Il-Papa Franġisku lbieraħ attenda l-funeral ta’ Fabrizio Soccorsi, t-tabib personali tiegħu, li miet b’kawżi relatati mal-Covid, fid-9 ta’ Jannar fl-eta’ ta’ 78 sena. Il-Quddiesa tal-funeral ġiet iċċelebrata mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede intqal li wara nofsinhar, il-Qdusija tiegħu mar fil-Knisja ta’ Santa Maria Regina della Famiglia, biex jattendi l-funeral tal-Professur Soccorsi.
Huwa kien iddaħħal l-isptar Gemelli ta’ Ruma fis-26 ta’ Diċembru minħabba l-kanċer, iżda miet minħabba “kumplikazzjonijiet pulmonari” kkawżati mill-koronavirus il-ġdid. Soccorsi kien it-tabib personali tal-Papa mill-2015. Huwa kien serva wkoll bħala konsulent għad-dipartiment tas-servizzi tas-saħħa tal-Vatikan u konsulent-tabib għall-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin.
Matul is-snin ta’ servizz mediku, huwa kien kap tas-sala tal-epatoloġija fl-isptar San Camillo-Forlanini ta’ Ruma u direttur tad-dipartiment tiegħu tal-mard tal-fwied, is-sistema diġestiva u n-nutrizzjoni; għallem ukoll l-immunoloġija fl-iskejjel mediċi muniċipali u reġjonali.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-01/pope-francis-funeral-personal-doctor-fabrizio-soccorsi-vatican.html