Il-minestra Maltija
F’intervista reċenti fuq gażżetta lokali, il-Bormliż Anton B. Dougal ġie rrappurtat li qal li l-kċina Maltija bir-riċetti tipiċi Maltin bil-mod il-mod qiegħdha tmut.

Illum nixtieq insemmi l-minestra, il-famuża minestra li ommijietna kienu jagħmlulna biex nitilgħu b’saħħitna u mhux obesi.
Ingredjenti varji għal minetsra tajba
Issa biex tagħmel il-minestra, jew platt bħal soppa tal-armla, min se jsajjar se jkollu bżonn ftit ħaxix minn kollox.
Immaġinaw intom li jkollok pastarda biss, jew brokkli biss, jew patata biss, jew tadam biss, jew karrotti, jew ġdur biss, jew qara bgħali, twil u aħmar biss, dik mhux soppa jew minestra tagħmel jekk qiegħdhom fuq in-nar, imma ħaxixa waħda mgħollija, u ngħiduha kif innhi, miskin min ikun qrib tiegħek wara li tiekolha.
B’ingredjent wieħed ma tagħmilx minestra jew soppa, imma jkollok biss dik il-ħaxixa mgħollija waħedha.
Il-Missier għażel 12-il-Appostlu b’karattri differenti
Meta Ġesu’ għażel lit-tnax-il-Appostlu, huwa ma għażilx tnax li kienu lkoll kif ngħidu bil-malti mill-istess pezza.
Kien hemm Ġwanni li kellu qalb kbira, Pietru li kien aktar responsabbli u kapaċi jieħu deċiżjoni, Mattew li kien tajjeb fil-kontabilita’, Ġuda li kien jaf jamministra l-ġid materjali etċ etċ
Kien il-Missier li għażel dawn l-ingredjenti varjati, kien Ġesu’ li kkurhom u ra li jikbru u jimmaturaw, imma mbagħad kien l-Ispirtu li għaqqadhom flimkien u għamel minestra li sallum għadna nitpaxxew bit-togħma bnina tagħha.
Il-Knisja u s-soċjeta hija sinjura għax magħmula minn persuni differenti
Dik il-minestra hija l-Knisja, li fiha nsibu qassisin djoċesjani, reliġjużi (Tereżjani, Dumnikani, Agostinjani, Ġiżwiti, Franġiskani etċ), persuni miżżewġa, romol, tfal, żgħażagħ, anzjani ġo sodda jew anzjani fuq riġlehom.
Dalgħodu fl-għaxra se jsir il-funeral ta’ Sr Antonietta, soru tal-klawsura tal-Monasteru ta’ Santa Margherita. Illum din il-komunita’ naqset fin-numru, imma niftakar sew meta n-numru ta’ reliġjużi kien akbar.
Minn barra, u min ma jkunx jafhom, għandu mnejn jaħseb li dawn huma lkoll omoġenji, jiġifieri lkoll daħlu ġo magna li ffurmathom u ħarġu mil-magna lkoll l-istess.
Imma le, l-aħwa, il-ġmiel ta’ komunita reliġjuża, bħal ġmiel ta’ komunita’ parrokjali, bħal ġmiel tas-soċjeta’ nnifisha hija ija dik li filwaqt li kull persuna żżomm il-personlaita’ tagħha jew tiegħu, imma kull wieħed jew waħda għandhom ikunu kapaċi jibblendja mal-aħwa li huma differenti, imma kumplimentari.
Is-soċjeta llum trid tibblendjana u tagħmilna togħma waħda
Is-soċjeta llum trid tibblendjana u tagħmilna togħma waħda.
I’m sorry l-aħwa DIK MHIX DAK LI ALLA JIXTIEQ MINNHA.
Jekk int pastarda, ibqa’ pastarda, jekk int brokkla, ibqa’ brokkla, imma tgħallem aċċetta li l-ġidra hija tajba daqsek u li FLIMKIEN BISS, tifforma soċjeta jew komunita’ reliġjuża sinjura.
Tgħallem kun Martha li tgħix ma’ Marija u ma ħuhom Lażżru.