Itma’ u libbes – Lest tgħin lill-persuni fil-bżonn?

Itma’ u Libbes hija l‑kampanja tar‑Randan 2021 organizzata mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta permezz tat‑Taqsima tad‑Djakonija fil‑Parroċċi ta’ Caritas Malta, flimkien ma’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart. Din il‑kampanja hi mmirata biex ittaffi ftit mit‑tbatija tal‑persuni li għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli. L‑għan hu li jinġabru flus biex jitħallsu ikliet għall‑persuni fil‑bżonn, kif ukoll jinġabru ħwejjeġ użati li għadhom f’kundizzjoni tajba. Iż‑żewġ inizjattivi se jkunu qed jiġu mmaniġġjati b’mod innovattiv u differenti mill‑kampanji tradizzjonali ta’ ġbir ta’ ikel u ħwejjeġ. Id‑dinjità tal‑persuni li jirċievu l‑għajnuna se tkun fiċ‑ċentru ta’ din il‑kampanja.

Hemm bżonnha din il‑kampanja?

Statistika mill‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika turi li fl‑2020 il‑persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar huma 82,700, filwaqt li 40,000 persuna oħra qed jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli. Dan ifisser li wieħed minn kull erba’ persuni jew jgħix fil‑faqar jew ilaħħaq bl‑eżatt mal‑ispejjeż tal‑ħajja.

Imqanqla minn dawn iċ‑ċifri u l‑kuntatt kontinwu ma’ persuni li ma jistgħux ilaħħqu mal‑bżonnijiet tal‑ħajja, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta u Beacon Media Group, li jmexxi Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart, ingħaqdu biex jiġbru ikel u ħwejjeġ għal dawk li ma jistgħux jaffordjaw dawn il‑bżonnijiet bażiċi tal‑ħajja.

Provvista ta’ ikel bnin kuljum

Il‑pubbliku jista’ jikkontribwixxi u jgħin biex jiġu pprovduti vouchers għall‑ikliet ta’ kuljum għall‑persuni fil‑bżonn. L‑ikliet, li se jiġu mħejjija minn professjonisti, se jkunu magħmula minn ingredjenti meħtieġa għal dieta sana.

Din l‑għajnuna tista’ tingħata b’SMS jew telefonata:

  • Donazzjoni ta’ €11.65 biex titma’ tifel għal ġimgħa (SMS fuq 50619270)
  • Donazzjoni ta’ €20 biex titma’ koppja anzjana għal 5 ijiem (Telefonata fuq 51002037)
  • Donazzjoni ta’ €50 biex titma’ familja ta’ erba’ persuni għal tlitt ijiem (Telefonata fuq 51002037)

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li: “Aħna kburin li permezz tat‑Taqsima tad‑Djakonija fil‑Parroċċi u ta’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart, nistgħu nwettqu dak li jixtieq minna l‑Mulej: li nitimgħu lil min hu bil‑ġuħ u nlibbsu lill‑fqir. Għalkemm din hija inizjattiva għal matul ir‑Randan, nittamaw li bil‑ġenerożità tan‑nies inkunu nistgħu nkomplu ntaffu l‑ġuħ tal‑persuni fil‑bżonn u nlibbsu lil dawk li qed isibuha diffiċli li jlaħħqu mal‑ħajja”.

Ħwejjeġ li jistgħu jerġgħu jintużaw

Matul din il‑ġimgħa se jitħabbru d‑dettalji tal‑post fejn minn nhar it‑Tnejn li ġej, 8 ta’ Marzu, se jkunu jistgħu jiġu ddepożitati l‑ħwejjeġ li jistgħu jerġgħu jintużaw. Dawn se jgħaddu minn proċess ta’ għażla, ħasil u mogħdija biex finalment jiġu ppakkjati u jinbiegħu. Din il‑ħidma tippromwovi wkoll l‑impenn għas‑sostenibbiltà u l‑ħarsien tal‑ambjent.

Il‑persuni fil‑bżonn ta’ ħwejjeġ se jkunu jistgħu jiksbu l‑vouchers mill‑parroċċi u l‑entitajiet soċjali tal‑Knisja. Madankollu, il‑pubbliku ġenerali wkoll jista’ jixtri dawn il‑ħwejjeġ bi prezz raġonevoli. Fl‑ewwel ġimgħa ta’ din il‑kampanja, il‑ħwejjeġ jistgħu jiġu depożitati fil‑knisja parrokkjali tal‑Iklin waqt il‑ħinijiet tal‑quddiesa u fiċ‑ċentru parrokkjali tal‑Kalkara bejn id‑9am u l‑11:30am. Kull ġimgħa fuq Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart se jitħabbru l‑parroċċi differenti minn fejn se jinġabru l‑ħwejjeġ.

Albert Debono, responsabbli mid‑djakonija fil‑parroċċi fi ħdan il‑Caritas qal li: “Kemm‑il darba nilmentaw li m’għandniex x’nilbsu? Fir‑realtà, uħud minna verament għandhom din il‑problema. Għalhekk il‑ħwejjeġ m’għandhomx jintrewmew iżda jingħataw lit‑Taqsima tad‑Djakonija fil‑Parroċċi ta’ Caritas Malta u ċertament xi ħadd żgur se jiġi bżonnhom u japprezzahom”.

Fr Joe Borg, Chairperson tal‑Bord Editorjali ta’ Beacon Media Group qal li Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart huma kburin li jagħmlu parti minn din il‑kampanja. “Il‑midja tagħna, bħala partner f’din il‑kampanja, se tkun qed tagħti l‑appoġġ kollu meħtieġ lil din l‑inizjattiva li ta’ min wieħed ifaħħarha,” sostna Fr Joe Borg.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply