Hekk kif il-Knisja ċċelebrat it-tieni Ħadd tal-Kelma t’Alla, l-Papa Franġisku nieda appell lill-fidili kollha biex iżomm l-Iskrittura Mqaddsa qrib tagħhom il-ħin kollu u jaqraw spiss minnha. “Wieħed mill-akbar rigali ta’ żmienna huwa l-iskoperta mill-ġdid tal-Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Knisja u tal-fidili,” huwa qal dan fl-indirizz tiegħu tal-Anġelus tal-Ħadd li għadda. Il-Papa żied jgħid: “Qatt daqs illum, il-Bibbja ma kienet daqshekk aċċessibbli għal kulħadd u fil-lingwi kollha, issa anke f’formati awdjoviżivi u diġitali”.
Il-Papa Franġisku fakkar fi kliem ta’ San Ġirolmu, studjuż tal-Iskrittura Mqaddsa u Duttur tal-Knisja: “Min jinjora l-Iskrittura jinjora lil Kristu”. Huwa kompla jżid: “Huwa Ġesù Kristu – l-Kelma li saret laħam u Rxuxtat – li jiftaħ il-moħħ biex jifhem l-Iskrittura”. Il-Qdusija Tiegħu qal li nifhmu l-Kelma t’Alla meta ninġabru għall-Liturġija, meta nitolbu weħidna jew fi gruppi.
Il-Papa Franġisku mbagħad irringrazzja u ħeġġeġ lil ħafna parroċċi li qed ifittxu li jedukaw lill-fidili biex jisimgħu l-Kelma t’Alla. “J’Alla qatt ma nitilfu l-ferħ li nxerrdu l-Evanġelju”, huwa qal.
Il-Papa tenna l-istedina frekwenti tiegħu biex kulħadd iġorr ktieb żgħir tal-Evanġelji fil-but jew fil-portmoni. U ħeġġiġna biex naqraw mill-inqas tlieta jew erba’ versi tal-Bibbja kuljum.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-01/pope-francis-word-god-sunday-carry-read-bible-appeal.html