Il-Papa Franġisku, s-Sibt 28 ta’ Novembru żamm is-7 konċistorju pubbliku ordinarju tal-pontifikat tiegħu, meta ħatar 13-il kardinal ġdid li ġejjin minn 8 nazzjonijiet tad-dinja, fosthom ukoll il-Kardinal Mario Grech. Huwa qasam riflessjoni qabel ma tahom il-berretin tal-kardinali, ċ-ċurkett u t-titlu.
Huwa kkumenta fuq silta mill-Evanġelju skont San Mark, meta Ġesù huwa u riesaq lejn Ġerusalemm tkellem dwar l-umiljazzjoni, l-passjoni, l-mewt u l-qawmien tiegħu. Sadanittant, Ġakbu u Ġwanni jitolbu lil Ġesù biex ikollhom post privileġġat meta Hu jkun fil-glorja. Imma Ġesù jgħid liż-żewġ aħwa li l-ewwel għandhom ikunu lesti li jsofru u jkunu qaddejja ta’ ħaddieħor bħal Bin il-Bniedem.
Il-Papa qal li t-triq lejn Ġerusalemm hija t-triq tal-ħajja u s-salvazzjoni, li tivvjaġġa ma’ Kristu u li twassal għall-misteru paskwali ta’ Ġesù. “Is-Salib u l-Qawmien huma parti mill-istorja tagħna; huma ‘llum’ tagħna ‘mma wkoll u dejjem l-għan tal-vjaġġ tagħna”. Il-Qdusija Tiegħu qal li “Ġakbu u Ġwanni, minflokk ma jridux jieħdu t-triq ta’ Ġesù, iżda waħda differenti. Aħna lkoll inħobbu lil Ġesù, lkoll kemm aħna rridu nimxu warajh, iżda rridu dejjem noqgħodu attenti biex nibqgħu fit-triq”, sostna l-Papa.
“Ġisimna jista’ jkun miegħu, ‘mma qlubna jistgħu jitilqu ‘l bogħod li jwassalna nitilqu barra mit-triq. Biżżejjed naħsbu f’tant xejriet fil-ħajja saċerdotali. L-ilbies aħmar ta’ kardinal, li hu lewn id-demm, jista’ jsir, minħabba fl-ispirtu mondan, dak ta’ distinzjoni eminenti. U ma tibqax iżjed ir-ragħaj tal-poplu, tħossok li int biss ‘l-eminenza’. Meta tħoss hekk, tkun ħriġt barra mit-triq”, enfasizza l-Papa Franġisku.
Matul il-konċistorju, l-kardinali nnominati pprofessaw il-Kredu flimkien, u wieħed wieħed resqu quddiem il-Papa Franġisku fejn poġġielhom il-berettin aħmar fuq rashom, tahom iċ-ċurkett u t-titlu. Anki jekk jgħixu f’pajjiżhom stess, kull kardinal ġie assenjat Knisja titulari ta’ Ruma. Dan huwa simbolu li l-kardinali huma parti mid-Djoċesi ta’ Ruma, li l-Isqof tagħha huwa l-Papa, suċċessur ta’ San Pietru.
Minħabba l-emerġenza tas-saħħa, żewġ kardinali ġodda mill-Asja, ma setgħux jiġu Ruma għall-konċistorju. Huma segwew iċ-ċerimonja li ġiet trasmessa live mill-Vatikan.
Wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Konċistorju, l-Papa Franġisku u l-11-il kardinal il-ġodda li kienu preżenti f’Ruma żaru lill-Papa Emeritu, Benedittu XVI. Il-laqgħa saret fil-kappella tal-monasteru Mater Ecclesiae, ġewwa l-Vatikan, f’atmosfera ta’ affezzjoni, li matulha l-kardinali ġew introdotti ndividwalment lill-Papa Emeritu.
Ara l-omelija kollha tal-Papa Franġisku bil-Malti …
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:
https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-11/pope-francis-homily-consistory-new-cardinals.html