Ħarsa lura lejn il-Milied fil-Furjana

Print Friendly, PDF & Email

2. Tħejjija minn kmieni

L-Oqsma (id-djar) tal-Museum ma baqgħux lura milli jieħdu l-eżempju ta’ Dun Ġorġ. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Oqsma tal-Museum saru ’fabbriki’ tal-grotti, tal-Bambini u ta’ statwi oħra marbutin mal-Milied, maħduma biex jitqassmu lit-tfal fil-ġranet tan-Novena.

It-tħejjija għall-Milied kienet twassal għad-disgħat ijiem tan-Novena u għall-purċissjoni ta’ Ġesù Bambin, imma l-programm tal-attivitajiet kien ikun mimli iktar minn hekk, bħalma se nsemmu dwar il-Furjana.

Ix-xogħol tal-grotti u tal-Bambini kien isir fil-kantina tal-Museum. Illum il-kantina hi attrezzata u pulita għar-rikreazzjoni tat-tfal u l-adolexxenti. Imma snin ilu kienet ’workshop’.

Fix-xhur ta’ qabel il-Milied, kif tinżel f’din il-kantina kont ixxomm riħa qawwija ta’ xama’ tagħli fuq l-ispiritiera u riħa ta’ kolla tal-mastrudaxxa. Is-Soċji kienu jimlew il-forom tal-Bambini bix-xama’ mdewba u jgħaddsuhom fl-ilma biex jiksħu. Imbagħad inaqqxu l-biċċiet żejda u jagħtu l-kulur lit-terħa tal-Bambin, l-għajnejn, il-ħalq u l-bqija. Maż-żmien il-ġibs ħa post ix-xama’ fix-xogħol ta’ dawn l-istatwetti.

Billi l-klassijiet tal-Museum kienu jintużaw kollha, ma kienx hemm fejn jerfgħu il-grotti u l-Bambini li jkunu lesti. Allura kienu jistivawhom fuq xkafef fin-naħa ta’ fuq tal-klassijiet. Meta tasal il-premjazzjoni f’xi jum tan-Novena, il-grotti u l-Bambini kienu jintramaw fuq l-altar u fuq imwejjed fil-kappella, b’gost kbir għat-tfal imxennqa għall-premju li se jieħdu magħhom id-dar.

Joe Galea

%d bloggers like this: