Il-Papa Franġisku jitlob għal raġel Niġerjan li nstab mejjet ħdejn Pjazza San Pietru

Print Friendly, PDF & Email

Wara t-talba tal-Anġelus tal-Ħadd li għadda, l-Papa Franġisku waqaf għal mument wieħed biex jitlob għal Edwin, raġel Niġerjan li ma kellux saqaf fuq rasu, li nstab mejjet waħdu f’lejl kiesaħ f’Ruma.

“Fl-20 ta’ Jannar, ftit metri biss minn Pjazza San Pietru, raġel Niġerjan, li ma kellux dar fejn joqgħod, jismu Edwin, instab mejjet fil-kesħa”, qal il-Papa. “It-tbatija tiegħu hija simili għal dik ta’ bosta nies oħra li ma għandhomx saqaf fuq rashom u li mietu riċentiment f’Ruma taħt l-istess ċirkustanzi drammatiċi”. Il-Papa stieden lil kulħadd biex jitolbu għal Edwin, u waqaf għal ftit sekondi.

Il-Qdusija Tiegħu stqarr li Edwin ta’ 46 sena kien injorat minn kulħadd. “Huwa ġie abbandunat, minna wkoll,” huwa qal. “Ejjew nitolbu għalih”.

Il-Papa mbagħad fakkar fi storja mill-papat ta’ San Girgor il-Kbir. Meta ra l-mewt ta’ tallaba fil-kesħa u ordna li l-quddies kollu jiġi sospiż għal ġurnata sħiħa, “għax dik kienet bħal Ġimgħa l-Kbira”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-01/pope-francis-prays-nigerian-homeless-man-died-rome.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d