Lezzjoni II: Santa Franġiska Rumana

Print Friendly, PDF & Email

9 ta’ Marzu: SANTA FRANĠISKA RUMANA, RELIĠJUŻA

Tifkira

Santa Franġiska twieldet f’Ruma fl-1384; iżżewwġet żgħira u kellha sitt itfal. F’ħajjitha għaddiet minn hemm kbir, fosthom il-mewt ta’ tnejn minn uliedha, l-eżilju ta’ żewġha u t-telfa ta’ ħafna mill-ġid materjali. Kienet mogħtija għall-ħidma ta’ karità, qassmet ġidha lill-foqra, u kienet iddur bil-morda; kienet tgħaġġbek għall-ħidma ħabrieka tagħha mal-imsejknin u għat-taħriġ fil-virtujiet, l-aktar fl-umiltà u s-sabar. Waqqfet il-Kongregazzjoni tal-Oblati fl-1423 u tathom ir-Regola ta’ S. Benedittu. Mietet fl-1440. Il-Papa Piju XI ħatarha bħala patruna tas-sewwieqa tal-karrozzi.

LEZZJONI

Qari mill-Ħajja ta’ Santa Franġiska Rumana, miktuba minn Marija Maddalena, Anguillaria, superjura tal-Oblati ta’ Tor de’ Specchi

(Cap. 6—7: Acta Sanctorum Martii -2:185-187)

Is-sabar u l-imħabba ta’ Santa Franġiska

Alla għoġbu jġarrab is-sabar ta’ Franġiska mhux biss f’dak li hu ġid tal-art, imma wkoll fil-ħafna mard qalil u twil li bagħtilha, kif diġa għedna u nerġgħu ngħidu.  Imma qatt ħadd ma ra l-iċken nuqqas ta’ sabar fiha, qatt ma wriet l-iċken sinjal ta’ dwejjaq b’dawk li kienu jduru biha, anqas jekk jaqduha ħażin.

Franġiska għaddiet sħiħa mill-prova meta tilfet minn kmieni lil uliedha li kienet tant tħobb; dejjem żammet ruħha fis-sliem u qagħdet għar-rieda ta’ Alla, u kienet tiżżih ħajr f’kull ma jiġrilha. Hekk ukoll baqgħet sħiħa fost it-tmaqdir u l-qlajja’ tan-nies, u stabret bl-ilsna li kienu jqassu fuq imġibitha. Kienet taf li xi wħud kienu jaħsbu ħażin u jgħidu fuqha u fuq l-affarijiet tagħha, imma hi qatt ma wriet sinjal ta’ stmerrija għalihom, anzi kienet troddilhom il-ġid għad-deni u dejjem titlob ’l Alla għalihom.

Alla ma għażilhiex biex tkun qaddisa għalih waħdu, imma riedha tinqeda bid-doni li kien jagħtiha biex tagħmel il-ġid lil għajrha fir-ruħ u 1-ġisem. Għalhekk

żejjinha bi mġiba hekk ħelwa li minnufih kienet tisraq il-qalb ta’ dawk kollha li kienu jersqu lejha, bl-imħabba u r-rispett li kienet turihom, u kulħadd kien jagħmel li jogħġob lilha. Għax kellha fommha mimli bil-qawwa tas-sema, u kelmtejn tagħha kienu biżzejjed biex tfarraġ lill-imnikktin u l-imdejqin, teħlishom mill-inkwiet, issikket lill-inkurlati, tħabbeb mill-ġdid lill-għedewwa, taqla’ bl-għeruq b’kollox kull mibegħda mill-qlub, u ħafna drabi twaqqaf lil min ikun ilu jaħseb u jħejji l-vendetta. F ’kelma waħda, kienet turi li kellha ħila trażżan lill-bnedmin f’kull xorta ta ’ sentimenti tagħhom u tmexxihom fejn trid hi.

Għalhekk kienu jmorru għandha minn kullimkien biex isibu kenn qawwi, u ħadd ma kien joħroġ bla faraġ mingħandha, mqar jekk lil xi wħud kienet iċċanfarhom f’wiċċhom għal dnubiethom u tqum fuq tagħha bla biża’ ta’ xejn kontra min jagħmel il-ħażen u ma jagħrafx il-ġid li Alla jagħmillu.

F’Ruma kien hemm imxija kbira ta’ mard, xi drabi mard li jittieħed u jġib il-mewt, Il-qaddisa qatt ma ħalliet il-biża’ li tiċċappas iwarrabha mill-morda u ma turix tjieba kbira mal-imsejknin u dawk li kienu jeħtieġu l-għajnuna. Kienet issibhom malajr, u l-ewwelnett bil-mogħdrija kollha kienet twissihom biex jissaffew f’ruħhom, u mbagħad kienet tmidd idejha bil-ħerqa u taqdihom, filwaqt li tħajjarhom bil-ħlewwa biex jilqgħu bil-qalb kull hemm minn idejn Alla, u jistabru għall-imħabba tiegħu, għax kien hu l-ewwel li sofra ħafna għalihom.

Franġiska ma kinitx kuntenta li ddur biss b’dawk il-morda li setgħet tilqa’ taħt is-saqaf tagħha; kienet toħroġ tfittixhom fil-griebeġ tagħhom u fl-isptarijiet pubbliċi, u, meta ssibhom, kienet ittaffilhom l-għatx, tifirxilhom is-sodod, u torbtilhom il-ġrieħi; u aktar ma l-ġrieħi tagħhom kienu jkunu mdennija u jqażżu, aktar kienet iddewwihomlhom bil-qalb u r-reqqa kollha. Kellha wkoll id-drawwa li tmur fil-kwartier hekk imsejjaħ ta’ Campo santo, tieħu magħha ikel u frott mill-aħjar, u tqassmu lil dawk li jkunu l-iktar fil-bżonn; mbagħad terġa’ tmur id-dar, bil-ħwejjeġ imqattgħin ċraret u maħmuġin tal-fqar, taħsilhom u ssewwihom bil-għaqal, bħallikieku biex tlestihom għall-Mulej, tgħaddihom u titwihom sewwa, troxx il-fwejjaħ fuqhom u terfagħhom.

Għal tletin sena sħaħ, jiġifieri sakemm damet id-dar ma’ żewġha, Santa Franġiska għamlet dan is-servizz kemm mal-morda u kemm fl-isptarijiet, l-aktar f’dawk ta’ Santa Maria u Santa Ċecilia fit-Trastevere, dak ta’  Santo Spirito in Sassia, u dak ta’ Santa Maria in Campo Santo. F’dak iż-żmien ta’ mard jittieħed kienet ħaġa tqila biex issib mhux biss tobba li jfejqu l-mard tal-ġisem, iżda wkoll saċerdoti li jagħtu d-duwa meħtieġa lill-erwieħ; għalhekk kienet tmur għalihom hi, u teħodhom għand dawk li jkunu ġa tħejjew għas-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin; u biex dan l-appostolat jirnexxilha aħjar u kif riedet hi, qabbdet saċerdot u bdiet taħsiblu għal kollox minn flusha stess, u kienet tibagħtu f’dawk l-isptarijiet biex iżur il-morda li tgħidlu bihom.

RESPONSORJU                                            ara Rut 3;10a. llb; ara Ġudit 13;l9a

1.Ibierkek il-Mulej, * Għax kulħadd jaf li int mara tiswa ħafna.

2. Il-Mulej kabbarlek ismek ħafna, hekk li tifħirek qatt ma jonqos minn fomm il-bnedmin. * Għax kulħadd jaf li int mara tiswa ħafna.

Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija. ll-Mulejjgħid: Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak hu ħija u oħti u ommi.

Talba

O Alla, inti tajtna lil Santa Franġiska Rumana bħala xempju tal-għaġeb, sew, bħala mara miżżewwġa, sew bħala reliġjuża; agħmel li aħna naqduk sal-aħħar, billi, f’dak kollu li nsibu ruħna fih f’din il-ħajja, inżommu lilek quddiem għajnejna u nimxu warajk. B’Ibnek.

Fil-Għasar

Ant. tal-kant. ta’ Marija Intom li ħallejtu kollox u ġejtu warajja, tirċievu kollox għal mitt darba iktar, u jkollkom b’xortikom il-ħajja ta’ dejjem.

%d bloggers like this: