23 ta’ Frar: SAN POLIKARPU, ISQOF U MARTRI
Polikarpu, dixxiplu ta’ 1-Appostli u isqof ta’ Żmirna, wara li għamel xi żmien għand Injazju ta’ Antjokja, mar Ruma biex jitħaddet mal-Papa Aniċetu dwar il-kwistjoni tal-festa tal-Għid. Għall-ħabta tas-sena 155, meta kellu kważi disgħin sena, ħa l-martirju billi ħarquh fl-istadju tal-belt.
Fl-Uffiċċju tal-qari
Lezzjoni
Qari minn Ittra tal-Knisja ta ’ Żmirna fuq il-martirju ta’ San Polikarpu
(13:2-15:3)
Bħal sagrifiċċju ta’ offerta sabiħa li togħġob
Meta kollox kien imħejji għall-ħuġġieġa, Polikarpu neża’ ħwejġu, ħall il-ħżiem, u għamel kif seta’ biex ineħħi wkoll il-qorq minn riġlejh,ħaġa li ma kienx jagħmilha
qabel, għax l-insara kollha kienu dejjem bl-imħatra bejniethom min jersaq lejh u jmissu l-ewwel; għax, sa minn qabel ma ħa l-martirju, kien bniedem imżejjen b’kull tjieba minħabba l-qdusija ta’ ħajtu.
Fejn kien qiegħed issa, kellu madwaru dak kollu li kien tħejja għall-ħuġġieġa. Resqu fuqu, u riedu jsammruħ bl-imsiemer; iżda hu qalilhom: “Ħalluni hekk; min
tani l-grazzja li mmut maħruq, jgħinni wkoll biex nibqa’ fin-nar b’qalbi fis-sliem, bla ma jkun hemm għalfejn issammruni”; Għalhekk ma waħħluhx bl-imsiemer,
imma rabtuh biss.
Tahom idejh wara dahru, u rabtuh. Kien qisu barri sabiħ mill-merħla l-kbira lest għas-sagrifiċċju, bħal vittma li togħġob imħejjija għal Alla. Refa’ għajnejh ’il fuq lejn is-sema, u qal:
“Mulej Alla li tista’ kollox, Missier ta’ Ġesu Kristu, Ibnek l-għażiż u l-imbierek li ġie fostna u għarrafna min int, inti Alla tal-anġli u tal-qawwiet, Alla tal-ħlejjaq kollha u tal-ġusti kollha li jgħixu quddiemek. Tkun imbierek, Mulej, għax inti għoġbok li llum, f’din is-siegħa, flimkien mal-martri nieħu sehem fil-kalċi ta’ Kristu Ibnek, biex bl-Ispirtu s-Santu nikseb il-qawmien tar-ruħ u l-ġisem għall-ħajja ta’ dejjem li ma titħassarx. Ilqagħni magħhom illum quddiemek, bħal sagrifiċċju ta’offerta sabiħa li togħġbok, kif inti stess ħejjejtu, kif urejtni sa minn qabel li kellu jsir u issa qiegħed tagħmel li jseħħ, o Alla tas-sewwa li ebda gidba ma hemm fik.
“Għalhekk infaħħrek, inbierkek u nigglorifikak għal dak kollu li għamilt miegħi, b’Ibnek il-għażiż Ġesu Kristu, ir-ragħaj etern tagħna mis-sema; permezz tiegħu,
tingħata glorja lilek, miegħu u mal-Ispirtu s-Santu, issa u għal dejjem ta’ dejjem. Amen”.
Wara l-‘Amen’ li biha għalaq it-talba taw in-nar lill-ħuġġieġa.
Kif in-nar beda jikber u jogħla, rajna quddiemna dehra tal-għaġeb. Alla żammna sa dak il-ħin biex nistgħu naraw dik id-dehra u ngħidu lill-oħrajn b’kulma ġara. Għax in-nar infetaħ qisu ark, u sar donnu l-qlugħ ta’ dgħajsa fir-riħ, bil-ġisem tal-martri f’nofsu. U kif kien hekk fin-nofs, kont tistħajlu mħux laħam mixwi, imma ħobża misjura, jew bħal deheb u fidda jleqqu fil-forġa. U r-riħa tassew tfuħ li xammejna kienet qisha inċens jew xi fwieħa prezzjuża.
RESPONSORJU Apok 2:8-9a. 10
1.Lill-Anġlu tal-Knisja li hemm fi Żmirna iktiblu hekk: Dan jgħidlek dak li hu l-Ewwel u l-Aħħar, li kien mejjet u reġa ħaj: Jiena naf it-taħbit u l-faqar tiegħek għad li inti għani, * Ibqa fidil sal-mewt, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
2. Tibżax minn dak li jkollok issofri: ara, id-demonju se jixħet lil xi wħud minnkom fil-ħabs biex iġarrabkom. * Ibqa’ fidil sal-mewt, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Lil Kristu ili naqdih sitta u tmenin sena, u qatt ma naqasni f’xejn; kif nista’ neħodha kontra s-sultan tiegħi li salvani?
Talba
O Alla, Sid il-ħolqien, int għoġbok tilqa’ fost il-martri lill-isqof San Polikarpu; bit-talb tiegħu, agħtina li bħalu nieħdu sehem fit-tbatijiet ta’ Kristu, ħalli miegħu nirxuxtaw għall-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek.
FI-Għasar
Ànt. tal-kant. ta’ Marija Tkun imbierek, Mulej, Alla li tista’ kollox, għax għoġbok li nkun wieħed mill-martri tiegħek li xorbu l-kalċi ta’ Kristu.