4 ta’ Marzu: SAN KAŻIMIRU
Tifkira
San Każimiru twieled fl-1458 u kien it-tielet iben tas-sultan Każimiru IV tal-Polonja. Ħabb ħafna l-virtujiet insara, l-iżjed is-safa u t-tjieba mal-foqra. Kien imħeġġeġ għall-fidi, u kellu devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija u l-Madonna. Miet tiżiku fi Grodno, il-Litwanja fl-1484.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI II
Qari minn Kitba fuq il-ħajja ta’ San Każimiru
(Cap. 2 -3 f’ Acta Sanctorum Martii1:347-348)
It-teżor tiegħu fil-preċetti tal-Għoli
L-imħabba ta ’ Każimiru kienet ħaġa li ma titwemminx, bla qerq, sinċiera. L-Ispirtu s-Santu ħeġġu bl-imħabba għal Alla li jista’ kollox, u tant imlielu qalbu biha li kienet qisha tfur minn ġewwa fih u tixxerred fuq il-proxxmu. L-akbar ferħ u xewqa tiegħu kienet li mhux biss iqassam ġidu, imma li jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu lill-foqra, lill-għorba, lill-morda; lill-ħabsin u lill-imnikktin.
Ir-romol, l-iltiema, l-imdejqin, ma kinux biss jaraw fih il-bniedem tajjeb li jħarishom u jieħu ħsiebhom, imma wkoll kienu jqisuh b’missierhom, binhom, ħuhom. Konna nieħdu fit-tul wisq kieku kellna nsemmu ħaġa ħaġa dak kollu li għamel bl-imħabba u l-għożża kbira li kellu għal Alla u l-bnedmin.
Wieħed bilkemm jista’ jgħid jew jaħseb x’ħerqa kellu għall-ġustizzja, kemm kien meqjus f’kollox, b’liema għaqal kien imżejjen, b’liema qawwa spiritwali u perseveranza kien mogħni, iżjed u iżjed meta tqis li ż-żgħażagħ tal-għomor tiegħu minnhom infushom huma aktarx imtajra u malajr jinġibdu mill-ħażen.
Kuljum kien ifittex li jfiehem lil missieru biex iħares il-ġustizzja fit-tmexxija tas-saltna u tal-popli li kellu taħtu. Jekk xi drabi kien jintebaħ b’xi nuqqas fil-gvern, jew għax wieħed ma jagħtix kas jew għax il-bnedmin kollha jaqgħu, qatt ma ħalla li jmur isib lil missieru u jwiddbu bl-imġiba tajba kollha.
Kien jgħożż il-foqra u l-imsejknin u jaqbeż għalihom daqs li kieku qiegħed ifittex li hu tiegħu, u għalhekk kulħadd kien isejjaħlu d-difensur tal-fqar. Għalkemm bin is-sultan u kbir fin-nobiltà, huwa kien iġib ruħu b’mod li qatt ħadd ma sabha bi tqila biex jersaq lejh u jitħaddet miegħu, anqas il-bniedem l-aktar umli u żgħir fil-poplu.
Huwa dejjem kien iħobb jagħmilha ma’ dawk ta’ qalbhom ħelwa u l-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet; kien ifittex aktar lilhom milli l-bnedmin magħrufa u setgħana tad-dinja. Qatt ma ġietu għira għall-postijiet għolja tas-saltna, u anqas ma riedhom meta missieru offrihomlu, għax kien jibża’ li l-ispirtu tiegħu jsofri t-tingiż tal-għana, li Sidna Ġesu Kristu kien isejjaħlu xewk, jew li ruħu tintmess u titniġġes mill-ħwejjeġ tad-dinja.
Jingħad li għex ħajtu kollha verġni u miet verġni. Dan jistqarruh sewwa u jixhduh il-kamrieri u s-segretarji kollha tiegħu, u wkoll nies għolja u mill-aħjar, li xi wħud
minnhom għadhom magħna sa llum, u li lilu kienu jafuh tajjeb minn barra u minn ġewwa.
RESPONSORJU Sir 29:11; 1 Tim 6:1 lb
1.Ħaddem it-teżor tiegħek skond il-preċetti ta’ Alla L-Għoli, * U jkun jiswielek aktar mid-deheb,
2. Fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. * U jkun jiswielek aktar mid-deħeb.
Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.
Talba
O Alla li tista’ kollox, min jaqdi lilek, isaltan; agħmel li, għat-talb ta’ San Każimiru, naqduk dejjem b’ħajja tajba u qaddisa. B’Ibnek.
Fl-Għasar
Ant. tal-kant. ia’ Marija Qaddej tajjeb u fidil, idħol fl-hena ta’ Sidek.