LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
L-Erbgħa 27 ta’ Mejju 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
Il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium
2. Ir-Riforma tal-Liturġija. Tradizzjoni u Żvilupp
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Fl-Enċiklika Mediator Dei, il-Venerabbli Piju XII jikteb li “l-Knisja hija organiżmu ħaj, u għalhekk, anki f’dak li għandu x’jaqsam mal-liturġija mqaddsa, sakemm tibqa’ sħiħa l-integrità tat-tagħlim tagħha, din tikber u tiżviluppa, tadatta ruħha u toqgħod għaċ-ċirkustanzi u għall-esiġenzi li jseħħu mal-medda taż-żmien” (I,V).
F’kontinwità sħiħa ma’ dak il-prinċipju, il-Konċilju Vatikan II fid-Daħla tal-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium (SC) jirrikonoxxi kif “iħossu dmir tiegħu li jieħu ħsieb b’mod speċjali li jagħti ħajja ġdida u jġib ’il quddiem il-liturġija” (n. 1). Fil-fatt, il-Konċilju kien iltaqa’ bl-għan li “jkattar dejjem iżjed il-ħajja Nisranija fost il-fidili, jadatta aħjar għall-ħtigijiet ta’ żminijietna l-istituzzjonijiet li jistgħu jitbiddlu, jgħin dak kollu li jista’ jkun ta’ siwi għall-għaqda fost dawk kollha li jemmnu fi Kristu, u jsaħħaħ dak kollu li jgħin biex isejjaħ lil kulħadd fi ħdan il-Knisja” (ibid.).
F’dak il-mument storiku setgħet tinħass qawwija l-ħtieġa ta’ tiġdid tal-forom ritwali, li permezz tagħhom sa minn sekli qabel il-Knisja kienet wettqet il-glorifikazzjoni ta’ Alla u t-tqaddis tal-poplu Nisranija. Grazzi għall-Moviment liturġiku kienet immaturat il-konvinzjoni, espressa aktar tard minn San Ġwanni Pawlu II, li “hemm rabta mill-aktar stretta u organika bejn it-tiġdid tal-liturġija u t-tiġdid tal-ħajja kollha tal-Knisja. Il-Knisja mhux biss taġixxi, imma tesprimi ruħha fil-liturġija u mill-liturġija tikseb il-qawwa għall-ħajja” (Ittra Dominicæ Cenæ, 13).
Għalhekk, biex tgħin lill-fidili jkollhom aċċess għall-għana tad-doni tal-grazzja mqassma mil-liturġija mqaddsa, il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium tindika b’formula effikaċi ħafna d-direzzjoni li wieħed għandu jsegwi: “it-tradizzjoni tinżamm tajjeb u tinfetaħ ukoll it-triq għal progress xieraq” (SC, 23).
Il-Papa Benedittu XVI lemaħ f’din id-dikjarazzjoni ta’ fehmiet il-“programm ta’ riforma” tal-Padri konċiljari, “f’bilanċ mat-tradizzjoni kbira liturġika tal-passat u tal-futur”, u nnota kif “mhux darba u tnejn jitqiegħdu waħda kontra l-oħra b’mod żbaljat it-tradizzjoni u l-progress”, meta “fir-realtà, iż-żewġ kunċetti jintegraw ruħhom flimkien: it-tradizzjoni tinkludi hi nfisha b’xi mod il-progress. Qisu wieħed qed jgħid li x-xmara tat-tradizzjoni ġġorr fiha wkoll l-għajn tagħha u fl-istess ħin miexja lejn it-tarf tagħha” (Diskors lill-parteċipanti fil-Konvenju fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Istitut Liturġiku Pontifiċju Sant’Anselmu, 6 ta’ Mejju 2011).
Il-Konċilju jafferma l-leġittimità ta’ dan il-progress b’għeruqu fit-Tradizzjoni awtentika, u jagħmel għażla fi ħdan il-liturġija bejn “parti li ma titbiddilx għax imwaqqfa minn Alla, u […] partijiet li jistgħu jitbiddlu u li matul iż-żminijiet jistgħu jew għandhom jinbidlu jekk fihom ikunu daħlu xi elementi li ma jaqblux ħafna man-natura intima tal-liturġija nnifisha, jew li jkunu saru anqas addattati” (SC, 21). Bidliet ta’ din ix-xorta seħħu kontinwament matul is-sekli bl-għan li jagħtu lill-fidili sehem li jħalli l-frott, permezz tal-azzjonijiet ritwali, fil-misteru tal-Għid ta’ Kristu, fundament tal-fidi Nisranija. Għalhekk il-kult tal-Knisja “inkarna” ruħu fil-forom kulturali ta’ kull epoka u kellu l-ħila jinfluwixxi fuqhom u saħansitra jibdilhom. U hekk il-liturġija għal sekli sħaħ kienet mutur ta’ evanġelizzazzjoni. Illum jeħtieġ inġeddu din l-enerġija f’kontinwità mat-tradizzjoni Kattolika awtentika u ħajja, jiġifieri skont dinamika li trid twassal lill-fidili għall-milja tal-verità.
Hekk nifhmu għaliex il-Padri konċiljari rrakkomandaw li r-reviżjoni tar-riti, meta tikkorrispondi għal “xi utilità vera u żgura tal-Knisja”, titwettaq dejjem “b’manjiera li tkun b’xi mod torbot organikament mal-forma liturġika ġa eżistenti” (SC, 23). Għall-ġid tal-Knisja kollha, qabel kull riforma “għandu jkun hemm dejjem tiftix teoloġiku, storiku u pastorali bir-reqqa” (ibid.). Il-Maġisteru konċiljari, b’dan il-mod, jistieden biex jiġi evitat id-diżorjentament tal-fidili, u ma jrid lil ħadd iżid jew ineħħi jew jibdel xi ħaġa, f’materja liturġika, b’xi inizjattiva personali (ara SC, 22). Il-progress evokat mill-Kostituzzjoni konċiljari ma jikkomprometti bl-ebda mod il-komunjoni ekkleżjali: pjuttost irrid jikkonfermaha u jiffavoriha.
Għalhekk inħeġġeġ lil dawk kollha li huma msejħa jħejju għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteri divini, b’mod partikulari s-saċerdoti li jħaddmu l-ministeru tal-presidenza liturġika, biex iħarsu dejjem dak ir-rispett tat-testi u tal-ordinamenti tal-liturġija li jinbet mill-atteġġjament interjuri ta’ disponibbiltà u ta’ fiduċja f’Alla, waqt li juru umiltà quddiem il-kobor tagħha u fedeltà sinċiera għall-komunjoni ekkleżjali.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard