Ġwanni Pawlu II f’Manaus, Brażil


PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-BRAŻIL
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Manaus, 11 ta’ Lulju 1980

Eċċellenza Mons. Arċisqof amministratur apostoliku,
Huti fl-Episkopat u fis-saċerdozju ministerjali,
Għeżiez reliġjużi rġiel u nisa, maħbubin ħuti.

1. Fil-programm ta’ vjaġġ pastorali mixtieq b’mod intensiv bħal dan fil-Brażil, il-Papa xtaq b’mod speċjalissmu din iż-żjara fl-Amażżonja u b’mod konkret lill-belt sabiħa ta’ Manaus, kapitali ta’ dan l-Istat kbir. Irrid insir naf din ir-realtà oriġinali u diffiċilment paragonabbli ma’ dak kollu li stajt nosserva f’punti oħtajn tal-pajjiż. Nixtieq noffri lill-popolazzjoni ta’ dan ir-reġġjun il-possibiltà li “jaraw lil Pietru” fil-persuna umli ta’ dan is-suċċessur tiegħu. Quddiem din il-Knisja missjunarja tagħkom nixtieq b’mod speċjali nirrendi qima sinċiera lill-missjonijiet u lill-missjunarji b’mod ġenerali.

Nindirizzalkom, mela, it-tislima tiegħi: lilkom li intom hawn preżenti u, permezz tagħkom, lill-popolazzjonijiet u lid-dijoċesijiet tal-Istati tal-Amażżonja u tal-Acre, tat-territorji ta’ Rondonia, Roraima u Amapà. Insellem ukoll lir-rappreżentanti tal-grupp li ġew mill-Venezuela.

Għalikom noffri s-sagrifiċċju ewkaristiku. Lilkom inħalli l-barka tiegħi. Nitlob għall-ġid tagħkom materjali u għaż-żieda tal-fidi tagħkom. Nakkumpanja ħajjitkom u x-xogħlijiet tagħkom, l-ansjetajiet tagħkom u t-tamiet tagħkom.

Nitlobkom izda li tippermettuli li nindirizza, f’dan il-waqt tal-Ewkaristija tagħna, b’mod speċjali lill-missjunarji tagħkom. Waqt li nkellem lilhom, se nitkellem b’mod indirett lilkom u dwarkom. Waqt li nikkonfermahom fil-missjoni tagħhom nikkonferma fil-fidi din il-komunità ekkleżjali minnhom mitmugħa u sostnuta. Nixtieq għal darb’oħra nindirizza ħsieb speċjali lill-grupp sinifikattiv rappreżentant tal-popolazzjoni kollha li tikkostitwixxi il-poplu tal-“indios” u nirripeti sostanzjalment dak li għidt il-bieraħ fil-laqgħa li kelli magħhom. Il-Knisja trid tiddedika ruħha għall-indios, bħal ma għamlet sa mill-iskoperta tal-Brażil fir-rigward tal-antenati tagħhom. Il-Beatu José de Anchieta f’dan is-sens huwa pijunier u sa’ ċertu mod mudell għall-ġenerazzjonijiet u ġenerazzjonijiet ta’ missjunarji Ġiżwiti, Sależjani, Franġiskani, Dumnikani, Kapuċċini, missjunarji tal-Ispirtu Santu jew tad-Demm Prezjożissmu, Benedittini u tant oħrajn.

B’kostanza meritevoli, huma jfittxu li jittrażmettu l-Vanġelu lill-Indios, u joffru l-għajnuna kollha possibbli, fir-rigward tal-promozzjoni umana tagħhom.

Nafda lill-poteri pubbliċi, u lill-oħrajn responsabbli, il-wegħdiet li jbaqbqu minn qalbi f’isem il-Mulej, li lill-Indios, li l-antenati tagħhom kienu l-ewwel abitanti ta’ din l-art, ikun rikonoxxut id-dritt li jabitawha fil-paċi u fis-serenità!

Huma għandhom biża, saħansitra paniku, li jkunu mkeċċija a benefiċċju ta’ oħrajn, minn spazju vitali li jfisser mhux biss bażi għas-sopravvivenza tagħhom, imma attwalment preservazzjoni tal-fiżjonomija tagħhom bħala poplu!

Għal din is-sitwazzjoni kumplessa u tnigges nixtieq li tingħata tweġiba meqjusa, pertinenti, intelliġenti favur kulħadd. Hekk tiġi rispettata u iffavorita d-dinjità u l-libertà ta’ kull wieħed mill-Indios, bħala persuni umani u bħala poplu!

2. Għeżież missjunarji: Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi rġiel u nisa: waqt li llum niltaqà magħkom jakkumpanjani ħsieb: inqas minn għoxrin sena ilu il-providenza divina riedet li dak li kien l-Arċisqof ta’ Krakovja ikun impenjat b’mod intens u profond fit-tħejjija ta’ wieħed mill-iktar dokumenti mportanti tal-Konċilju Varikan II, li hu mbagħad iffirma flimkien ma’ eluf ta’ Santi Padri oħra. Għixt, f’dawk il-jiem memorabbli ta’ Konċilju eminentement ekkleżjali, ir-riflessjonijiet, l-istudji, id-dibattiti li iddefinew il-Knisja bħala Poplu ta’Alla magħqud bis-saħħa tal-unità tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, bħala sinjal u strument tal-komunjoni tal-bnedmin bejniethom u tal-umanità ma’ Alla, bħala sagrament ta’ salvazzjoni għad-dinja li għaliha hija mibgħuta. Huma pproklamaw ukoll li, bis-saħħa ta’ dan, din il-Knisja hija b’mod essenzjali missjunarja. Pawlu VI  aċċetta b’mod  enerġetiku din il-kelma fl-eżortazzjoni apostolika maġistrali tiegħu “Evangelii Nuntiandi” dwar l-evanġelizzazzjoni: “Il-Knisja kollha hija missjunarja” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 59; Ad Gentes, 35).

 Għalhekk, f’din il-Knisja missjunarja għandi l-koxjenza li nkun, bis-saħħa tal-ministeru pontifiċju li pjan misterjuż ta’ Alla afdali, l-ewwel responsabbli tal-azzjoni missjunarja. Hija din il-preċiża responsabiltà li ġabitni fil-Brażil, u għamlet li niġi għandkom u timbuttani biex illum inkellimkom bi ftuħ kbir ta’ qalbi.

3. Nixtieq qabel kollox inwasslilkom stimolu u…inkuraġġiment fix-xpogħol missjunarju tagħkom.

Dmir bla ebda dubju esiġenti: dan kważi jaħtafkom minn pajjiżkom fejn twelidtu jew minn reġġjuni oħrajna tal-Brażil, barra milli mill-ġuf tal-familja tagħkom: iqiegħedkom f’konfront ma’ realtà bosta drabi iebsa u diffiċli, jitlob minnkom xogħol li l-frott tiegħu probabilment ma tkunux intom li tiġbruh.

Kif nistagħġbu mela, li f’ċerti jiem tħossu jagħfas fuqkom dan id-dmir bħal piż li, dak il-ħin jidhrilkom superjuri għall-forzi tagħkom? F’dawn il-waqtiet, bħal mill-banda l-oħra fl-oħrajn kollha, għandhom ikunu għalikom sorsi ta’ konfort u ta’ kuraġġ:

– il- konvinzjoni intima li għal din il-missjoni tagħkom ma kontux intom li ppreżentajtu ruħkom, għal ebda raġuni umana: intom kontu magħżulin u msejħa minn l-ewwel u suprem missjunarju, Sidna Ġesù Kristu;
– iċ-ċertezza li xogħlkom mhux biss huwa utli u meħtieġ, imma huwa ndispensabbli għall-kostruzzjoni tal-Knisja f’dan il-porzjon ta’ art li, naf tajjeb, intom addottajtu bħala tagħkom;
– l-imħabba u l-gratitudni li għandu għalikom it-twajjeb poplu li lilu qegħdin intom ixxandru l-Vanġelu;
– fl-aħħar nett, dan ngħidu b’sinċerità assoluta, l-apprezzament immens li l-Papa jħoss għax-xogħol tagħkom, ir-rispett, l-ammirazzjoni u l-ħbiberija fraterna li hu għandu għall-persuna tagħkom.

4. Barra dawn l-espressjonijiet ta’ inkuraġġiment, tixtiequ li l-Papa jerġà jgħidilkom xi ħaġa dwar il-missjoni tagħkom?

Hawn hi: f’dan il-porzjon tal-Knisja li lejh Alla akkumpanjakom, dak li sirtu: evanġelizzaturi veri. Il-vera evanġelizzazzjoni, skont il-prospettiva stimolanti tal- “Evangelii Nuntiandi”, hija fundamentalment l-aħbar ċara ta’ Ġesù Kristu redentur tal-bniedem u tal-bxara t-tajba tiegħu ta’ salvazzjoni. U konsegwentament il-komunikazzjoni ferrieħa u mimlija tama tar-rivelazzjoni tal-paternità ta’ Alla, tal-pjan tiegħu ta’ mħabba, tas-saltna tiegħu li tibda f’din id-dinja u u tilħaq il-milja tagħha fl-eternità. Hija wkoll il-proklamazzjoni li fi Kristu u għal Kristu twelled bniedem imġedded fil-ġustizzja u fil-qdusija u li, bi bnedmin ġodda, għandha twelled soċjetà ġdida mmexxija min-normi tal-bejatituni u ispirata mill-karità li tiġġenera fraternità u solidarjetà. Kull opra evanġelizzatriċi timmira għalhekk li tqanqal, tapprofondixxi u tikkonsolida l-fidi u, fid-dawl tal-fidi, li tirrendi possibbli soċjetà iktar ġusta u iktar fraterna.
Għal dak li jirrigwarda l-fidi intom tiltaqgħu f’dan il-pajjiż ma’ poplu numeruż ta’ mgħammdin, poplu profondament reliġjuż, li jirrikorri għandkom bħala ministri ta’ Ġesù Kristu. Għal serje ta’ ċirkustanzi storiċi, li fosthom tispikka l-insuffiċjenza persistenti ta’ saċerdoti u ta’ ministri sagri oħra, mal-ħniena popolari edifikanti tal-maġġoranza ta’ din il-popolazzjoni ma tikkorrispondix  formazzjoni adegwata kemm fil-livell tal-prattika sagramentali, kif ukoll fil-livell tal-inseriment tar-reliġjon fil-ħajja u fid-diversi aspetti ta’ din.

Intom issibu ruħkom minn band’oħra quddiem mhux ftit sitwazzjonijiet ta’ faqar, ta’ njoranza, ta’ mard, ta’ emarġinazzjoni li jitolbu attenzjoni diżinteressata u effikaċi ta’ dawk li jistgħu jgħinu l-promozzjoni umana integrali ta’ dawn il-masses kbar popolari.

5. L-attività missjunarja tagħkom timbuttakom biex tirrivelaw lil kulħadd, żgħar jew kbar, il-“misteru moħbi għal sekli” (Kol 1,26), biex turu lilhom il-wiċċ ta’ Alla, biex titimgħuhom bis-sagramenti, biex tgħallmuhom il-mixja tat-talb, l-ispirtu tal-bejatitudni. Imma ma’ din l-attività jiżdied il-ħafna li tridu tagħmlu biex tgħinu lil dawk fil-bżonn fil-promozzjoni tagħhom, fil-mogħdija minn sitwazzjoni ta’ miżerja u abbandun, indenja ta’ wlied Alla, għal kondizzjonijiet iktar umani ta’ ħajja. Hekk għamlu leġġjuni ta’ missjunarji qabilkom, fil-Brażil stess u fl-Amerka Latina.

Dak li jgħodd iżda – u dan ngħidu b’qima lejn il-kuxjenza li bla dubju ta’ xejn intom ukoll għandkom – huwa li l-prezz tal-azzjoni tagħkom favur il-promozzjoni materjali tal-persuni ma tintitola linqas remotament nuqqas tal-attività strettament reliġjuża tagħkom. Din tkun kontro-testimonjanza perikoluża, tant iktar gravi kemm-il darba din tagħti l-impressjoni li qiegħda ssir taħt l-impuls ta’ xi imperattiv idejoloġiku. L-esperjenza mill-banda l-oħra turi li it-testimonjanzi, id-dikjarazzjonijiet u l-azzjoni tal-Knisja, fi kwalunkwè tal-livelli tagħha, ikollhom biss kredibiltà u effett veru fil-qasam soċjali kemm-il darba jkunu bbażati fuq testimonjanzi, dikjarazzjonijiet u azzjoni ferm iktar qawwija fil-qasam ewlieni tagħha, li huwa l-edukazzjoni tal-fidi u tal-ħajja sagramentali. Jekk il-Knisja tassew tagħmel hekk, tkun tattwa l-aħjar forma tagħha ta’ tħejjija tal-insara li jagħmlu dak kollu f’linja ta’ ispirazzjoni nisranija profonda mingħajr sogri ta’ devjazzjonijiet.

6. Irrid inżid kelma oħra, qasira imma mimlija sentimenti: dan huwa l-messaġġ ta’ saċerdot lil ħutu s-saċerdoti. Din hija l-istedina li rrid inħallilkom bħala tifkira ta’ din iż-żjara tiegħi, sabiex tkunu missjunarji tali hekk profondament li, dan ma jkunx għalikom biss titolu, għalkemm sabiħ u glorjuż, imma l-kontenut l-iktar profond tal-ħajja saċerdotali tagħkom. Fi kliem ieħor: nawguralkom li l-fatt li tkunu missjunarji ikun ir-raġuni tal-eżistenza tal-ħajja tagħkom, l-ispirazzjoni profonda tal-azzjoni tagħkom, is-sigriet tal-ispiritwalità tagħkom.

Il-mudell tagħkom fl-ispiritwalità missjunarja, min għajr Kristu nnifsu jistà jkun aħjar, missjunarju tal-Missier, b’mod kostanti mgħaddas fl-adorazzjoni ta’ dan il-Missier ċelesti u b’mod kostanti mogħti, sal-għotja finali fuq is-salib, għall-opra tas-salvazzjoni tal-bnedmin, f’ubbidjenza totali għar-rieda tal-istess Missier? Jalla l-atteġġjament intern tagħkom l-iktar radikali jkun dak ta’ rgħajja mimlijin ħniena lejn dawk kollha li Alla jafda għaż-żelu tagħkom, kapaċi li tagħrfuhom bħalma r-ragħaj jagħraf in-nagħaġ tiegħu, lesti li titimgħuhom bil-kelma u s-sagramenti, biex tiddefenduhom, biex tikkunsmaw għalihom ħinkom, it-talenti tagħkom, l-enerġiji tagħkom u l-istess ħajja. It-tħassib tagħkom dejjem fid-dawl ta’ din l-ispiritwalità missjunarja, ikun li tevanġalizzaw ferm iktar bix-xhieda ta’ ħajjitkom milli bil-kliem tagħkom. “Forma factus gregis”, kien kiteb San Pietru lill-ewwel missjunarji fit-tbexbix tal-Knisja (1Pt 5,3): “kunu mudelli tal-merħla”, jgħidilkom illum l-umli suċċessur ta’ Pietru, f’din il-laqgħa magħkom. Jalla l-istimolu kostanti tagħkom ikun karità mmensa, il-karità li hija r-rifless fina tal-imħabba ta’ Kristu, li dwarha San Pawl qal li timbuttana, letteralment: hija tistimolana bħal niggieża u ġgegħlna nimxu. Hawn fuq ix-xtut tax-xmara l-kbira, kif nistà ma ngħidilkomx: “Aquae multae non potuerunt extinguere caritatem” (Ct 8,7)? Jalla l-ilmijiet abbundanti tar-Rio delle Amazzoni ma jirnexxilhomx jitfu l-imħabba l-kbira lejn Alla u lejn ħutkom li ġabitkom hawn, dawn huma anzi xbiha tal-immensità u tal-forza li din l-imħabba għandha jkollha.

7. Kelma oħra: qima mqanqla lejn l-eluf ta’ missjunarji li mis-snin tal-iskoperta sallum, ħadmu fil-Brażil kollu, u b’mod partikolari fir-reġġjun Amazzoniku: “praedicaverunt verbum veritatis et genuerunt ecclesias” (ippridkaw il-kliem tal-verità u iġġeneraw knejjes) (S. Wistin, Enarr. in Ps. 44,23: CCL XXXVIII, p. 510). Kemm ġew minn artijiet twelidhom fl-Ewropa biex qatt iktar ma jerġgħu lura, kemm temmew b’mod mgħaġġel l-enerġiji ta’żgħożithom, ikkunsmati mill-għejja u mill-mard, kemm iltaqgħu mal-mewt miblugħa mill-ilma, jew raqdu l-aħħar raqda taħt xi borġ mingħajr isem f’xi rokna tal-foresta? Jiena ninżel għarkupptejja quddiem kull wieħed minn dawn l-oqbra u ferm iktar quddiem kull waħda minn dawn il-figuri ta’ missjunarji, bnedmin bħalna, bid-difetti u d-dgħufijiet, imma iġġigantiti mix-xhieda tal-għoti sħiħ tagħhom infushom għall-missjoni.

Dawb huma l-prekursuri tagħkom: iċċedu qatt għat-tentazzjoni faċli li taħsbu li l-missjoni tibda minnkom, imma strieħu fuq il-ħafna li ħallewlkom dawn ħutkom. Jalla wkoll, bosta minnhom li llum jikkuntemplaw wiċċ Alla, ikunu l-interċessuri tagħkom.

Fosthom, uħud irċivew il-glorja tal-altari bħala l-martri tar-Rio Grande u, ftit jiem ilu, il-Beatu José de Anchieta, li lilhom tmur il-qima tagħna. Oħrajn moħbijin minn għajnejn il-bnedmin, sabu fid-dawl ta’ Kristu rxoxt, il-premju tas-sagrifiċċji tagħhom. Jalla huma jiksbu minn għand Alla, għalikom, il-kuraġġ fis-sigħat mudlama, il-ferħ li taqdu b’ġenerożità amoruża, u fuq kollox il-fedeltà li ġġegħlkom ma tħarsux lura, imma timxu dejjem miġbudin mill-Mulej li jum wieħed għandu jgħidilkom, fil-għaxija tal-ħajja tagħkom: “Tajjeb, qaddej tajjeb u fidil…idħol fir-ferħ ta’ sidek” “ (Mt 25,21). Jalla tkun din il-kelma definittiva, premju tat-tbatijiet tagħkom, sintesi ta’ ħajjitkom.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.