Sinjur Alla, jiena nemmen fik, jiena nadurak, jien nittama fik, jiena nħobbok. Agħti l-maħfra, O Sinjur, lil dawk li ma jemmnux fik, lil dawk li ma jadurawkx, lil dawk li ma jittamawx fik, lil dawk li ma jħobbukx. (10 Sek pawsa)
O Trinità Qaddisa: Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu, jien nadurak profondament. U noffrilek, il-Ġisem u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità, ta’ Ibnek il-Għażiż, Sidna Ġesù Kristu, li jinsab preżentament f’kull tabernaklu. Bit-tpattija għall-insulti, sagrileġġi u ndifferenza li bihom Hu jkun offiż. U biex nikseb il-merti infiniti tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u tal-Qalb Immakulata ta’ Marija, għall-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.
Silenzju 2 min
Nhar il-Ħadd, il-Knisja tiċċelebra bil-ferħ is-solennità ta’ Trinità Qaddisa: l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, Tliet persuni f’Alla wieħed.
Ejjew illejla, niftħu qlubna beraħ għal Alla l-ħaj u nfaħħruh: Lilek, O Alla, infaħħru, lilek b’Mulej nistqarru. (3 sek pawsa)
Glorja lilek o Missier, li bil-qawwa kollha u bl-imħabba tiegħek, Inti ħlaqtna, u għamiltna xbieha tiegħek. Glorja lilek o Verb Inkarnat, li bid-Demm prezzjuż tiegħek salvajtna u ftaħtilna l-bibien tas-sema. Glorja lilek o Spirtu Qaddis, li nżilt fuqna dakinhar tal-Magħmudija, biex tqaddisna, u tkun il-gwida u l-ħarries tagħna. (3 sek pawsa)
Iva, O Alla qaddis, Int, l-aktar għoli, Inti tista’ kollox. Inti t-tjieba, fuq kull tjieba. Inti l-imħabba, Inti l-ħniena, l-umiltà, l-ferħ u l-hena tagħna. Inti t-tama tagħna, int l-għana tagħna, s-serħan ta’ qlubna. Int, dejjem tidħol għalina u toffrilna l-maħfra tiegħek. U mal-Anġli u l-Qaddisin kollha, inxandru l-glorja tiegħek u ngħidulek:
Qaddis, Qaddis, Qaddis, il-Mulej Alla tal-eżerċti. Is-smewwiet u l-art mimlija bil-kobor tas-sebħ tiegħek.
Ejjew f’dan il-mument ta’ skiet, infaħħru lil Alla ta’ dak kollu li għamel jew qed jagħmel magħna.
Silenzju 3min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann Ġw 3:16-18
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Diversi għorrief kbar ippruvaw jifhmu u jagħrfu, saħansittra għaddew sigħat sħaħ jippruvaw dan il-misteru kbir u profond tat-Trinità Qaddisa, fosthom Santu Wistin. Il-moħħ tal-bniedem wasal biex jifhem ħafna ħwejjeġ ta’ din id-dinja. Iżda ma jasalx biex jifhem ċerti misteri fosthom it-Trinità Qaddisa. Huwa Ġesù li għarrafhielna. San Ġwann jagħtina l-aqwa definizzjoni ta’ min hu Alla: “Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih” (1 Ġw 4,16). Alla hu mħabba, u lili u lilek iħobbna bi mħabba kbira li ma tistax tfissirha. (5 sek pawsa)
Sa fejn twassal l-imħabba tiegħek O Alla? Fil-bidu, int ħlaqt kollox tajjeb, saħansittra ħlaqt lil bniedem xbieha tiegħek; u għamiltna sidien fuq kull ħlejqa oħra. Nirringrazzjawk O Missier, Sid is-sema u l-art, ta’ dak kollu li tajtna: l-ħajja, n-nifs, is-saħħa; kull ma hu ta’ ġid għalina inti tajtulna; imma fuq kollox nirringrazzjawk, li għamiltna xbiha tiegħek, u ta’ dak kollu li tagħmel magħna. “Int, Alla li tagħder u tħenn; tqil biex tagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34,6). Int O Missier, dejjem tħarisna u żżomna qribek. Nitolbuk, agħtina l-grazzja tal-umiltà, biex nagħrfu, li l-ħin kollu għandna bżonnok, u li mingħajrek ma nagħmlu xejn.
Silenzju 2 min
O Missier, int tant tħobbna, li meta aħna konna mitlufin, meta twarrabna mill-patt tiegħek, meta ma bqajniex werrieta tas-Saltna tas-Sema, Int, tajtna lil Ibnek il-waħdieni, biex kull minn jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Tajtulna, biex isir wieħed bħalna; tajtulna, biex jagħti ħajtu biex jerġa’ jħabbibna miegħek. (3 sek pawsa)
Indur lejk O Ġesù. Int li għoġbok tiġi tgħammar f’nofsna. Int għallimtna u għidtilna ċar u tond, li jekk irridu nkunu qribek, jekk irridu nkun ħaġa waħda miegħek, għażla waħda rridu nagħmlu: li nħobbu. “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15,12). U ma waqaftx hemm, Inti komplejt tgħidilna: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din; li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15,13). (3 sek pawsa)
Iva, O Sinjur, int, mhux biss għallimt u ppriedkajt l-imħabba, imma int għext l-imħabba, għax int imħabba fik innifsek. Int erfajt fuqek il-mard tagħna, tgħabbejt bin-niket tagħna. Inti taf o Sinjur, li weħidna ma naslu qatt li nħobbu kif tridna int. Għalhekk tajtna l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-verità, d-Difensur. Tajtulna biex jgħammar fina, ħalli jkun il-gwida u l-għajnuna tagħna. Huwa, bl-għajnuna tiegħu, bil-qawwa tiegħu, bid-direzzjoni tiegħu, li naslu biex ngħixu l-imħabba, u nkunu dawl u xhieda tal-imħabba, li huwa Int o Alla.
Kif jgħidilna San Ġwann fl-Ittra tiegħu: “Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu ‘l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina” (1 Ġw 4, 12).
Silenzju 3 min
Innu: ____________
Talbiet tal-Komunitá
B’fiduċja għax aħna wkoll ġejna magħmulin dixxipli u mgħammda fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu, ejjew nistqarru flimkien: Fik inqiegħdu t-tama tagħna
Missier Qaddis, ġedded id-don tal-Ispirtu fuq il-Knisja, l-għarusa ta’ Ibnek, sabiex tkompli tagħti xhieda tal-imħabba tiegħek. Ngħidu flimkien. Fik inqiegħdu t-tama tagħna
Agħmel lill-poplu u l-mexxejja kollha tad-dinja, jagħtu widen għall-verità ta’ Ibnek, u t-tnebbiħ tal-Ispirtu ġewwa fihom. Ngħidu flimkien. Fik inqiegħdu t-tama tagħna
Rattab il-qlub ta’ dawk li ma jridux jilqgħu l-verità tal-eżistenza tiegħek, u s-sliem li jiġi magħha. Ngħidu flimkien. Fik inqiegħdu t-tama tagħna
Agħti sehem mill-imħabba tiegħek ta’ Alla lill-familji, u lill-kommunitajiet tagħna. Ngħidu flimkien. Fik inqiegħdu t-tama tagħna
Mulej, int bagħat id-Difensur, li ġej mill-Missier, biex jixhed għalik: agħmel li aħna wkoll nixhdu għalik quddiem il-bnedmin. Ngħidu flimkien. Fik inqiegħdu t-tama tagħna
Missier il-ħajjin, xierek lil ħutna fil-glorja tiegħek: fejn ibnek isaltan miegħek flimkien mal-Ispirtu s-Santu. Ngħidu flimkien. Fik inqiegħdu t-tama tagħna
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali: