan il-Ħadd f’Novembru, fejn aħna wkoll nagħrfu r-responsabbiltà li għandna għal ħutna l-mejtin, nitolbu għalihom, niftakru wkoll f’ħutna li għadhom magħna u li huma wkoll responsabbiltà tagħna. It-talent li forsi l-Mulej tana hu xi ħadd li għandna bżonn nieħdu ħsiebu, xi ħadd li niltaqgħu miegħu u għandu bżonn l-għajnuna. Dak hu t-talent għax għal Alla kull bniedem hu prezzjuż ħafna u qed jgħidilna: “Jiena fdajtulek dan”.

Il-ġenna, iżjed milli post, hu li aħna nidħlu fil-hena tal-Mulej fejn ma jkun tassew jonqosna xejn, fejn il-Mulej jixxotta kull demgħa minn għajnejna.

Mhux il-mument li int taħrab mir-responsabbiltà bħalma għamel it-tielet qaddej li qal: “isma’ jiena dan it-talent naħbih fil-ħamrija għax dan is-sid” – dik kienet il-mentalità li kellu dan il-qaddej – “dan is-sid hu aħrax, jaħsad fejn ma żergħax hu” (ara Mt 25:24). Imma propju qed jiżra’ permezz tiegħek, ħabib.

Aħna ħafna drabi ngergru ma’ Alla għax il-fqar ma jiħux ħsiebhom imma llum qed jgħidilna: ‘isma’, dawk ħallejthom f’idejkom jien. Dawk it-teżor li fdajtlek’. Tgħidlu: ‘Prosit ħej kemm ifuħ it-teżor li fdajtli jew kemm se jġibli qligħ. Il-Mulej qed jgħallimna li l-qligħ ma jitkejjilx bil-flus li għandi l-bank jew kemm se nkun komdu. Imma l-qligħ ta’ vera li jwassalni fl-hena tiegħu u li jiena r-responsabbiltà li għandi tkun xi tkun – raġel ta’ familja, omm ta’ familja, politiku, isqof, qassis, għalliema, social worker, kulħadd bil-vokazzjoni tiegħu – hu fdat teżori kbar tal-Mulej. Ħafna drabi jkunu nies li għandhom bżonn l-għajnuna. X’kont se nagħtu lill-Mulej? X’risposta se nagħtuh? Bżajt minnek u ħrabt? Il-ġudizzju l-Mulej diġà qalilna x’se jkun.

Għalhekk nitolbu biex aħna jkollna l-kuraġġ mhux biex ninżgħu r-responsabbiltà li jagħtina għax mar-responsabbiltà Alla se jagħtina wkoll l-għajnuna. San Bernard meta jitkellem fuq San Ġużepp juża propju espressjonijiet sbieħ minn din il-parabbola – u qegħdin fil-parroċċa ta’ San Ġużepp hawnhekk, mhux hekk kappillan? Jgħidlu dan il-mastrudaxxa kellu għarusa u l-pjan tiegħu hu li jkollu familja. Dan spiċċa responsabbli minn l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Il-Mulej fdalu teżor kbir imma talab minnu wkoll għaqal u fedeltà. U għalhekk San Ġużepp ukoll sema’ dak il-ġudizzju ħelu: “Idħol fil-hena ta’ sidek”.

Hekk illum bl-interċessjoni anke tal-erwieħ qaddisa ta’ Wied Għammieq, vittmi taċ-ċirkustanzi u l-fatt li spiċċaw abbandunati f’Forti Rikażli, x’aktarx imbagħad ġew midfuna hawnhekk flimkien, uħud minnhom, kif għedt x’aktarx indifnu anke ħajjin, u l-poplu Malti għax bniedem iħoss għal min jgħaddi minn dit-traġedja, dejjem kellu devozzjoni għall-erwieħ qaddisa li ndifnu hawnhekk. U aħna wkoll ningħaqdu ma’ din it-tradizzjoni ta’ pellegrinaġġi għal dan il-post fejn ħutna 200 sena ilu sfaw vittma ta’ epidemija, vittmi innoċenti u niftakru fil-vittmi innoċenti ta’ din il-pandemija li laqtitna.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Prov 31, 10-13.19-20.30-31
Salm: 127 (128), 1-2.3.4-5
Qari II: 1 Tess 5, 1-6
Evanġelju: Mt 25, 14-30

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.