Mixja mal-Familja

12- il triq biex nimxu  mal-familji biex inpoġġu fil-prattika “Amoris Laetitia

Dawn li ġejjin huma tnax-il proposta u suġġeriment biex insaħħu  l-pastorali tal-familja fid-dawl tal-eżortazzjoni appostolika “Amoris Laetitia”.  Kull rejaltà ekkleżjali hija mistiedna biex tara liema minn dawn il-proposti jistgħu jiġu żviluppati jew implimentati fuq livell lokali, dejjem skont il-kundizzjoni u l-ħtiġijiet tagħha.

1. Insaħħu l-pastorali ta’ tħejjija għaż-żwieġ permezz ta’ itinerarju ta’ katekeżi ġdid  kemm fuq livell djoċesan kif ukoll fuq livell parrokkjali (cfr. AL 205-222) sabiex noffru tħejjija għaż-żwieġ kemm mill-bogħod, mill-qrib, u immedjata, kif ukoll akkumpanjament tal-miżżewġin ġodda fl-ewwel snin taż-żwieġ tagħhom.  Din ir-responsabbiltà tkun afdata f’idejn koppji miżżewġin li, flimkien mar-rgħajja, ikunu qrib tal-għarajjes u tal-miżżewġin żgħażagħ.

2. Insaħħu l-pastorali tal-akkumpanjament tal-miżżewġin permezz ta’ laqgħat ta’ formazzjoni u mumenti ta’ talb u spiritwalità, sabiex il-koppji miżżewġin isiru iktar konxji tad-don u tal-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ. (cfr. AL 58-ss e 223-230).

3. Jiġu organizzati laqgħat għall-ġenituri dwar l-edukazzjoni ta’ wliedhom u dwar l-sfidi li għandhom bħalissa (cfr. AL 172-ss e 259-290), u dan bħala tweġiba għall-parir li ta l-Papa Franġisku meta ssuġġerixxa li l-ġenituri jippruvaw jifhmu “fejn jinsabu wliedhom fil-vjaġġ tagħhom” (cfr. AL 261).

4. Nippromwovu laqgħat ta’ riflessjoni u diskussjoni dwar is-sbuħija u l-isfidi tal-ħajja tal-familja (cfr. AL 32-ss u 89-ss),  u dan biex nirrikonoxxu iktar il-valur soċjali tal-familja, kif ukoll biex tinħoloq grupp ta’ familji u rgħajja li, permezz ta’ qsim ta’ esperjenzi u tax-xhieda, jkunu qrib dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli.

5. Insaħħu l-għajnuna lil koppji li jinsabu fi kriżi (cfr. AL 232-ss.) biex insostnuhom u niffurmaw fihom atteġġament li ma jċedux malajr fil-problemi, u sabiex jaraw id-diffikultajiet bħala opportunità biex jikbru fl-imħabba u hekk isiru iktar b’saħħithom.

6. Ninvolvu koppji miżżewġin fl-istrutturi kemm djoċesani kif ukoll parrokkjali biex tista’ sseħħ il-pastorali tal-familja (cfr. AL 86-88)  u ssir evalwazzjoni tal-formazzjoni li qed tingħata lill-operaturi pastorali, lis-seminaristi u lill-presbiteri sabiex jistgħu jilħqu l-ħtiġijiet tal-lum (cfr. AL 202-ss) u biex jaħdmu mal-familji. Għal dan l-iskop huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-“familja – knisja domestika” u l-Knisja (AL 200), sabiex jiskopru iktar lil xulxin u jagħtu valur lil xulxin b’tali mod li waħda ma tgħaddix mingħajr l-oħra.

7. Nippromwovu fil-familji l-vokazzjoni missjunarja tagħhom (cfr. AL 201, 230 u 324) biex jkun hemm mumenti ta’ formazzjoni fl-evanġelizzazzjoni u f’inizjattivi missjunarji (per eż. Billi jagħtu sehem fil-formazzjoni tas-sagramenti tat-tfal, fit-tħejjija għaż-żwieġ, anniversarji jew mumenti liturġiċi importanti oħrajn).

8. Niżviluppaw pastorali għall-anzjani (cfr. AL 191-193) li l-iskop tagħha huwa li teħodha kontra l-kultura tar-rimi u tal-indifferenza u tħeġġeġ proposti biex jinbnew pontijiet bejn etajiet differenti, filwaqt nagħmlu mill-anzjani tagħna persuni attivi fil-pastorali fil-komunità.

9. Ngħaqqdu l-pastorali taż-żgħażagħ ma’ inizjattivi fejn jistgħu jirriflettu u jiddiskutu dwar temi bħalma huma l-familja, iż-żwieġ, il-kastità, il-ftuħ għall-ħajja, l-użu tal-mezzi soċjali, il-faqar, ir-rispett lejn il-ħolqien (cfr. AL 40). Jeħtieġ li nixegħlu liż-żgħażagħ bl-entużjażmu biex hekk huma jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom bis-serjetà fejn jidħlu idejali kbar u l-isfidi li dawn iġibu magħhom. Matul din is-sena trid tingħat attenzjoni speċjali lit-tfal biex isiru konxji tas-Sena tal-“Familja Amoris Laetitia” u tal-inizjattivi li hemm proposti.

10. Ninkoraġġixxu t-tħejjija għall-Għaxar Laqgħa Dinjija tal-Familji permezz  ta’ katekeżi u formazzjoni oħra li permezz ta’ diversi tappi u esperjenzi, jakkumpanjaw lill-familji għal-laqgħa mal-Papa.

11. Jitnedew inizjattivi u għajuna fid-dixxerniment lill-familji feruti (cfr. AL 50-ss, 241-ss u 291-ss), biex jgħinuhom jiskopru u jwettqu l-missjoni li għandhom fil-familji tagħhom u fil-komunità, missjoni li ġejja mill-Magħmudija.

12. Kemm fil-parroċċi kif ukoll fil-komunitajiet jiġu organizzati laqgħat ta’ studju ta’ “Amoris Laetitia” sabiex ikun hemm iktar kuxjenza dwar opportunitajiet pastorali konkreti li jistgħu jsiru fil-komunitajiet ekkleżjali differenti. (cfr. AL 199-ss).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes

Ara aktar dwar is-Sena Familja Amoris Laetitia mħabbra mill-Papa Franġisku … https://www.laikos.org/familja/index.htm

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.