Il-Papa jirringrazzja lill-Kolombja għall-isforzi biex tipproteġi l-migranti.


“Dejjem inħares bi gratitudni lejn l-isforzi ta’ dawk li jaħdmu għall-imigranti”, qal il-Papa Franġisku wara r-reċita tal-Angelus tal-Ħadd. “Nirringrazzja lilhom kollha għal dak li jagħmlu magħhom.”

Il-Qdusija Tiegħu nnota b’mod partikolari d-deċiżjoni li l-ġimgħa li għaddiet ittieħdet mill-awtoritajiet ċivili fil-Kolombja biex jimplimentaw statut temporanju ta’ protezzjoni li jagħti status legali lil aktar minn miljun Venezwelan li bħalissa jinsabu fil-pajjiż wara li ħarbu mill-problemi soċjali f’pajjiżhom. “Dan mhux qed isir minn pajjiż sinjur ħafna, jew żviluppat iżżejjed,” iżda minn nazzjon bi problemi tiegħu stess f’termini ta’ finanzi, żvilupp, faqar, u kważi 70 sena ta’ gwerra. Quddiem għadd kbir ta’ migranti, madankollu, n-nazzjoni “kellu l-kuraġġ li jħares lejn dawk l-migranti u jagħmel dan l-istatut,” qal il-Papa.

Il-Papa Franġisku nnota wkoll li l-14 ta’ Frar hi wkoll il-festa ta’ San Ċirillu u San Metodju. Rikonoxxuti bħala evanġelizzaturi tal-popli Slavi, ż-żewġ aħwa qaddisa ġew ipproklamati ko-patruni tal-Ewropa (flimkien ma’ San Benedittu ta’ Nursia) mill-Papa San Ġwann Pawlu II fl-1980. “Insellem b’affezzjoni lill-komunitajiet kollha li jgħixu fit-territorji evanġelizzati mill-aħwa qaddisa”, qal il-Papa. “Jalla l-interċessjoni tagħhom tgħinna nsibu modi ġodda kif nikkomunikaw l-Evanġelju… u jalla l-interċessjoni tagħhom twassal għal żieda fost il-knejjes Insara bix-xewqa li nimxu lejn għaqda sħiħa filwaqt li nirrispettaw id-differenzi”.

Il-Qdusija Tiegħu żied jgħid, “Ma nistax nieqaf illum, f’San Valentinu, li ma niftakarx u nindirizza l-isbaħ xewqat tiegħi lill-koppji għarajjes u lil dak li huma maħbuba.” Huwa qal, “Jien nakkumpanjakom bit-talb tiegħi u nberikkom”.

Il-Papa fl-aħħar tefgħa l-ħarsa tiegħu lejn iż-żmien tar-Randan, li ser jibda nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Frar.  Il-Qdusija Tiegħu qal, “Se jkun żmien importanti biex nagħtu sens ta’ fidi u tama għall-kriżi li għaddejjin minnha”.

Huwa temm it-tislijiet tiegħu billi fakkar fi tliet kelmiet li enfasizza fl-ispjegazzjoni tiegħu tal-Qari tal-Evanġelju tal-Ħadd: “Ma rridx ninsa tliet kelmiet li jgħinuna nifhmu l-‘stil ta’ Alla: qrubija, kompassjoni u tenerezza”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-02/pope-thanks-colombia-for-efforts-to-protect-migrants.html

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.