Il-mistoqsijiet li għandna nistaqsu fil-bidu tal-Avvent

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 1 ta’ Diċembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Biex nifhmu l-għażla tal-Evanġelju fiż-żmien tal-Avvent, dan l-istaġun li qegħdin fih, irridu nħarsu u nisimgħu b’attenzjoni l-ewwel qari. F’ħafna mill-jiem tal-Avvent, l-ewwel qari hu meħud mill-ktieb sabiħ ħafna tal-profeta Iżaija. Illum, pereżempju, fil-bidu smajna profezija sabiħa ta’ Iżaija li hija wkoll mument sabiħ ta’ poeżija straordinarja fil-Bibbja.

Illum smajna l-profezija tal-għerq ta’ Ġesse u wkoll id-doni tal-ispirtu: “Fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu tal-għerf u d-dehen, l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej” (Iż 11:2-3). Jekk wieħed jiftakar ftit fis-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu, huma propju mniżżlin f’din il profezija ta’ Iżaija. Minn hemm huma meħuda u n-numru sebgħa jfisser il-milja tal-Ispirtu s-Santu.

Imbagħad, it-tieni parti ta’ din il-profezija sabiħa ta’ Iżaija minn kapitlu 11, tispjega ftit l-effett tal-Messija, il-Messija li jġib armonija fil-ħolqien: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun. Daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom” (Iż 11:6). Hija xena ta’ utopija, hija xena li s’issa għadna ma rajnihiex fil-ħolqien imma qed tħares lejn l-armonija fil-ħolqien u mal-ħolqien bħala sinjal tal-preżenza tal-Prinċep tal-Paċi.

Allura, l-Evanġelju li smajna jintagħżel għax fih l-ewwel nett, Ġesù jitqanqal “bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu”. Hu jfaħħar ukoll lill-Missier talli dawn l-affarijiet “urihom liċ-ċkejknin” (Lq 10:21). Hu jgħid ukoll li d-dixxipli huma mberkin għax qegħdin jarawhom. Imma d-dixxipli x’qegħdin jaraw? Mhumiex qegħdin jaraw l-armonija daqshekk qawwija fil-ħolqien li jfisser Iżaija fil-profezija tiegħu, imma qed jaraw lilu, qed jaraw il-Prinċep tas-Sliem, qed jaraw dak li għandu l-milja tal-Ispirtu s-Santu. B’xi mod qed jgħidilhom li huma u resqin lejh, huma resqin ukoll lejn iż-żminijiet sbieħ imħabbra minn Iżaija (ara Lq 10:23).

Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna: imma dan jista’ jseħħ f’ħajjitna? Jiddependi wkoll minna. Aħna qegħdin ngħixu f’armonija mal-ħolqien? Qegħdin nirrispettawh? Qegħdin nirrispettaw lil xulxin? Qegħdin infittxu li ngħixu d-doni li ħadna fil-magħmudija u fis-sagrament tal-griżma fejn ingħatajna l-milja tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej?

Dawn huma mistoqsijiet li f’dan il-bidu tal-Avvent għandhom iħeġġuna. Fil-bidu ta’ dil-mixja lejn il-Milied, nitqawwew bit-tama tal-wasla ta’ Ġesù fostna – u anke fit-tieni miġja tiegħu waqt li nfakkru l-ewwel miġja tiegħu – iġġibilna tassew il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu li qanqal lilu wkoll.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 11, 1-10
Salm: 71 (72), 2.7-8.12-13.17
Evanġelju: Lq 10, 21-24

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading