Ħrief qalb l-ilpup

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 26 ta’ Jannar 2021: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tifkira ta’ San Timotju u San Titu. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

Ħrief qalb l-ilpup

“Ħrief qalb l-ilpup”. Dan hu l-kliem li juża Ġesù fl-Evanġelju llum biex ifisser il-mod kif id-dixxipli tiegħu jaqdu l-missjoni tagħhom. Hawnhekk jibgħat it-tnejn u sebgħin dixxiplu biex imorru tnejn tnejn f’kull belt u post fejn kien sejjer hu, u jgħidilhom li qed jibgħathom bħal “ħrief qalb l-ilpup”.

L-ewwel ħaġa fl-Evanġelju li jinsisti fuqha, u li hi tant importanti, hi l-ħtieġa tat-talb. Hu jgħidilhom li l-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema ftit, “Itolbu, mela, lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fil-għalqa tiegħu”. L-ewwel mod kif titwassal il-kelma hu permezz tat-talb. Papa Franġisku jenfasizza dan, u jgħid li hu minn qalb li titlob li tista’ tnixxi l-kelma ta’ Alla. Mingħajr it-talb, tista’ tkun konferenza jew taħdita tajba, fuq suġġett tajjeb u li tħalli l-ġid, imma ma jkollhiex ir-ruħ li tiġi mill-kelma ta’ Alla. Għalhekk it-talb jgħin, jakkumpanja din il-kelma biex tista’ tassew tħalli l-frott.

Imbagħad Ġesù jgħid “ħrief qalb l-ilpup”. Hekk qed jgħidilhom lid-dixxipli. Għall-bidu din qisha espressjoni li ma tantx tagħmlilhom kuraġġ. Ġesù qisu qed jgħidilhom: kunu issa ikel għall-ilpup, “ħrief qalb l-ilpup”. X’ifisser biha Ġesù din l-espressjoni? Qed jgħidilhom, u qed jgħid lilna bħala dixxipli tiegħu, li aħna irridu nagħrfu l-ewwel nett id-dgħufija tagħna. Nagħrfu li nistgħu naqdu din il-missjoni bil-qawwa ta’ Alla u mhux sempliċiment bil-kapaċità tagħna. Hu Alla li jagħtina l-qawwa fid-dgħufija tagħna. Imbagħad nagħrfu wkoll li se jkun hemm nies qishom ilpup fil-ħidma li nagħmlu, nies li ma jaħmlux il-ġid, li huma ostaklu għal dak li hu ta’ ġid. Se jkun hemm nies bħal dawn, imma aħna m’għandniex nibżgħu. Fil-fatt San Pawl fit-Tieni Ittra lil Timotju, jgħidlu: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba, ta’ rażan” (2 Tim 1:7).

Imbagħad hemm ħaġa oħra tant importanti meta Ġesù jgħid “ħrief qalb l-ilpup”. Qed jgħid li ma’ min iġib ruħu ta’ lupu, m’għandniex inġibu ruħna hekk aħna. Għalhekk il-kelma ma titwassalx  b’agressività, bi ġlied, b’mod li  tumilja lil ħaddieħor, b’konflitt. Il-kelma titwassal bl-istess spirtu ta’ Ġesù, u din hi importanti għad-dixxipli ta’ Ġesù, għalina lkoll. San Ġwann Krisostmu għandu riflessjoni sabiħa. Jgħid li jekk int flok ħaruf qalb l-ilpup tkun qisek lupu qalb l-ilpup, Alla ma jipproteġikx; ma jipproteġix lil min iġib ruħu bħal lupu. Alla jħares lil dawk li jkunu bħal “ħrief qalb l-ilpup”. Naturalment, meta Ġesù qed jgħid hekk, din ma tfissirx li nħallu lin-nies jidħqu bina jew idaħħluna f’nasba. Fil-fatt, fl-Evanġelju skond San Mattew, meta juża l-espressjoni “ngħaġ qalb l-ilpup”, huwa meta jgħidilhom biex ikunu “għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem”        (Mt 10:16). Iridna li nkunu qed naqdu din il-missjoni bl-istess spirtu ta’ Ġesù.

Hu biss meta aħna nkunu hekk li Ġesù jkun ir-ragħaj tagħna, għax Ġesù hu ragħaj tan-ngħaġ u tal-ħrief, mhux tal-ilpup. Lilu rridu nwasslu f’din il-missjoni, mhux lilna nfusna; bil-qawwa tiegħu li l-kelma tista’ tmiss il-qalb, mhux bit-tattiċi tagħna; bl-umiltà li jaħdem Alla, mhux bil-kburija. San Timotju u San Titu huma eżempji sbieħ ta’ dan – żewġ rgħajja li qdew lill-Knisja b’dan l-ispirtu u kienu bħal “ħrief qalb l-ilpup”.

Nitolbu lill-Mulej illum din il-grazzja, ispirati mill-kelma tiegħu. Nitolbu biex ikun hemm ħafna ħaddiema fl-għalqa tiegħu, ħafna li jwieġbu għas-sejħa li hu jagħmel, u biex aħna lkoll li sejħilna biex inkunu dixxipli, naqdu din il-missjoni tagħna b’ħafna mħabba u umiltà, bħal “ħrief qalb l-ilpup”.  

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply