Gordon Hewitt u l-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2020


Din is-sena, il-Premju Dun Mikiel Azzopardi ngħata lil Gordon Hewitt, voluntier tad-Dar tal-Providenza, u anke lill-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza b’ħajr u rikonoxximent għall-ħidma ddedikata u straordinarja tagħhom matul dawn ix-xhur iebsin tal-pandemija Covid 19 biex iżommu lir-residenti u lill-kollegi tagħhom ħielsa minn dan il-virus.

Fl-1989 Gordon Hewitt kellu jirtira kmieni mix-xogħol biex jieħu ħsieb lil ommu li kienet marida serjament. Wara l-mewt tagħha, fl-1994 Gordon iżżewwġ lil Angie Aronica u fis-sena 2000 ġew joqogħdu f’Malta fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ. Meta ssetilljaw, Gordon u Angie bdew bil-ħidma volontarja tagħhom fid-Dar tal-Providenza li kienu jsejjħu “t-tieni dar tagħhom”. Huma kienu jattendu ħamest ijiem fil-ġimgħa u kienu jirreferu għaliha bħala “l-aktar post kuntent f’Malta fejn kulħadd jitbissem.” Sfortunatament, martu Angie mietet ta’ età żgħira, madankollu Gordon baqa’ bħala voluntier fid-Dar tal-Providenza jaħdem fil-qrib mar-residenti tad-dar b’impenn kostanti sakemm saħtu ippermettietlu.

Ħafna mix-xogħol tas-Sur Hewitt kien li kuljum joħroġ dawra ma’ xi residenti fil-ġonna tad-Dar tal-Providenza kif ukoll li jagħti s-sehem tiegħu f’diversi attivatijet li jsiru għar-residenti kemm fid-Dar kif ukoll barra mid-Dar. Insemmu b’mod speċjali l-involviment tiegħu fl-attivitajiet tad-drama u l-attivitajiet prinċipali ta’ matul is-sena. L-aħħar drama li ħadem mar-residenti kien “il-Presepju tan-Nannu” li ttella’ fl-Istitut Kattoliku, il-Floriana sena ilu. Is-Sur Hewit kien ukoll dak li ssuġġerixxa l-isem San Isidor għaċ-Ċentru Agrikolu fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi fejn matul il-ġimgħa residenti jippriservaw prodotti aromatiċi li mbagħad jinbiegħu lill-pubbliku. Kull sena hu jieħu ħsieb li ssir quddiesa fil-kappella tad-Dar fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Isidor prottettur tal-biedja fejn ikunu mistiedna u jipparteċipaw ir-residenti li jaħdmu fl-istess Ċentru.

Gordon jgħid li l-isbaħ rigal li tista’ tagħti lil ħaddieħor hu li tagħti lil dak li jkun mill-ħin tiegħek. Dan hu dak li kien jagħmel Gordon mar-residenti tad-Dar tal-Providenza sakemm sa ftit xhur ilu saħtu ippermettietlu. Huwa ħoloq rapport sabiħ ta’ ħbiberija sinċiera ma’ ħafna persuni b’diżabilità li żgur jibqgħu japprezzaw ħajjithom kollha. Gordon kien ukoll jagħti għajnuna voluntarja lir-refuġjati fi ħdan il-Laboratorju tal-Paċi, Ħal Far.

Għall-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza, is-sena 2020 ma kinetx waħda normali u lanqas faċli anzi kienet sena mimlija sfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija. Min kien jobsor li sena li bdejniha bil-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel ta’ Jannar kellha tinbidel f’sena ta’ virus kiefer tant qerriedi. Din kienet tassew sena ta’ sfidi kbar imma sena li uriet il-qalb kbira, id-determinazzjoni, id-dedikazzjoni, il-kreattività u l-ħidma sfieqa tal-ħaddiema tad-Dar. Dawn kienu, għadhom u jibqgħu il-frontliners tad-Dar tal-Providenza u kulħadd jibqa’ jafulhom.

Il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza li huma ftit inqas minn 300 ruħ jinkludu l-ħaddiema tal-amministrazzjoni, is-sapport workers, id-domestic staff, tas-sigurta u t-trasport, tal-maintaince, tal-laundry, il-ħajjatin, l-Ability Promoters, il-professjonisti u tal-istores. Dawn il-ħaddiema jaħdmu f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunita fis-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, fil-Qawra u f’Birkirkara.

Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi, li tnieda fl-1995, jirrikonoxxi x-xogħol li jsir minn individwi u gruppi biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità, kif ukoll juri apprezzament lejn dawk li jagħtu appoġġ volontarju għax-xogħol li jsir fid-Dar tal-Providenza.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti