Ġwanni Pawlu II f’Fortaleza, Brażil

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-BRAŻIL. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Fortaleza, 9 ta’ Lulju 1980

Eċċellenza Kardinal Aloisio Lorscheider, Arċisqof ta’ Fortaleza,
Għeżież ħuti fl-Episkopat, fis-saċerdozju,
Għeżież Uliedi.

1. “L-ikla sagra li fiha l-ħobż huwa Kristu, li fiha l-passjoni tiegħu hija minna migħuxa mill-ġdid, ruħna hija mimlija bil-grazzja, u huwa offrut lilna simbolu tal-glorja futura”.

Minn dan il-waqt u għal diversi jiem, Fortaleza ssir b’mod għal kollox speċjali ċ-ċenaklu fejn jiġi ċċelebrat dan il-festin, waqt li titkanta u tiġi mwettqa l-fidi tal-Knisja fis-Santissmu Sagrament.

Din iċ-ċelebrazzjoni tfakkarna mill-ġdid li l-Alla tal-fidi tagħna mhuwiex esseri mbiegħed, li jikkontempla b’indifferenza l-kondizzjoni tal-bnedmin, id-diffikultajiet tagħhom, il-ġlied tagħhom u l-inkwiet tagħhom. Dan huwa Missier li jħobb lil uliedu, sa tali punt li jibgħat lil Ibnu, il-Verb tiegħu, “sabiex ikollhom il-ħajja, u li din tkunilhom b’abbundanza” (Ġw 10,10).

Huwa dan il-Missier amoruż li issa jiġbidna bil-ħlewwa, bl-azzjoni tal-Ispirtu Santu li jgħammar fi qlubna (cf. Rm 5,5).

Kemm drabi f’ħajjitna rajna jinfirdu żewġ persuni li jinħabbu. Matul il-gwerra kerha u iebsa, f’żgħożiti, rajt jitilqu żgħażagħ mingħajr tama li jerġgħu lura, ġenituri maħtufa minn djarhom, mingħajr ma jafu jekk għadx jum wieħed isibux lill-għeżież tagħhom. Fil-waqt tat-tluq, ġest, ritratt, oġġett li jgħaddi minn id għall- oħra biex b’ċertu mod itawwal il-preżenza fl-assenza. U xejn iktar. L-imħabba umana hija kapaċi biss ta’ dawn is-simboli.

Bħala xhieda u bħala lezzjoni ta’ mħabba, fil-waqt tad-distakk, “Ġesù, billi kien jaf li kienet waslet is-siegħa li jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, wara li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar” (Ġw 13,1). U hekk, lejlet dan l-aħħar għid mgħoddi fid-dinja flimkien ma’ ħbiebu, Ġesù “ħa l-ħobż u, wara li iżża ħajr, qasmu u qal: “Dan huwa ġismi, li huwa għalikom: agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Bl-istess mod, wara li kienu ċċenaw, ħa wkoll il-kalċi, waqt li qal: “Dan il-kalċi huwa l-patt il-ġdid f’demmi; agħmlu dan, kull darba li tixorbu, b’tifkira tiegħi”” (1Kor 11,23-25).

B’dan il-mod, il-Mulej Ġesù Kristu, Alla perfett u bniedem perfett, waqt li nfired minn ħbiebu ma jħallilhomx simbolu, imma r-realtà tiegħu mnifsu. Huwa jerġà lura għand il-Missier, imma jibqà fostna l-bnedmin. Ma jħallix sempliċi oġġett biex iqanqal tifkira tiegħu. Taħr l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid hemm hu, preżenti b’mod reali b’ġismu, demmu, ruħu u d-divinità tiegħu. Bħal ma qal awtur klassiku tagħkom (Fr. Antônio das Chagas, Sermoes, 1764, p. 220 – S. Caetano): “Mill-għaqda ta’ poter infinit b’imħabba nfinita, x’ried inissel jekk mhux l-ikbar miraklu u l-ikbar meravilja?”.

Kull darba li ninġabru biex niċċelebraw, bħala Knisja paskwali li aħna, il-festa tal-Ħaruf issagrifikat u mill-ġdid ħaj, tal-irxuxtat preżenti f’nofsna, hemm bżonn li jkollna preżenti f’moħħna s-sinifikat tal-laqgħa sagramentali u tal-intimità ma’ Kristu  (cf. Ġwanni Pawlu II, Epistula universos Ecclesiae Episcopos: de SS. Eucharistiae mysterio et cultu, 4, die 24 febr. 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III,1 [1980] 585).

2. Hija minn din il-kuxjenza, maturata fil-fidi, li tbaqbaq it-tweġiba l-iktar profonda u gratifikanti għall-mistoqsija li tiggwida r-riflessjoni ta’ dan il-kungress ewkaristiku nazzjonali: “Fejn sejjer? Lejn liema orizzonti jiddirieġu ruħhom l-isforzi li bihom tibni bi tbatija l-għada tiegħek? Liema huma l-iskopijiet li tittama li tilħaq permezz tat-taqtigħ, ix-xogħol, is-sagrifiċċji, li għalihom tissottometti ruħek kuljum? Iva, lejn xiex sejjer il-bniedem pellegrin fit-triq tad-dinja u tal-istorja?

Jiena konvint li jekk nagħtu attenzjoni għat-tweġibiet qalbiena jew eżitanti, mimlijin tama jew niket, li dawn id-domandi jqanqlu f’kull persuna – mhux biss f’dan il-pajjiż, imma wkoll fir-reġġjuni kollha l-oħra tad-dinja – nissorprendu ruħna bl-identità sostanzjali tagħhom. It-toroq tal-bnedmin huma, mhux rarament, differenti ħafna bejniethom; l-oġġettivi mmedjati li jipproponu jippreżentaw normalment karatteristiċi mhux biss differenti, imma kultant ukoll opposti. Bdanakollu l-għan aħħari li lejh ilkoll indistħintament jiddirieġu ruħhom huwa dejjem l-istess: ilkoll ifittxu il-milja tal-feliċità personali, fil-kuntest ta’ komunjoni vera ta’ mħabba. Jekk tippruvaw tippenetraw sal-iktar profond tax-xewqat tagħkom u ta’ min jgħaddi minn ħdejkom, tiskopru li din hija l-ispirazzjoni komuni ta’ kulħadd, din it-tama li, wara l-insuċċessi, terġà tqum dejjem fil-qalb tal-bniedem mill-irmied ta’ kull delużjoni.

Qalbna tfittex il-feliċità u trid tisperimentaha fil-kuntest tal-vera mħabba. Imbagħad, in-nisrani jaf li s-sodisfazzjon awtentiku ta’ din l-aspirazzjoni jistà jsibu biss f’Alla, li xbiha tiegħu il-bniedem inħalaq (cf. Ġen 1,27). “Agħmiltna għalik u qalbna ma tistriħx sakemm ma tistriħx fik” (S. Wistin, Confessiones, 1,1). Meta Wistin, lura minn riċerka tal-feliċità mimlija tfixkil u inutli f’kull speċi ta’ pjaċir u ta’ vanità, kiteb dawn il-famużi kelmiet fl-ewwel paġna tal- “Konfessjonijiet” tiegħu, m’għamilx ħaġ’oħra għajr esprima l-esiġenza essenzjali li toħroġ mill-iktar profond tal-esseri tagħna.

3. Mhijiex esiġenza ddestinata għad-delużjoni u għall-frustrazzjoni: il-fidi tassikurana li Alla ġie biex jiltaqà mal-bniedem fil-persuna ta’ Kristu, li fiha “tgħammar il-milja kollha tad-divinità” (Kol 2.9). Mela jekk il-bniedem irid isib is-sodisfazzjon għall-għatx tiegħu tal-feliċità li jaħraqlu qalbu, huwa lejn Kristu li għandu jorjenta l-passi tiegħu. Kristu ma jinsabx ‘il bogħod minnu. Ħajjitna hawn fuq din l-art hija, fis-sewwa, suċċessjoni kontinwa ta’ laqgħat ma’ Kristu: ma’ Kristu preżenti fl-Iskrittura Mqaddsa, bħala l-kelma ta’ Alla; ma’ Kristu preżenti fil-ministri tiegħu, bħala mgħallem, saċerdot u ragħaj; ma’ Kristu preżenti fil-proxxmu, u b’mod speċjali fil-foqra, fil-morda, fl-emarġinati, li huma l-membri muġugħa tiegħu; ma’ Kristu preżenti fis-sagramenti, li huma l-kanali tal-azzjoni feddejja tiegħu; ma’ Kristu mistieden sieket ta’ qlubna, fejn jgħammar waqt li jikkomunika ħajtu divina.

Kull laqgħa ma’ Kristu tħalli sinjali profondi: jistgħu jkunu laqgħat billejl, bħal dik ta’ Nikodemu; laqgħat każwali, bħala dik tas-Sammaritana; laqgħat imfittxin, bħal dik tal-midimba niedma; laqgħat ta’ petizzjoni, bħal dik tal-għama fil-bieb ta’ Ġeriku; laqgħat ta’ kurżità, bħal dik ta’ Żakkew; jew inkella laqgħat ta’ intimità, bħal dik tal-appostli, imsejħa biex imorru warajh; laqgħat għammiexa, bħal dik ta’ Pawlu fit-triq ta’ Damasku.

Imma l-laqgħa l-iktar intima u trasformanti, li għaliha l-oħrajn huma ordnat,  hija l-laqgħa “mal-mejda tal-misteru ewkaristiku, jiġifieri mal-mejda tal-ħobż tal-Mulej” (Ġwanni Pawlu II, Epistula ad universos Ecclesiae Episcopos: de SS. Eucharistiae mysterio et cultu, 11, die 24 febr. 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III,1 [1980], 601). Hawn Kristu jinsab personalment biex jilqà lill-bniedem, imħabbat minħabba d-diffikultajiet tal-mixja, u jsabbru bis-sħana tal-fehim tiegħu u ta’ mħabbtu. Huwa fl-Ewkaristija li jsibu il-milja tal-attwazzjoni dawk il-kelmiet ħelwin: “Ejjew għandi intom ilkoll li intom għajjenin u mħabbtin u jien inserraħkom” (Mt 11,28). Dak is-sabar personali u profond li jikkostitwixxi r-raġuni aħħarija tal-għejja kollha tagħna għal għonq it-toroq tad-dinja, nistgħu insibuh – talinqas bħala antiċipazzjoni u bħala antiċipazzjoni – fil-ħobż divin li Kristu joffrilna mal-mejda ewkaristika.

4. Mejda. Ma kienx kumbinazzjoni li l-Mulej, billi ried jagħti kollox lilna. Għażel il-forma tal-ikla fil-familja. Li nsibu ruħna madwar mejda jfisser rapport interpersonali u possibiltà ta’ konoxxenza reċiproka, ta’ bdil mutwu, ta’ djalogu  li jarrikkixxi. Il-festa ewkaristika ssir b’dan il-mod sinjal espressiv ta’ komunjoni, ta’ maħfra u ta’ mħabba.

Mhumiex dawn ir-realtajiet li tagħhom qalbna pellegrina tħoss il-bżonn? Hija mpensabbli feliċità umana awtentika, barra minn dan il-kuntest ta’ laqgħa u ta’ ħbiberija sinċiera.  Imbagħad, l-Ewkaristija ma tfissirx biss din ir-realtà, imma tinkuraġġiha b’mod effikaċi. Għal dan il-għan, San Pawl għandu sentenza estramament ċara: “Aħna – josserva – aħna ġisem wieħed: infatti lkoll nieħdu sehem fl-uniku ħobż” (1Kor 10,17). L-ikel ewkaristiku waqt li jagħmilna “familja ta’ nisel wieħed” ma’ Kristu, jirrendina aħwa maskili u femminili bejnietna. San Ġwann Krisostmu jissentitizza b’dan il-mod, bi kliem inċiżiv, l-effetti tas-sehem fl-Ewkaristija: “Aħna dak l-istess ġisem. X’inhu fir-realtà l-ħobż? Il-ġisem ta’ Kristu, Fil-fatt, bħal ma l-ħobż huwa r-riżultat ta’ bosta qamh u, għalkemm dawn jibqgħu huma stess, bdanakollu ma jiddistingwux ruħhom għaliex huma magħqudin, hekk ukoll aħna ningħaqdu b’mod mutwu ma’ Kristu. Ma niklux min minn ġisem u min minn ieħor, imma lkoll mill-istess ġisem” (S. Ġwann Crisostmu, In Epistulam 1 ad Corinthios).

Il-komunjoni ewkaristika tikkostitwixxi mela is-sinjal tal-għaqda tal-fidili kollha. Sinjal tassew suġġestiv, għaliex mal-mejda sagra tgħib kull differenza ta’ razza jew ta’ klassi soċjali, waqt li jibqà biss is-sehem ta’ kulħadd għall-istess ikel sagru. Dan is-sehem, identiku ta’ kulħadd, ifisser u jwettaq l-abolizzjoni ta’ dak kollu li jifred lill-bnedmin u jwettaq il-laqgħa ta’ kulħadd f’livell ogħla, fejn kull oppożizzjoni tibqà eliminata. L-Ewkaristija ssir b’dan il-mod l-istrument kbir tat-tqarrib tal-bnedmin bejniethom. Kull darba li l-fidili jieħdu sehem b’qalb sinċiera, jirċievu impuls ġdid biex jistabilixxu rapport aħjar bejniethom, li jwassal biex jagħrfu b’mod reċiproku d-drittijiet propji u wkoll id-dmirijiet korrispondenti. B’dan il-mod jiffaċilita ruħu s-sodisfazzjon tal-esiġenzi tal-ġustizzja, propju minħabba l-klima partikolari tar-rapporti interpersonali li l-karità fraterna toħloq fl-intern tal-istess komunità.

Huwa istruttiv niftakru għal dan il-għan dak li kien iseħħ bejn l-insara tal-ewwel żminijiet, li l-Atti tal-Appostli jiddiskrivulna “regolari…fil-qsim tal-ħobż” (At 2,42). Dwarhom qal li·“Kienu flimkien u kienu jżommu kull ħaġa bħala komuni; min kellu l-propjetà u rikkezzi kien ibigħhom u kien jaqsam kollox mal-oħrajn, skont il-bżonnijiet ta’ kull wieħed” (At 2,44-45). B’dan il-mod l-ewwel insara kien b’mod spontanju jqiegħdu fil-prattika “il-prinċipju li skontu il-ġid ta’ din id-dinja huwa ddestinat mill-Ħallieq biex iwieġeb għall-bżonnijiet ta’ kulħadd mingħajr eċċezzjoni” (cf. Pawlu VI, Nuntius christianis totius orbis fidelibus, ineunte tempore quadragesimali, die 7 febr. 1878: Insegnamenti di Paolo VI, XVI [1978] 112). Il-karità, mitmugħa fil-komuni “qsim tal-ħobż” kienet espressa b’konsegwenza naturali fil-ferħ li jgawdu flimkien mill-ġid li Alla b’mod ġeneruż qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd. Mill-Ewkaristija tinbet, bħala atteġġjament nisrani fundamentali, il-kondiviżjoni fraterna.

5. F’dan il-punt u b’dan id-dawl, jiġini spontanju naħseb dwar il-kondizzjoni diffiċli ta’ dawk li, għal diversi mottivi, jkollhom jabbandunaw lil arthom u jittrasferixxu lilhom infushom f’reġġjonijiet oħra: l-emigranti. Il-mistoqsija “fejn sejjer?” tassumi fil-każ tagħhom dimensjoni tassew realistika: id-dimensjoni tal-iskonfort u tas-solitudni, spiss id-dimensjoni tan-nuqqas ta’ fehim u tar-rifjut.

Il-kwadru tal-mobilità umana f’dan il-pajjiż tagħkom huwa wiesà u kumpless. Wiesà għaliex jinvolvi miljuni ta’ nies tal-kategoriji kollha. Kumpless minħabba l-kawżi li jimplika, minħabba l-konsegwenzi li jipprovoka, minħabba d-deċiżjonijiet li jesiġi. In-numru ta’ dawk li jemigraw fl-intern ta’ dan in-nazzjon immens jilħaq, minn dak li wasalt li nifhem, livelli tant għoljin li jinkwetaw lil dawk responsabbli. Parti mill-emigranti tmur tfittex kondizzjonijiet ta’ ħajja aħjar, billi temigra minn ambjenti b’populazzjoni għolja lejn postijiet iktar diżabitati; parti oħra tmur tfittex kondizzjonijiet ta’ klima aħjar li joffru, minnhom fihom, il-possibiltà ta’ progress ekonomiku u soċjali iktar faċli. U mhumiex ftit il-Brażiljani li jaqsmu l-fruntiera.

Imma l-Brażil, bħal ma wkoll pajjiżi oħra tal-kontinent Amerikan, huwa nazzjon li diġa ta ħafna u jaf ħafna lill-emigrazzjoni. Nieħu gost infakkar hawn lill-Portugiżi, lill-Ispanjoli, lill-Pollakki, lit-Taljani, lit-Tedeski, lill-Franċiżi u lill-Olandiżi u tant oħrajn li ġew mill-Afrika, mil-Lvant Nofsani u mil-Lvant Imbiegħed, prattikament mid-dinja kollha, li hawn sabu ħajja u għixien tajjeb. U saħansitra llum mhumiex ftit il-barranin li jitolbu xogħol u dar lil dan il-Brażil dejjem ġeneruż. F’sitwazzjoni kumplessa, kif tistà ma taħsibx dwar  il-qerda kulturali u kultant lingwistika, dwar il-firda temporanja jew definittiva mill-familja propja, dwar id-diffikultajiet tal-inseriment u tal-integrazzjoni tal-ambjent il-ġdid, dwar l-eqwilibriju soċjo-politiku, dwar id-drammi psikoloġiċi u għat-tant konsegwenzi oħra, b’mod speċjali ta’ karattru morali u spiritwali?

Il-Knisja tal-Brażil riedet tgħaqqad iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-kungress ewkaristiku mal-problema tal-emigrazzjoni. “Fejn sejjer?” Din hija domanda li għaliha kull wieħed u waħda minna rridu nagħtu t-tweġiba tagħna, li tirrispetta l-aspirazzjonijiet leġittmi tal-oħrajn. Il-Knisja la għejjiet u linqas mhi se tgħejja tipproklama d-drittijiet fundamentali tal-bniedem: “Id-dritt li dak li jkun jibqà  b’mod liberu f’pajjiżu, li jkollu patrija, li jemigra ġewwa u barra minn pajjiżu, għal mottivi leġittmi, li jkun jistà jkollu ħajja ta’ familja sħiħa, li jorbot fuq il-ġid meħtieġ għall-ħajja, li jikkonserva u jiżviluppa il-patrimonju etniku, kulturali, limgwistiku propju, li jipprofessa b’mod pubbliku r-reliġjom propja, li jkun rikonoxxut u ttrattat b’mod konformi għad-dinjità tal-persuna tiegħu f’kull ċirkustanza” (Pont. Comm. per la Pastorale delle Migrazioni e del Turismo, Chiesa e mobilità umana, 17, 26 maggio 1978: AAS 70 [1978] 366). Għal dan il-għan il-Knisja ma tistax tonqos li tiddenunzja s-sitwazzjonijiet li jikkostrinġu lill-bosta għall-emigrazzjoni, bħal ma tagħmlu Puebla (cf. Puebla, 29 et 71).

Huwa iżda meħtieġ li din id-denunzja tal-Knisja tkun ikkonfermata b’azzjoni pastorali sħiħa, li timpenja l-enerġiji kollha tagħha. Dawk tal-Knisja tal-punti tat-tluq tal-emigrazzjoni, bi tħejjija adegwata għal dawk li jiddisponu ruħhom biex jitilqu. U dawk tal-Knisja tal-punti tal-wasla, li għandhom iħossu ruħhom responsabbli għal ilqugħ tajjeb, li għandu jittraduċi ruħu f’ġesti konkreti mal-immigranti.

Jalla din il-fraternità, li fl-Ewkaristija ssib il-punt l-iktar għoli tagħha, issir hawn realtà dejjem iktar b’saħħitha. Maġemb l-Indios, l-ewwel abitanti ta’ din l-art, l-emigranti, ġejjin minn kull parti tad-dinja, iffurmaw poplu solidu u dinamiku li, amalgamat mill-Ewkaristija, kien jaf jiffaċċja u jegħleb, fl-imgħoddi, diffikultajiet kbar. L-awgurju tiegħi hu li l-fidi nisranija, mitmugħa madwar il-mejda ewkaristika, tkompli tkun il-ħmira unifikatriċi tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, b’mod tali li l-Brażil ikun dejjem jistà jħares seren lejn il-futur tiegħu u jmur fuq it-triq ta’ progress uman awtentiku.

6. Fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, intom kantajtu b’entużjażmu: “Għaqqadt f’poplu wieħed / emigranti u nies tal-Grigal, barranin u nies tal-post: / aħna lkoll Pellegrini”.

Din hija osservazzjoni ferm qrib ir-realtà. Iva, aħna lkoll pellegrini: segwiti miż-żmien li jgħaddi, errant għal għonq it-toroq tad-dinja, nimxu fid-dell tal-proviżorju, infittxu dik il-paċi vera, dak il-ferħ sikur, li tant għandha bżonnu qalbna għajjiena. Fl-ikla ewkaristika, Kristu jiġi għandna biex joffrilna, taħt ix-xbihat umli tal-ħobż u tal-imbid, is-sikurezza ta’ dak il-ġid suprem li għalih naħsbu fit-tama. Ejjew għalhekk ngħidulu b’fidi mġedda: “Aħna niffurmaw il-poplu tiegħek / li huwa qaddis u midneb: Oħloq fina qlub ġodda / mibdula mill-imħabba”.

Bnedmin tal-qalb ġdida, qalb mibdula mill-imħabba, ta’ dan għandu bżonn il-Brażil biex jimxi b’fiduċja lejn il-ġejjieni tiegħu. Hawn hu għalhekk it-talb tiegħi u l-awgurju tiegħi: jalla dan in-nazzjon ikun dejjem jistà jiffjorixxi, fuq il-pjan spiritwali, morali u materjali, animat minn dak l-ispirtu fratern, li Kristu ġie biex iġib fid-dinja. Jgħibu fl-intern tiegħu, jew jonqsu b’mod progressiv għall-minimu, id-differenzi bejn reġġjuni dotati minn benesseri materjali partikolari u reġġjuni inqas iffortunati. Jgħib il-faqar, il-miżerja morali u spiritwali, l-emarġinazzjoni, u jalla iċ-ċittadini kollha jagħrfu lilhom infushom u jħaddnu lil xulxin bħala aħwa awtentiċi fi Kristu!

Dan kollu jkun ċertament possibbli jekk era tal-ħajja ewkaristika ġdida teġà lura biex tanima l-ħajja tal-Knisja fil-Brażil. L-imħabba u l-adorazzjoni lil Ġesù sagramentat jkunu mela s-sinjal l-iktar imdawwal tal-fidi tagħkom, tal-fidi tal-poplu Brażiljan!

O Ġesù Ewkaristija, bierek il-Knisja tiegħek, bierek dan in-nazzjon kbir u agħtih il-prosperità trankwilla u l-paċi awtentika! Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.