7 ta’ Marzu: S. PERPETWA U S. FELIĊITA, MARTRI
Tifkira
Perpetwa kienet omm żagħżugħa nobbli u Feliċita, l-ilsira tagħha li kienet fit-tqala, skont il-liġi ħallewha tiled; skont il-passju ta’ Santa Perpetwa t-tnejn ħadu l-martirju flimkien fl-anfiteatru ta’ Kartaġni fi żmien l-imperatur Septimus Severus fis-sena 203.Tħalla r-rakkont bl-irqaqat kollha tal-mewt tagħhom, miktub biċċa mill-insara li għaddew mill-istess persekuzzjoni, u biċċa minn awtur ieħor ta’ dak iż-żmien.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI
Qari mir-Rakkont tal-martirju tal-qaddisin martri ta’ Kartaġni
(Cap 18. 20-21)
Imsejħin u magħżulin għall-glorja tal-Mulej
Sebaħ jum ir-rebħa tal-martri, u ħarġu mill-ħabs għall-amfiteatru qishom sejrin is-sema, b’wiċċ l-hena u l-ġmiel, b’rogħda ta ’ ferħ u mhux ta ’ biża’ fuqhom.
L-ewwel waddbu lil Perpetwa, u waqgħet għal ġenbha. Qamet u, kif rat lil Feliċita fl-art, resqet lejha, tatha idha u qajmitha. U baqgħu wieqfa t-tnejn flimkien. Meta l-qilla tal-poplu siktet, reġgħu sejħulhom ħdejn il-bieb Sanavivarju. Hemmhekk lil Perpetwa laqagħha wieħed katekumenu, jismu Rustiku, marbut magħha fl-ispirtu. Hi bdiet tħares madwarha, bħal waħda għadha kemm stenbħet minn raqda, għax kienet qisha mitlufa f’estasi, u għaġġbet lil kulħadd meta qalet: “Kemm se jdumu ma jixħtuna għall-bhejjem?” Weġbuha li kienu ġa xeħtuhom, iżda hi ma emmnithomx qabel ma ntebħet bis-sinjali tat-taħbit li kellha fuq ġisimha u ħwejjiġha. Mbagħad sejħet lil ħuha u ’l dak il-katekumenu u qaltilhom: “Żommu sħaħ fil-fidi u ħobbu lil xulxin ilkoll kemm intom. Tħallux li t-tbatija tagħna tfixkilkom.’’
F’bieb ieħor kien hemm Saturu, li kien qiegħed iħeġġeġ lil Pudens is-suldat. “Insomma,” qallu, “ġara kif stennejt u għedt jien, għax sa issa għadni ma ħassejtx
bhejjem fuqi. Mela emmen b’qalbek kollha: arani sejjer ħdejhom biex nintemm b’gidma tal-leopard”. Hekk kif spiċċat il-wirja tefgħuh lil-leopard; dan gidmu u għamillu ġerħa li minnha ħareġ ħafna demm, hekk li l-poplu meta rah ġej lura b’dik tx-xhieda tat-tiem il-magħmudija fuqu, qabad jgħajjat u jgħid: “Ara! Salv
il-maħsul! Salv il-maħsul!” U kien salv tabilħaqq dak li nħasel b’mod bħal dak.
Mbagħad dar lejn Pudens is-suldat u qallu: “Saħħa! Ibqa’ emmen u ftakar fija. Tħallix dawn il-ħwejjeġ iħawduk, imma aktar għandhom iwettquk”. Fl-istess ħin talbu ċ-ċurkett minn sebgħu, deffsu fil-ġerħa, u taħulu lura bħala wirt, biex iħallilu rahan u tifkira ta’ demmu. Wara dan mar u nxteħet fl-art bla saħħa fil-post tas-soltu ħdejn l-oħrajn biex iħanxrulhom għonqhom.
Iżda l-poplu talab biex jinġiebu fin-nofs, biex bil-ħarsa tiegħu jissieħeb fil-qtil mas-sejf li kien se jinfed ġisem il-martri; għalhekk dawn qamu weħidhom u marru fejn ried il-poplu, wara li biesu lil xulxin biex jissiġillaw il-martirju tagħhom bil-bewsa solenni tas-sliem.
Mbagħad waqfu, bla ma ċċaqalqu, u xejn ma tniffsu xħin ħadu d-daqqa tas-sejf; wisq iżjed Saturu, li resaq l-ewwel wieħed u kien l-ewwel wieħed li miet; anzi tela’ jwieżen lil Perpetwa. Perpetwa, biex tħoss xi ftit l-uġigħ, hekk kif ħasset ix-xafra f għadamha għajtet għajta, hi stess qabdet l-id imriegħda tas-suldat żagħżugħ li kien għadu jitħarreġ, u ressqitlu s-sejf lejn għonqha. Mara bħal din, li sa l-ispirtu ħażin beża’ minnha, għandu mnejn ħadd ma kien ikollu l-ħila joqtolha kieku ma riditx.
O martri, x’qawwa wrejtu, x’hena ksibtu! Kemm tassew li Sidna Ġesu Kristu sejħilkom u għażilkom għall-glorja tiegħu!
RESPONSORJU Rum 8:34b-35. 37
1.Kristu Ġesu jinsab fuq il-lemin ta’ Alla u jidħol għalina quddiemu, * Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, tiġrib, xabla?
2. Imma f’dan kollu aħna noħorġu tassew rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. * Min se jifridna mill- imħabba ta’ Kristu? Taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ
għira, tiġrib, xabla?
Fit-Tifħir ta ’ sbiħ il-jum
Ant. tal-kant ta. Zakkarija Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba 1-ġustizzja, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet.
Talba
O Alla, il-qaddisin martri Perpetwa u Feliċita, imqanqlin mill-imħabba li biha ħabbewk, xejn ma qiesu lil min ħaqarhom, u ħarġu rebbieħa fuq it-tbatija tal-mewt; agħtina li, bit-talb tagħhom, nikbru dejjem iżjed fl-imħabba tiegħek. B’Ibnek.
Fl-Għasar
Ant. tal-kant ta’ Marija. Jifirħu fis-sema l-erwieħ tal-qaddisin li mxew fuq il-passi ta’ Kristu; issa jsaltnu miegħu għal dejjem, għax għall-imħabba tiegħu xerrdu demmhom.