Sinjal speċjali


It-Tnejn, 15 ta’ Frar 2021: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

Sinjal speċjali

Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid “jinħabbu bħal aħwa”. Nafu xi tfisser: li jkunu jinħabbu ħafna. Imma ma kinetx hekk fil-fatt l-istorja tal-ewwel żewġt aħwa li naqraw fuqhom fl-istorja tal-Ġenesi, li għadna kif smajna fl-Ewwel Qari: Kajjin u Abel. Żgur mhux għalihom li tgħid “jinħabbu bħal aħwa”. F’mument minnhom, Kajjin jgħid lil ħuh Abel biex joħorġu flimkien fir-raba’, u joqtlu. Minħabba l-għira, spiċċa qatlu.

Mhux għal dawn li l-Papa Franġisku jirreferi meta jgħid fl-Enċiklika Fratelli tutti li aħna aħwa lkoll. Imma qed jgħid għal dak li qal Ġesù meta fakkarna li aħna wlied tal-istess Missier – hekk insejħulu fil-Missierna – u għalhekk lid-dixxipli qalilhom “intom ilkoll aħwa”.

Ġesù ried li din il-ħajja ta’ aħwa li jinħabbu verament, il-ħajja tad-dixxipli, tkun is-sinjal speċjali tal-preżenza ta’ Alla fostna. Fil-fatt, fl-Aħħar Ikla mad-dixxipli, hu talab ħafna – hemm talba li jgħid diversi drabi –  “ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”, u jgħid “biex id-dinja temmen”. Dak ikun is-sinjal speċjali tal-preżenza ta’ Alla – din l-imħabba ta’ aħwa bejn id-dixxipli tiegħu. Nafu li meta Ġesù qam mill-mewt u bagħat l-Ispirtu tiegħu fuq id-dixxipli, huma kienu verament xhieda tal-ħajja tiegħu ġdida imma wkoll xhieda permezz tal-imħabba ta’ xulxin.

Hawnhekk fl-Evanġelju talbuh “sinjal mis-sema” lil Ġesù. Il-Fariżej riedu sinjal, meta kellhom ħafna sinjali. Eżatt qabel dan ir-rakkont, hemm il-ġrajja meta Ġesù tema’ erbat elef ruħ bi ftit ħobż u ħut, u baqa’ żżejjed ukoll. Raw ħafna sinjali u kien għalxejn. Dawn riedu sinjal mis-sema, qisu xi ħaġa li toħloq sensazzjoni, xi ħaġa kbira nieżla mis-sema li forsi ġġagħalhom jemmnu. Imma Ġesù kien jaf li sinjal bħal dan joħloq ftit agħa imma ma jsaħħaħx il-fidi.

Is-sinjal il-kbir kien se jkun il-qawmien tiegħu mill-mewt, imbagħad bis-saħħa tal-qawmien l-Ispirtu li jibgħat fuq id-dixxipli biex jistgħu jkunu xhieda tiegħu bil-kelma u b’ħajjithom. Għalhekk l-ewwel Insara kienu verament is-sinjal tal-preżenza ta’ Alla kemm għaliex kienu jħabbru li Kristu hu ħaj, li Kristu qam mill-mewt, imma wkoll bl-imħabba bejniethom, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. Kienu jgħixu ħajja normali bħall-oħrajn, imma meta n-nies kienu jarawhom kienu jgħidu: Dawn min huma? X’inhu dak li jgħaqqadhom flimkien? Jgħixu qishom aħwa wlied l-istess Missier, x’inhi din il-ħajja?  L-ewwel Insara, bl-imħabba ta’ bejniethom, kienu dan is-sinjal qawwi li dawk li verament kienu qed ifittxu lil Alla kellhom bżonn.

Għalhekk din hi t-talba tagħna llum: nitolbuh lill-Mulej biex aħna, dixxipli tiegħu, inkunu verament ninħabbu bħal aħwa, ulied tal-istess Missier, u li b’din l-imħabba bejnietna, b’din il-ħajja ta’ aħwa bejnietna, nagħtu tassew xhieda tal-preżenza ta’ Alla lil min b’sinċerità qed ifittex lil Alla.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.