Nhar it-Tnejn, fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, sar servizz ekumeniku bit-talba tal-Għasar, li kkonkluda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara. L-avveniment annwali seħħ, bħas-soltu, fil-Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura, fejn hemm midfun l-Appostlu l-kbir. Din is-sena, l-Papa Franġisku, li normalment jippresjedi l-liturġija, ma setax jattendi peress li jinsab miġugħ minħabba attakk tax-xjatika.
Minfloku, l-Kardinal Koch, il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Knejjes Insara, mexxa s-servizz tat-talb ta’ filgħaxija, akkumpanjat minn mexxejja minn diversi knejjes Insara oħra u komunitajiet ekkleżjali.
Għalkemm il-Papa Franġisku kien assenti fiżikament, imma kien preżenti fl-ispirtu u fil-kelma, permezz t’omelija moqrija mill-Kardinal Koch. Fir-rimarki ppreparati tiegħu, l-Papa rrifletta fuq il-kliem ta’ Ġesù: “Ibqgħu fija”. Il-Qdusija Tiegħu jinsisti li “nistgħu nikbru u nagħmlu l-frott biss jekk nibqgħu magħqudin ma’ Ġesù”.
Il-Papa kompla jqis “din l-għaqda hi ndispensabbli” li tikkonsisti fi tliet ċrieki konċentriċi “bħal dawk ta’ zokk ta’ siġra”. L-ewwel livell ta’ għaqda hi li tkun ma’ Ġesù. “Dan hu l-punt tat-tluq tal-vjaġġ ta’ kull persuna lejn l-għaqda. Li tibqa’ ma’ Ġesù jibda bit-talb, li jwassalna li nesperjenzaw l-imħabba Tiegħu”.
L-għaqda fost l-Insara hija t-tieni ċirku. “Aħna lkoll fergħat tal-istess dielja”, żied il-Papa, waqt li jinnota li dak li jagħmel kull wieħed jaffettwa lill-oħrajn kollha. It-talb huwa essenzjali, u jwassalna biex inħobbu lil xulxin. Il-Papa Franġisku ammetta, li dan mhux faċli, u għalhekk rridu nitolbu lil Alla “biex inaqqas il-preġudizzji tagħna fir-rigward ta’ ħaddieħor, u fir-rabtiet tad-dinja li jostakolaw l-għaqda sħiħa ma’ wliedu kollha”.
L-akbar ċirku hu estież għall-umanità kollha; u hawnhekk, jgħid il-Papa li “nistgħu nirriflettu fuq il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu”. L-Ispirtu s-Santu jwassalna biex inħobbu mhux biss lil dawk li jħobbuna, “imma biex inħobbu lil kulħadd bħalma għallimna Ġesù”. Li nħobbu anke lil dawk li ma’ jħobbuniex lura.
Li ningħaqdu flimkien biex naqdu lil ħaddieħor jista’ jgħinna “nirrealizzaw għal darb’oħra li aħna aħwa”, u twassalna “biex nikbru fl-għaqda”. Il-Papa Franġisku kkonkluda fl-omelija tiegħu billi jinnota li huwa l-Ispirtu s-Santu, “l-perit tal-vjaġġ ekumeniku”, li jispira t-talb konġunt fil-Bażilika ta’ San Pawl.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-01/pope-francis-we-bear-fruit-only-if-we-remain-united-in-jesus.html