Il-presepju misruq

Print Friendly, PDF & Email

Din hi storja ħelwa li nħadmet f’film bl-isem ta’ Il Natale Rubato. Ħlief għal xi ftit, l-atturi kienu kollha abitanti tal-villaġġ ta’ Fontanarosa, fil-provinċja ta’ Avellino, fil-Campania, l-Italja. Il-film kien intwera f’ħafna skejjel u parroċċi fl-Italja u għen għal fond biex jiġu megħjuna tfal milquta mill-marda tal-lewkemja.

Ix-xenarju tal-istorja hu ta’ villaġġ jismu Fontanarosa. Fil-lejl bejn it-13 u l-14 ta’ Diċembru 1982 insteraq mill-knisja presepju antik ta’ pasturi tat-tafal li fil-Milied kien il-ferħ tan-nies tal-villaġġ. Ir-raġel li seraq il-pasturi kien Fortunato, armel fqir li kien imgiegħel jagħmel din is-serqa biex tfiq it-tifla ċkejkna tiegħu Filomena. Kien jeħtieġ kemxa flus ġmielha biex isifirha l-Amerka għall-kura fi sptar minħabba marda serja li ħakmitha.

Il-pasturi misruqa kienu sbieħ u Fortunato malajr sab il-bejgħ tagħhom, minbarra wieħed. Kien pastur li siequ nkisret. Għalhekk Fortunato tah bħala rigal lit-tifla, li saret tħobbu tgħidx kemm lil dan il-pastur. Semmietu Noè, għal ragħaj xiħ li kien tant maħbub min-nies tal-villaġġ. Bil-flus li daħħal Fortunato, kollu tama ħa lil bintu Filomena l-Amerka, qalb tobba u sptarijiet.

Sadattant f’Fontanarosa n-nies kienu qed jaħsbu kif jerġgħu jkollhom presepju bħal dak li għal snin twal kien tant għal qalbhom. Mill-kaxxa f’maħżen ta’ wieħed mir-raħħala sabu indirizz ta’ mgħallem tal-pasturi fi Triq Gregorio Armeno ta’ Napli, triq magħrufa għas-sengħa tal-pasturi. Talbuh jiġi Fontanarosa fejn intefa’ jaħdem sett pasturi li l-wiċċ u l-qagħda tagħhom għamilhom jixbhu ’l dawk ta’nies mir-raħal hekk li se jkollhom post fil-presepju.

Bil-kura fl-Amerka, Filomena  għaddiet għall-aħjar u ma damitx ma reġgħet lura Fontanarosa flimkien ma’ missierha. Fortunato kien ferħan bil-fejqan ta’ bintu, imma baqa’ jħoss wisq il-ħtija li kien ġiegħel jitnikktu n-nies tal-villaġġ meta serqilhom il-presepju. Din il-ħtija wasslitu biex imur għand il-pulizija u jistqarr kollox. Il-pulizija ma emmnuhx, għax il-pastur li uriehom bħala prova, li kien dak ta’ Noè, ma kienx fil-lista tal-pasturi misruqa kif għaddihielhom is-sagristan tal-knisja, u wkoll għax il-kappillan xwejjaħ, li sadattant kien miet, kien hekk twajjeb li ma rrappurtax il-każ.

Meta saru jafu min kien seraq il-pasturi, in-nies tal-villaġġ ħafrulu lil Fortunato għax fehmu l-qagħda li kien fiha meta għamel hekk. Kienet xena sabiħa meta fil-lejl tal-Milied, bix-xemgħat mixgħula f’idejhom, in-nies tal-villaġġ laqgħu fil-knisja lil Fortunato u lil Filomena, waqt li kulħadd ġab il-pastur tiegħu biex jitqiegħed fil-presepju.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: