Il-Papa Franġisku jitlob lin-nies biex jitolbu għal kull vittma tat-traffikar tal-bnedmin

Print Friendly, PDF & Email

Ilbieraħ il-Papa Franġisku talab lin-nies biex jitolbu għal kull persuna li bħalissa hija vittma tat-traffikar tal-bnedmin. “Fi żminijiet ta’ kriżi, t-traffikar tal-bnedmin jipprolifera; għalhekk, hemm bżonn li l-ekonomija tissaħħaħ sabiex tkun tista’ tirrispondi għall-kriżi b’mod li ma jkunx qasir, b’mod dejjiemi, b’mod solidu,” qal il-Papa Franġisku fil-messaġġ vidjo li bagħat waqt maratona ta’ talb globali ta’ seba’ sigħat li xxandret permezz ta’ live-stream bi traduzzjonijiet f’ħames lingwi, nkluż l-Ingliż, biex timmarka l-Jum Internazzjonali ta’ Talb u Kuxjenza kontra t-Traffikar tal-Bniedem.

“Għeżież ħuti, ejjew inpoġġu dan kollu fit-talb tagħna, speċjalment illum, permezz tal-interċessjoni ta’ Santa Ġużeppina Bakhita. … Ejjew nitolbu lkoll flimkien għal kull persuna li hija vittma tat-traffikar tal-bnedmin f’dan il-mument.” Il-Papa Franġisku waqqaf il-jum annwali ta’ talb fl-2015 biex isir fil-festa ta’ Santa Ġużeppina Bakhita (1869-1947), patruna tas-superstiti tat-traffikar tal-bnedmin.

“Din il-ġurnata hija importanti għax tgħinna lkoll niftakru din it-traġedja, u tħeġġiġna biex ma nieqfux nitolbu u niġġieldu flimkien,” qal il-Papa fil-messaġġ tiegħu.

“It-talb imiss il-qalb u jqanqalna għal azzjonijiet konkreti, għal azzjonijiet innovattivi u kuraġġużi, kapaċi nieħdu r-riskji li nafdaw fil-qawwa t’Alla,” huwa qal.

It-tema tal-maraton ta’ talb virtwali ta’ din is-sena hija “Ekonomija mingħajr Traffikar tal-Bnedmin.” Il-Papa rrifletta fuq dan is-suġġett, waqt li nnota li fil-pandemija tal-koronavirus “aggravat u marret għall-agħar il-kundizzjonijiet tal-isfruttament tax-xogħol.”

Il-Papa qal: “Ekonomija mingħajr traffikar tal-bnedmin hija ekonomija b’regoli tas-suq li jippromwovu l-ġustizzja, mhux interessi speċjali esklussivi. It-traffikar tal-bnedmin isib art fertili fl-approċċ tal-kapitaliżmu neo-liberali, fid-deregolazzjoni tas-swieq immirati biex jimmassimizzaw mingħajr limiti etiċi, mingħajr limiti soċjali, mingħajr limiti ambjentali.”

Il-Papa Franġisku kompla billi qal li huwa mportanti li jkun hemm ekonomija li tieħu ħsieb in-nies, tippromwovi l-ġid komuni, u toħloq “opportunitajiet t’impjieg li ma jisfruttawx il-ħaddiema permezz ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol degradanti u sigħat ta’ tensjoni”.

Il-Papa ddedika x-xahar ta’ Frar għat-talb għan-nisa li huma vittmi tal-vjolenza, nklużi vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, it-traffikar tal-bnedmin huwa industrija ta’ $ 150 biljun li tibbenefika minn 25 miljun vittma mad-dinja kollha.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.catholicnewsagency.com/news/pope-francis-asks-people-to-pray-for-every-victim-of-human-trafficking-26276

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d