Omelija tal-Isqof Anton Teuma fis-Solennità tan-Nawfragju ta’ San Pawl

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 10 ta’ Frar 2021: Omelija tal-Isqof Anton Teuma fis-Solennità tan-Nawfragju ta’ San Pawl.

Omelija tas-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl
Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar
L-Erbgħa 10 ta’ Frar 2021
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

IL-PREŻENZA TAL-MULEJ FIL-MALTEMP

L-Atti tal-Appostli jgħidilna, li bil-mod il-mod, il-baħrin “bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess” (27:18-19). Kważi kważi, il-maltempata, id-destin, Alla, ineżżagħhom bil-mod il-mod minn kollox. L-ewwel ħaġa li jagħmlu, jibdew jarmu l-munizzjon. Imbagħad imxew biċċa oħra triq, u “qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi” (v. 17) biex ma jinqasamx, biex iżommu l-injam tiegħu magħqud, flimkien, tant kemm kien maltemp. “Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha” (v. 32). Kull ġifen kien ikollu dgħajsa tas-salvataġġ; anki dik kellhom jerħu. Jiġifieri, jekk il-ġifen jegħreq, ma kellhomx fuqiex iserrħu. Imbagħad iktar tard kellhom jarmu anki l-ikel: “Bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar” (v. 38). Fl-aħħar, spiċċaw biex irmew anki l-ġifen, għax tfarrak il-ġifen ukoll. 

Jien naħseb li ftit jew wisq, kultant naraw l-istorja tal-ħajja tagħna f’din il-ġrajja tal-Atti tal-Appostli. Ma ninsewx li l-Iskrittura qiegħda hemm mhux biex tirrakkuntalna stejjer, imma biex tirrakkuntalna dak li jiġri liliu lilek fil-ħajja. Hekk kultant il-ħajja żżarmalna kollox, jekk mhux kmieni fil-ħajja, ikun aktar tard. Din hi l-esperjenza li rridu ngħaddu minna kollha kemm aħna; saħansitra jispiċċa biex jitkisser il-ġifen, l-unika art li fuqha nistgħu nistrieħu. Nistgħu nxebbhu l-ġifen mal-ikbar ċertezzi li għandna, jew li seta’ kellna, u jispiċċa kollox… barra int, barra jien, għax aħna importanti ħafna f’għajnejn il-Mulej. Kull wieħed u waħda minna għandu bħala futur tiegħu l-ħajja eterna, il-ħajja ta’ dejjem. Kollox irridu nerħu u nħallu. Ħafna drabi nibdew inħallu dawk l-affarijiet li għalina kienu l-aktar ifissru sigurtà. Meta tiġri xi ħaġa, naqbdu magħhom. Issa anki dawk jibdew jitilqu bil-mod il-mod fil-ħajja tagħna. Kull wieħed u kull waħda minna jħoss dan kollu li qiegħed ngħid, skont il-fażi li wasal fiha fil-ħajja. Meta wieħed jersaq iktar ’il quddiem fil-ħajja, iktar ma jsir anzjan, iktar jinduna kemm ħa jħalli warajh affarijiet, kemm dak li qabel kien importanti ħafna ma jibqax daqshekk importanti. Dak li kien essenzjal, li ma tgħaddix mingħajru, bil-mod il-mod tħallih. Tispiċċaw int u Hu, int u l-Imgħallem, int u l-komunità.

Din hi l-esperjenza li għamlu dawn in-nies fuq id-dagħjsa, fuq il-ġifen. Imma għal din l-esperjenza kien hemm mumenti importanti, li aħna wkoll irridu ngħaddu minnhom. Mumenti li jagħmlulna kuraġġ u jagħtuna l-qawwa, mumenti li jsostnuna. L-ewwel u qabel kollox, iċ-ċertezza li Alla jrid li aħna ngħaddu minn din it-triq, iċ-ċertezza li Alla jrid li aħna bil-mod il-mod nitħattew, bil-mod il-mod inħallu kulma hu sigurtà, biex l-ankra tagħna jkun hu waħdu. F’ħin minnhom anki l-ankra kellhom jaqtgħu. L-ankra għall-iġfna, b’mod speċjali fl-antik, kienet tfisser l-istabbiltà tal-ġifen; kien ifisser il-mument fejn tkun statiku, fejn tkun qiegħed. Anki dik kellhom jaqtgħuha, iħalluha tmur.

Liema huma dawn il-mumenti fl-istorja tal-ħajja tagħna li bihom u fihom il-Mulej jurina li hu preżenti, qiegħed hemm; li bihom jagħmlilna kuraġġ, jagħtina l-qawwa, fl-esperjenzi li ngħaddu minnhom? L-ewwel ħaġa, u l-iktar ħaġa ġenerali, hi li dan il-pjan hu maħdum u meħjut minn Alla. U dak li mingħalina hu traġedja, dak li migħalina hu diżgrazzja, dak li mingħalina ser jitfgħana fil-ħajt, jispiċċa biex, jekk ikollna l-paċenzja, jekk ikollna l-għajnejn tal-fidi, jekk nistennew, jurina l-preżenza tal-Mulej. Irid ikollna l-kapaċità li nistennew. Ħafna drabi naraw l-affarijiet minn wara, għax meta nkunu f’nofshom naraw biss dlam. “Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb” (v. 20), jgħidilna l-Atti tal-Appostli. Erbatax-il jum fid-dlam, lejl u nhar, mitluqin mal-mewġ, ma kellhom kontroll ta’ xejn.

Proprju f’dawn il-mumenti, il-Mulej jurina li qiegħed hemm preżenti biex isostnina. L-ewwel mod: iqajjem lil dan ir-raġel, iqajjem lil Pawlu. “Pawlu waqaf f’nofshom” (27:21), u x’jgħidilhom lin-nies? Fuqiex ikellimhom? Ixandrilhom il-Kelma ta’ Alla, ixandrilhom il-kelma li kien sema’: “Għax dan il-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim” (v. 23). Il-kelma li sema’ Pawlu, l-aħbar li sema’ Pawlu, l-aħbar ta’ Ġesù, l-aħbar li kellu f’Damasku: ‘Jiena nkun miegħek, irrid ninqeda bik, biex permezz tiegħek insalva l-ġnus’. Dik l-aħbar, il-Kelma li sema’, Pawlu jqum, f’nofs il-ġemgħa, f’nofs dawk il-“mitejn u sitta u sebgħin ruħ li kien hemm fuq il-ġifen” (v. 37), u jxandarhielhom u jħabbarhielhom. Il-Kelma li tagħtina l-qawwa biex inkomplu f’dan il-vjaġġ mimli diffikultajiet tal-ħajja… Kemm hi importanti l-Kelma ta’ Alla! Kemm hu importanti li aħna darba fil-ġimgħa, u forsi iktar matul il-ġimgħa, nieqfu u nisimgħu l-Kelma, anki jekk qegħdin fil-maltemp, anki jekk kultant m’għandniex moħħ, anki jekk kultant id-diffikultà li nkunu għaddejjin minnha tkun ħaditilna moħħna, fil-veru sens tal-kelma: la tħallina iktar norqdu, la tħallina iktar nieklu. Il-Kelma li tagħtina iktar dawl fuq dak li jkun qed jiġrilna. Il-Kelma li tagħtina t-tama; mhux biss id-dawl, mhux biss l-interpretazzjoni ta’ dak li għaddejjin minnu, mhux biss it-tifsira tal-ġrajjiet tal-ħajja, imma wkoll xaqq ta’ dawl fil-futur: “Ħadd minnkom mhu se jitlef xagħra waħda minn rasu” (v. 34), il-ġifen biss se jintilef.

Int m’intix ser tintilef! Ħalli din iċ-ċertezza tidħol fil-fond ta’ qalbek. Għandek kemm għandek, għaddej minn xiex għaddej, għandek problemi kemm għandek problemi, int m’intix ser tintilef! Int importanti f’għajnejn il-Mulej. Int tgħix bl-ispirtu, bil-qawwa tal-aktar Għoli. Int tgħix bl-ispirtu tal-Irxoxt. Ma ninsewx illi l-baħar fil-mentalità Semitika hu simbolu, sinjal tal-mewt. Kważi kważi din hi l-esperjenza tal-ħajja tagħna, u l-mewt lesta biex tiblagħna. Kważi kważi mexjin, nitqallbu fuq il-mewġ tal-mewt li għad jeqridna. Imma int issalva! Int m’intix ser tintilef! L-ewwel sinjal tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tagħna: il-Kelma.

It-tieni sinjal: meta l-priġunieri ppruvaw jaqbżu mill-ġifen. “Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu dgħajsa l-baħar” (27:30), Pawlu dar lejhom u qalilhom: “Jekk dawn ma’ jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw” (27:31). Jew isalva kulħadd jew jintilef kulħadd. Din hi verità li ma tantx nifhmuha. Anki aħna stess fil-fidi tagħna. Ħafna drabi aħna nieħdu ħsieb biss is-salvazzjoni tagħna; li nkunu sew aħna, kemm materjalment, fiżikament, u kemm spiritwalment. Il-biċċa tax-xogħol qiegħda hawn: jew kulħadd ikun sew, jew kulħadd ikun ħażin. Bħala eżempju ċar li nistgħu mmissuh b’idejna għandna s-sitwazzjoni li qed ngħixu bħalissa. Int ma tistax taħseb biex tieħu l-vaċċin waħdek. Int ma tistax taħseb biex tfiq waħdek. Għaliex? Għax jekk ta’ maġenbek ma taħsibx fih, jekk ta’ maġenbek m’għandux il-vaċċin ukoll, jekk ta’ maġenbek ma tagħmilx kulma tista’ biex ifiq, int ser tibqa’ fil-periklu. Jew insalvaw flimkien jew negħrqu flimkien. Biex ma nitkellimx fuq l-esperjenza tal-komunjoni tal-komunità Nisranija. Ħadd minna mhu Nisrani, ħadd minna mhu iben ta’ Alla waħdu. Jekk kull wieħed u kull waħda minna hu iben jew bint Alla, ilkoll flimkien aħna aħwa. Aħna wlied Alla, ulied l-istess Missier. L-ebda iben, u l-ebda wieħed mill-aħwa, jekk moħħu jaħdem tajjeb, ma jista’ jgħid: ‘Jien nista’ niġi naqa’ u nqum minn oħti jew minn ħija’. L-ebda iben, l-ebda wieħed mill-aħwa, jekk moħħu jaħdem tajjeb, ma jista’ jgħid: ‘Jien biżżejjed insalva waħdi – jien, uliedi, il-familja tiegħi – u ħaddieħor jagħmel li jrid’. Hawnhekk, allura, dan il-vjaġġ ta’ San Pawl jgħallimna li rridu nieħdu ħsieb tassew ta’ xulxin. Il-komunjoni ta’ bejnietna fuq din id-dgħajsa, fuq dan il-ġifen, hi fundamentali. Aħna xi kultant ngħixu f’illużjoni, li weħidna kapaċi nsalvaw; kultant ngħixu f’illużjoni, li l-importanti li nkun sew jien. Imma ma nistax inkun sew jien, qatt, qatt u qatt; jekk jien ma nippruvax li anki ta’ madwari jkunu bħali. Dan ifisser li l-ftit ġid li għandi, il-ftit ġid li għandna, jew jinqasam, u jkun veru ġid għal kulħadd, jew jekk ma jinqasamx u nżommu għalija, isir velenu, li bil-mod il-mod jeqridni, li bil-mod il-mod jisħitni, bil-mod il-mod ikissirni. It-tieni sinjal, allura, it-tieni għajnuna f’dan il-vjaġġ.

It-tielet għajnuna f’dan il-vjaġġ. Qabel ma kienu ser jaħbtu mal-gżira, Pawlu “qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol” (v. 35), u jgħidilhom: “Ħudu u kulu”. Dak li qed nagħmlu bħalissa aħna llum. L-ewwel Ewkaristija, ftit ’il barra mill-gżira ta’ Malta, ftit ’il barra mill-gżira tagħna. Qegħdin illum infakkru, niċċelebraw b’ferħ kbir, din l-ewwel ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija li saret fit-territorju tagħna ta’ Malta. X’jiġifieri l-Ewkaristija? It-tielet għajnuna, it-tielet sinjal tal-preżenza ta’ Alla f’nofsna. L-Ewkaristija mhix maġija. Aħna ma niġux hawnhekk filgħodu jew il-Ħadd, biex imbagħad ikollna ġimgħa tajba. Aħna ma niġux hawnhekk filgħodu jew il-Ħadd, jew filgħaxija meta niġu biex nisimgħu l-quddiesa, biex nitolbu lil Alla biex jaqlgħalna l-grazzji li għandna bżonn. Le, ftit wisq. L-Ewkaristija hija l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla għalina. Kieku kull wieħed u kull waħda minna dalgħodu jkollna noħorġu bil-konsapevolezza li Alla ta lil Ibnu, tah għalija… u ma’ Ibnu jagħtini kollox, għax jien għalih l-iktar ħaġa importanti, l-egħżeż ħaġa li għandu… kieku jkolli nħoss fuqi, kull wieħed u kull waħda minna, din l-imħabba inkundizzjonata li għandu Alla għalija, fl-għotja ta’ Ibnu… għiduli intom xi tkun tfisser il-quddiesa, xi tkun tfisser l-Ewkaristija għal kull wieħed u kull waħda minna! Għiduli intom jekk tkunx sinjal li aħna persuni ta’ min iħobbna! Ħafna drabi, il-problema kbira tal-bniedem, flimkien mal-mard fiżiku, tista’ tkun din: Imma jien ta’ min iħobbni jew le? U nibqgħu ngħixu b’dan id-dubju, b’din l-insikurezza, li titfagħna fil-biża’. Il-biża’ mbagħad jitfagħna fl-egoiżmu u fil-ħmerijiet, fid-dnubiet. Id-dnubiet mhumiex għajr frott il-biża’ li nibqgħu weħidna. Il-biża’ ta’ Adam, li jibqa’ waħdu. Ħafna drabi din hija l-molla li timbuttana biex niżbaljaw, u biex nagħmlu ħsara lilna nfusna u ta’ madwarna. Allura l-Ewkaristija, dak li qegħdin niċċelebraw bħalissa, hija l-qofol tal-preżenza ta’ Alla f’nofsna, il-verità li Alla ma jħallix lill-poplu tiegħu; is-sostenn, il-ħobż waqt il-vjaġġ, waqt id-diffikultà, waqt il-baħar imqalleb, waqt il-mewġ li jrid jiblagħna.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex matul il-vjaġġ tal-ħajja tagħna, aħna wkoll inħaddmu dawn it-tliet doni li l-Mulej jagħtina: il-Kelma tiegħu, li nistgħu nisimgħuha llum; il-Komunjoni, il-komunità, l-għaqda ta’ bejnietna, li nistgħu ngħixuha llum; l-Ewkaristija, li qegħdin niċċelebraw bħalissa. U dan kollu fejn iwassalna? Iwassalna biex nitilfu kollox. Irridu u ma rridux, illum jew għada, fil-mument tal-mewt, aħna ser nitilfu kollox; imma mhux lilna nfusna. Naslu fl-art imwiegħda, naslu lkoll aħna wkoll fil-gżira, naslu lkoll f’Malta tagħna ta’ vera. Aħna qed ngħixu f’Malta, li bħall-bastiment, bħall-ġifen, għad tinqered, għad tispiċċa. Jekk ma tispiċċax bħala art, nispiċċaw aħna bħala Maltin. Almenu għandna hawnhekk ftit snin oħra, u ħadd minna ma jibqa’ hawn. Nispiċċaw aħna, imma hemm tistenniena art imwiegħda, li fiha aħna msejħin verament niltaqgħu mhux biss ma’ xulxin fl-hena, mhux biss ma’ dawk li għaddew qabilna fl-hena, imma fil-glorja tal-Missier, fil-glorja ta’ Alla. Ma ninsewx li Pawlu kien sejjer b’wiċċu minn quddiem biex jiltaqa’ ma’ Ċesari f’Ruma, kif jgħidlu l-anġlu: “Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari” (27:24). F’Ruma, biex bħal Ġesù jkun jista’ jagħti lilu nnifsu, ċert u konvint li l-ħajja ma tintemmx mal-qtugħ ir-ras, il-ħajja ma tintemmx mal-mewt; anzi, il-ħajja li tispiċċa fil-mewt tidħol fil-milja tagħha għall-ħajja ta’ dejjem, proprju meta tgħaddi minn dan il-bieb, illi ħafna drabi tant ibeżżagħna.

Leave a Reply