Il-Papa jesprimi l-qrubija tiegħu lejn il-Możambikani, f’Cabo Delgado


L-Isqof Luiz Fernando Lisboa ta’ Pemba, qal lil Vatican News, li waqt l-udjenza privata li kellu mal-Papa Franġisku, l-Qdusija tiegħu wera “qrubija u mħabba kbira”. L-Isqof qal li l-Papa tkellem dwar it-tħassib tiegħu għan-nies li qed ibatu f’Cabo Delgado, kif ukoll għall-Możambikani kollha. Matul l-udjenza, l-Isqof Lisboa nforma lill-Papa dwar is-sitwazzjoni umanitarja serja li għaddejja fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Możambik.

L-Isqof ta’ Pemba stqarr li l-kunflitti armati vjolenti ħasdu ż-żona għal bosta snin. Il-milizzji Iżlamiċi qed jiġġieldu kontra l-forzi tal-gvern għall-kontroll ta’ depożiti vasti ta’ riżorsi naturali. Il-Możambikani lokali qed iħallsu l-itqal prezz għall-kunflitt. Mill-inqas, fl-aħħar 3 snin, elfejn ċittadin tilfu ħajjithom. L-Isqof Lisboa qal li n-numru ta’ persuni li tferrxu nternament huwa ta’ madwar 600,000; b’150,000 minnhom fil-belt ta’ Pemba. Huwa semma wkoll li l-Papa Franġisku reċentement bagħat appoġġ finanzjarju lid-Djoċesi ta’ Pembe, destinata għal dawk li telqu minn djarhom.

Waqt li kien qed jitkellem ma’ Vatican News, l-Isqof fakkar ukoll f’eżempji oħra, meta l-Papa wera t-tħassib tiegħu għan-nies ta’ Cabo Delgado. Wieħed minnhom kien il-messaġġ tiegħu Urbi et Orbi f’Ħadd il-Għid, fejn kien stieden lid-dinja biex ma jinjorawx il-kriżi fil-Cabo Delgado.

Mument qawwi ieħor wasal meta f’Awwissu, l-Papa sejjaħ lill-Isqof Lisboa biex jesprimi l-qrubija tiegħu. F’dik l-okkażjoni, l-Isqof kien qal lill-Papa, “Santità, poġġejt lil Cabo Delgado fuq il-mappa tad-dinja!”. F’Settembru 2019, waqt il-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku fil-Możambik, kien ukoll tkellem dwar il-kunflitt fir-reġjun.

L-Isqof ta’ Pemba qal li kliem il-Papa dwar Cabo Delgado ġab is-sitwazzjoni għall-attenzjoni tad-dinja u ħeġġeġ lin-nazzjonijiet oħra biex jgħinu biex tintemm il-kriżi. L-Għajnuna, żied jgħid l-Isqof, ġiet minn diversi partijiet tad-dinja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-12/pope-francis-mozambique-cabo-delgado-conflict.html

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.